Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li l-proċeduri quddiem it-Tribunal Lokali t'Għawdex qegħdin isiru b'mod irregolari peress illi l-uffiċjali kollha f'dan it-tribunal huma impjegati u jifformaw parti mill-kumpannija li tiġġestixxi din is-sistema u għaldaqstant la huma imparzjali u lanqas indipendenti imma jiffurmaw parti mill-fergħa tal-prosekuzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jekk qed nifhem sewwa, meta l-Onor. Interpellant qed isemmi l-uffiċjali fit-Tribunal t'Għawdex, qed jalludi għall-Uffiċjal Awtorizzat, il-prosekutur, l-iskrivan tat-Tribunal, u l-Kummissarju.
L-ewwel tnejn huma ingaġġati mat-Tribunal wara li saret sejħa separata mill-Kumitat Konġunt. L-iskrivan m'għandu ebda influwenza fid-deċiżjonijiet ħlief li jirreġistra s-sentenzi u l-Uffiċjal Awtorizzat jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tas-seduti.
Il-Prosekutur jieħu ħsieb li jiddefendi l-interessi tal-Kunsilli Lokali li għandhom dritt għaliha f'sistema ġudizzjarja.
Il-Kummissarju huwa magħżul mill-Ministru u ma jappartjeni lill-ebda kumpanija.
Oltre minn hekk akkużat għandu d-dritt li jappella minn sentenza tat-Tribunal u jista' anke jagħmel petizzjoni mal-Bord tal-Petizzjonijiet mingħajr biss ma jitla' t-Tribunal.
Għaldaqstant inħoss li akkużat għandu biżżejjed garanziji kontra imparzjalitajiet li wieħed iħoss li l-uffiċjali li jiġġestixxu din is-sistema jistgħu jiġġeneraw kontra tiegħu.
Jista' jekk jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ ta' proprjeta' reġistrata fl-insinwa ta' Għawdex u kemm kien il-valur tagħhom kull sena mill-1999 sal-lum?
Tista' il-Ministru tgħid x'sar s'issa u x'jonqos isir fuq kull kors, skema u proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2004-2006? Tista' tagħti t-timeframes bid-data sa meta għandu jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm kienet l-istima oriġinali u kemm hija mistennija li tkun l-ispiża issa? Fejn hemm differenza bejn l-istima oriġinali u dik riveduta, x'inhi r-raġuni għad-differenza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm tenders għal xogħol f'Għawdex ġiet awarded ir-Road Construction Ltd. mill-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar erba' snin u wkoll mill-1992 sa l-1996?
Tista' il-Ministru tgħid jekk din il-kumpannija ingħatatx direct orders f'xogħlijiet li saru f'Għawdex? Tista' il-Ministru telenka kull tender li ngħatat din il-kumpannija u kemm kienet tiswa kull tender?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21918 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jekk jogħġbu jara li persuna mill-Fontana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li taħdem St Luke's tinġieb temporanjament taħdem ġo Għawdex peress illi hija tqila u hemm periklu li minħabba t-traġitt jekk tmur u tiġi minn Malta titlef it-tarbija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm proċedura stabbilita f’każ ta’ nisa Għawdxin li qed jistennew tarbija u jixtiequ li temporanjament jaħdmu xogħol Għawdex u għalhekk huwa rakkomandat li l-persuna kkonċernata tkellem lis-Superjuri tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-ammont minfuq fuq konsulenza mogħtija minn konsulenti jew avukati għar-rigward xogħol u pariri legali f'dawn l-aħħar sentejn?
Tista' il-Ministru tgħidilna s-servizzi legali ta' min qabbdet f'dawn l-aħħar sentejn u l-kriterju li ntuża għal din l-għażla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi l-ammont minfuq fuq konsulenza legali mill-ministeru għal Għawdex hija ta' Lm1,402.45.
Ninsab infurmata ukoll illi l-Ministeru għal Għawdex għamel użu mis-servizzi legali ta' Dr. Louis Vella, Dr. Carmelo Galea, Dr. Mario Scerri, Dr. Joseph u Dr. Robert Tufigno.
Dawn tqabbdu skond ma jippermettu r-regolamenti finanzjarji u peress li l-Minisetru ma kellux servizz intern ta' 'legal advisor'.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-proġett s'issa tat-triq li minn San Lawrenz tagħti għar-Rabat? Kemm aċċeda l-istima dan il-proġett? Min huma l-kumpanniji li ħadu t-tenders u kemm se jieħdu kull kumpannija? Sar xi xogħol fil-privat fl-esekuzzjoni ta' dan ix-xogħol? Jekk sar, kemm kienet l-ispiża totali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f'seduta oħra.
Tista' il-Ministru tara li persuna mill-Fontana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li taħdem St Luke's tinġieb temporanjament taħdem ġo Għawdex peress illi hija tqila u hemm periklu li minħabba t-traġitt jekk tmur u tiġi minn Malta titlef it-tarbija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onerevoli Nterpellant jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu issa jagħtini t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19436 dwar l-investiment tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 19436
Jista' il-Prim Ministru issa jagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19436 li kont għamilt fid-29 ta' Mejju 2006 dwar l-investiment f'Għawdex mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 19436.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 20215 dwar in-nefqa f'Għawdex tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Peress li din il-mistoqsija kont diġa' għamiltilu madwar tmien ġimgħat ilu, jista' jekk jogħġbu issa jagħtini t-tagħrif li tlabtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal-mistoqsija parlamentari numru 19436.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm jammonta l-investiment kollu li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għamlet f'Malta u Għawdex, separatament u sena sena, minn meta bdiet tiffunzjona sal-lum? Fiex kien jikkonsisti dan l-investiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jara li ma jibqax jinġarr żibel fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mal-passiġġieri u vetturi f'ħinijiet ta' l-iskeda? Jaf il-Ministru li dan iż-żibel jikkostitwixxi health hazard kbir bi ġrieden saħansitra jinżlu u jitilgħu mill-istiva tat-truck u oltre dan bl-istess żibel jiġġenera intiena sħiħa mal-vapur kollu?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-PQ Nru 5459, ninsab infurmat li hemm qbil biex l-iskart ma jinġarrx fuq il-vapuri tal-Gozo Channel f'peak hours meta jkun hemm ħafna passiġieri fuq il-vapur.
Hemm ukoll ċertu kondizzjonijiet, imsemmija fil-PQ Nru 5459, li jridu jinżammu, u dawn għadhom japplikaw sa llum. Dawn il-kondizzjonijiet ġew maqbula mal-Wasteserv, il-Kumpannija responsabbli għall-ġarr tas-skart.
Il-Kumpanija tikkonferma wkoll li qatt ma kellha xi rapport li kien hemm xi ġrieden jinżlu u jitilgħu mill-istiva tat-trakk fuq il-vapuri tagħna.
Dwar 'Health Hazard', nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jara li ma jibqgħux jinġarru mal-passiġġieri trucks bil-broilers fihom f'ħinijiet li normalment jgħaddu passiġġieri, fosthom turisti , li jkunu ġejjin minn flights u sejrin Għawdex?
Huwa konxju l-Ministru ta' l-intejjen li dawn jiġġeneraw u li jikkalpestaw il-vapur għal ħinijiet twal?
Jista' jagħti struzzjonijiet li dawn jitħallew jgħaddu mat-trip ta' filgħodu kmienu u mhux jgħaddu filgħaxijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li biex il-Gozo Channel tevita li ġġor livestock mall-passiġieri, ikollha tagħmel vjaġġ apposta (charter), għax il-passiġieri, inklużi turisti, jivvjaġġaw f'kull ħin tal-ġurnata. Minbarra l-ispiża dan huwa ħafna drabi loġistikament mhux prattiku għax il-ġarr tal-livestock jiddependi wkoll minn fatturi oħrajn bħall-ġurnata li fiha ssir il-qatla il-biċċerija, jew inkella ix-xiri u bejgħ ta' livestock għall-laħam.
L-eċċezjoni hi l-każ tal-majjali għax f'dan il-każ huwa prattiku li trakkijiet bil-majjali jivvjaġaw fis-siegħet bikrin ta' fil-għodu. Fil-fatt hekk isir.
Madankollu, il-kumpanija ser tkompli tiltaqa' ma' l-entitajiet konċernati bl-iskop li jiġi regolat it-traġitt ta' livestock fuq il-vapuri, sabiex ikunu ta' l-inqas inkonvenjent għall-passiġġieri abbord.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex? Meta huwa mistenni li jitlesta? Kemm se tkun il-kapaċita' totali tiegħu ta' produzzjoni ta' ilma kuljum? X'użu se jsir mill-ilma li jipproduċi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li huwa stmat li madwar ħamsa u tletin fil-mija tax-xogħol fuq l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex huwa lest. L-impjant hu mistenni jibda jopera għal-nofs is-sena 2007.
L-impjant ser jipproduċi l-medja ta' madwar sitt elef metru kubu ta' ilma ittrattat kuljum.
L-użu ta' l-ilma ittrattat ser jiġi iddeterminat eventwalment minn 'reuse policy' li ser tinħadem flimkien mal-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-istallazzjoni tal-polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Kemm hi l-kapaċita' ta' produzzjoni ta' l-impjant meta jkun qed jaħdem kollu? Kemm qed jipproduċi ilma b'kollox kuljum bħalissa? Liema lokalitajiet f'Għawdex qed jiġu provduti bl-ilma minn dan l-impjant bħalissa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-impjant tlesta u qed jiffunzjona. Baqa' biss xi addizzjonijiet żgħar li qed isiru sabiex jtejbu l-operat tiegħu.
Il-kapaċita' tiegħu massima hija ta' ċirca 4000 cum3 kuljum. Bħalissa qed jiġi prodott 2400cum3 kuljum.
Il-prodott tiegħu qed jitqassam fuq Għawdex kollu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk Għawdex hux se jkollu flus allokati speċifikament għalih mill-fondi strutturali u mill-fond ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-perijodu ta' programmazzjoni għas-snin 2007-2013? Jekk fin-negattiv, għaliex? Jekk fl-affermattiv, x'persentaġġ tal-fondi kollha se jkollu? Minbarra li Għawdex jibbenefika mill-fondi allokati speċifikament għalih, l-Għawdxin ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-fondi l-oħra allokati għal proġetti u skemi li joħorġu sew għal Malta kif ukoll għal Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nagħraf lill-Onorevoli Interpellant li Għawdex għandu allokazzjoni ta’ mill-inqas għaxra fil-mija fuq il-Programmi kollha tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koezjoni. Dan tħabbar minni xhur ilu meta kien sar id-djalogu pubbliku f’Għawdex dwar il-fondi ta’ l-Ewropa. Barra dan, Għawdex jista’ jibbenifika wkoll mill-kumplament tal-fondi.
Tista' il-Ministru tikkonferma li taħt il-perijodu ta' programmazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea 2004-2006 Għawdex għandu priorita' b'10% tal-fondi kollha li ġejjin mill-Ewropa allokati speċifikament u esklussivament għalih u fl-istess waqt l-Għawdxin li joperaw fl-oqsma tal-biedja, tas-sajd, tat-turiżmu u ta' l-industrija u fl-oqsma soċjali jibbenefikaw ukoll mid-90% tal-fondi allokati għall-prioritajiet l-oħra li l-proġetti u l-iskemi tagħhom joħorġu sew għal Malta kif ukoll għal Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nikkonferma li Għawdex għandu Priorita b'10% tal-fondi strutturali għal perjodu ta' programmazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea 2004 - 2006 allokati speċifikament u esklussivament għalih.
L-Għawdxin għandhom ukoll l-opportunita li jibbenefikaw mill-iskemi u l-proġetti li joħorġu fuq bażi nazzjonali taħt il-prioritajiet l-oħra.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 17306 li kont għamiltlu fis-17 ta' Frar 2006 dwar impjiegi fis-settur industrijali f'Għawdex u li għaliha wieġeb permezz ta' mistoqsija parlamentari 19297. Peress li fit-tweġiba tiegħu ma tanix it-tagħrif li tlabtu, jista' jekk jogħġbu issa jagħtini t-tagħrif kollu mitlub?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 21163 f'Seduta 438 fejn poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.