Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 22343 dwar dħul medju tal-ħaddiema fl-industrija tal-manifattura, fejn qalli li d-data li tlabtu ma teżistix. Jista' il-Prim Ministru jagħtini l-informazzjoni għas-settur tal-manifattura in ġenerali għal Malta u Għawdex rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 22343, u inżid ngħid illi informazzjoni dwar dħul medju tal-ħaddiema fl-industrija tal-manifattura in ġenerali ma tinġabarx għal Malta u Għawdex separatament imma għall-pajjiż kollu f’daqqa.
Nirriferi lill-Prim Ministru għad-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla fejn hu semma x'inhuma l-proġetti li se jsiru f'Għawdex fl-2007 u li se jkunu kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Peress li fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari l-Ministru għal Għawdex qalet li d-dokumenti ta' programazzjoni għas-snin 2007-2013 għadhom ma ġewx finalizzati u għalhekk il-proċess ta' l-għażla skond il-proċedura stabilita għadu ma bediex, jista' l-Prim Ministru jgħidli liema hi l-verżjoni korretta minn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet, waħda tiegħu u l-oħra tal-Ministru għal Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti għal Għawdex msemmija minni fid-diskors tal-baġit jinkludu proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-baġit nazzjonali. Għalkemm is-sejħa uffiċjali għall-proġetti għadha ma saritx, Malta qed tipprepara numru ta’ proġetti, dak li hu magħruf bħala l-project pipe-line, kif inhuma mħeġġa li jagħmlu l-Istati Membri mill-Kummissjoni Ewropea, biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm dewmien fl-implementazzjoni. Infakkar ukoll li llum Malta għandha l-istrateġija u l-prioritajiet (dak imsejjaħ NSRF) maqbul mill-Kummissjoni Ewropea.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li ħwienet tal-pitkala li hemm fil-pitkalija qegħdin jinżammu magħluqa?
Huwa minnu li x-xogħol tagħhom ħlief għal wieħed, se jiġi trasferiet għal Gozitano?
Tista' il-Ministru tispjega għaliex?
Jekk skond it-tender document meta ngħataw dawn il-ħwienet fil-pitkalija, min jiġġestihom suppost iżommhom miftuħa, tista' il-Ministru tispjega kif qiegħda tippermetti li dawn jinżammu magħluqa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex il-ħwienet tal-Pitkalija f’Għawdex jinżammu miftuħa.
Ma hinix infurmata li x-xogħol tal-Pitkalija ħlief wieħed ser jiġi trasferit għal Koperattiva Gozitano.
Peress illi l-gvern ippermetta li l-mediċina kontra l-kolesterol tibda tingħata lill-anzjani li japplikaw għaliha, jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni dawn l-istess anzjani ma rċevew l-ebda tweġiba għall-applikazzjoni tagħhom minkejja li din saret bosta ġimgħat ilu, u saħansitra fl-ewwel nofs ta' Novembru 2006?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Applikazzjonijiet għall-mediċini kontra l-kolesterol jiġu proċessati fil-Medicines Approval Section fi ħdan l-isptar San Luqa għal pazjenti residenti Malta u fl-ispiżerija ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex għal pazjenti residenti Għawdex.
Il-protokoll għall-mediċini kontra l-kolesterol (HMG CoAReductase Inhibitors [Statins]) ġie estiż għall-anzjani li għandhom il-livell tal-kolesterol għoli fid-demm permezz taċ-ċirkulari tad-Dipartiment tas-Saħħa DH 311/2006 - Entitlement to Statins maħruġa fid-9 ta' Novembru 2006.
Għal dawk l-applikazzjoniiet li jiġu pproċessati Malta u li kienu jissodisfaw il-protokoll il-ġdid, iż-żmien ta' proċessar kien dejjem ta' ftit jiem u qatt itwal minn ġimgħa.
Il-fatt li l-applikazzjoni ma tkunx konformi mal-protokoll il-ġdid tista' tirriżulta f'aktar dewmien sakemm jinħareġ il-permess.
Jista' il-Ministru jara li żewġ Għawdxin li jattendu l-MCAST l-Imsida li ma għaddewx mill-assignment tal-Unit number 7 (Applying Physiology) jerġgħu jingħataw iċ-ċans li jagħmlu dan l-assignment sabiex jikkwalifikaw għaċ-ċertifikat tan-National Diploma in Care?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li qiegħed ikun hemm ħafna lmenti dwar id-dewmien fil-ħruġ ta' l-approvazzjoni tal-mediċini mill-isptar ġenerali ta' Għawdex, fost l-oħrajn dewmien ta' aktar minn xahrejn, jista' l-Ministru jgħidilna x'raġuni hemm għal dan id-dewmien kollu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peres li dan huwa xogħol li jsir f'Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Nirriferi lill-Ministru għal Għawdex għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 22318 u speċifikament dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat. Tista' jekk jogħġobha l-Ministru tgħidli:
X'inhu t-tip partikolari ta' tafal li nstab?
Dan it-tip ta' tafal jidher fil-mappi ġeoloġiċi?
Kienu saru testijiet ġeoloġiċi fuq it-triq qabel tħejjew il-bills of quantities?
X'inhu x-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni, dan ix-xogħol ġie inkluż fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dan ix-xogħol ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dan ix-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kien stmat oriġinarjament li jiswa dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiswa issa?
X'inhuma x-xogħlijiet relatati ma' servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni, dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi ġew inklużi fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dawn ix-xogħlijiet ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kienu stmati oriġinarjament li jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm hu mistenni li jiswew issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22760, jiena nfurmata kif ġej:
It-tafal li nstab huwa materjal li jiġġenera
swelling pressure
qawwija meta jixxarrab. Il-mappi ġeoloġiċi għall-gżejjer maltin ma jidħlux fid-dettal u juru biss dettalji ġeneriċi li f’din il-parti ta’Għawdex hemm franka u
blue clay
. Qabel tħejjew il-bills of quantities, saru
plate bearing tests u Benkelman tests.
Ix-xogħolijiet li ma ġewx inkluzi fl-istima oriġinali huma
· Culvert fil-ħitan biex jiġu integrati s-servizzi ta’ l-Enemalta minħabba li waqt laqgħat regolari li kienu jsiru ma’ entitajiet konċernati, ġie deċiż li l-aħjar mod li għandhom jiġu mgħoddija dawn il-cables kien minn ġol-ħajt biex hekk jiġi evitat kull riskju li jista jintmess il-wiċċ tat-triq f’każ ta’ bżonn li jsiru xi xogħlijiet fuq il-cables.
· Ħitan li kienu neċessarji biex jissalvagwardjaw l-istabbilita tat-triq;
· Xogħolijiet fuq junctions minħabba tibdil li sar fid-disinn tat-triq;
· Xogħol biex il-bdiewa jkollhom faċilitajiet neċessarji għax-xogħol tagħhom.
· Estensjoni tas-servizz tad-drenaġġ.
· Tisħiħ tas-service duct tal-Maltacom minħabba diffikultajiet li nqalgħu max-xogħol ta’ l-eskavazzjoni.
Nirriferi l-Ministru għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 22347 dwar proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Tista' l-Ministru tgħidli meta huwa mistenni li jiġu approvati d-dokumenti ta' programmazzjoni għall-perijodu 2007-2013? Meta hu mistenni li jibda l-proċess ta' l-għażla tal-proġetti? Fiex se jkun jikkonsisti l-proċess ta' l-għażla skond il-proċeduri stabiliti? L-imsieħba ekonomiċi u soċjali, bħalma huma l-Gozo Business Chamber, il-Gozo Tourism Association, l-NGOs Association u l-kunsilli lokali se jieħdu sehem f'dan il-proċess?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kienu nvoluti mill-bidu nett saħansitra meta kien qiegħed jitfassal n-National Strategic Reference Framework, għal perjodu ta' programmazjoni 2007-2013, permezz ta' laqgħa ta konsultazzjoni li saret fl-20 ta' Settembru 2005. Din il-laqgħa kienet saret fil-Ministeru għal Għawdex u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kienu mistiedna biex jagħtu l-kontribut tagħhom. Nassigura l-Onor. Interpellant li dawn l-imsieħba sr jibqgħu nvoluti f'dan il-proċess.
Għawdex — Bejgħa ta' oqbra fiċ-ċimiterju ta' Santa Marija
Question
Tista' il-Ministru tgħid: 1) meta l-aħħar ingħataw u kemm ingħataw oqbra fuq skema ta' bejgħ lill-pubbliku mill-gvern fiċ-ċimiterju ta' Santa Marija, Għawdex? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra mill-pubbliku? 3) Jekk il-gvern jarax il-ħtieġa li jissodisfa dan il-bżonn u fil-ġejjieni qarib isiru aktar oqbra sabiex jinbiegħu lill-pubbliku?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
1) Nixtieq ninfurmak li l-aħħar li ngħataw oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija,
Xewkija , Għawdex, fuq skema ta’ bejgħ lill-pubbliku mill-gvern kien bejn l-1993 u
l-1994. Fil-1993 saru tmienja u tmenin (88) kuntratt ta’ bejgħ ta’ oqbra waqt li fl-
1994 saru żewġ (2) kuntratti ta’ bejgħ.
2) Preżentament hemm irreġistrati tlett mija u ħdax (311) l-applikazzjoni pendenti għal xiri ta’ oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija, Xewkija, Għawdex.
3) Qiegħdin jittieħdu miżuri meħtieġa sabiex iċ-ċimiterju ta’ Santa Marija jiġi estiż biex ikun hemm numru ta’ oqbra adekwati biex tkun sodisfatta d-domanda tal-pubbliku.
Nirriferi lill-Ministru għal Għawdex għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 22347 dwar proġetti finanzjati mill-EU għall-perijodu 2007-2013 fejn hi qalet li d-dokumenti ta' programmazzjoni għadhom ma ġewx finalizzati u għalhekk il-proċess ta' l-għażla skond il-proċedura stabilita għadu ma bediex. Taf il-Ministru li fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla l-Prim Ministru semma x'inhuma l-proġetti għas-sena d-dieħla u saħansitra ġew ivvotati l-flus għalihom? Tista' l-Ministru tgħidli liema hi l-verżjoni korretta minn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet, waħda tagħha u l-oħra tal-Prim Ministru ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' jekk jogħġobha l-Ministru issa tagħtini risposta għall-mistoqsija parlamentari 21180 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex li kont għamiltilha fl-10 ta' Ottubru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li risposta għall-mistoqsija tiegħu ngħatat diġa fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 22351.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda tal-bills of quantities u l-prezzijiet tat-tender li rebħet l-offerta għall-bini tat-triq Rabat-San Lawrenz? Tista' tgħid liema kwantitajiet u/jew prezzijiet inbidlu wara li ntrebħet l-offerta? X'inhuma l-kwantitajiet u l-prezzijiet il-ġodda?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li hija ta' natura kummerċjali.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġibiet li tatni għall-mistoqsijiet parlamentari 15937 u 21177 dwar asfaltar ta' toroq residenzjali f'Għawdex. Tista' jekk jogħġobha taġġornani u tgħidli x'xogħlijiet saru s'issa fuq kull waħda mit-toroq imsemmija? Kemm kienet l-istima oriġinali ta' kull waħda? Kemm hu mistenni li tkun l-ispiża finali fuq kull waħda? Min kien il-kuntrattur għal kull triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-informazzjoni mitluba hija skond kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u li tinkludi wkoll informazzjoni dwar toroq oħra li saru jew qegħdin fil-proċess li jsiru.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru fuq il-bini tal-biċċerija ta' Għawdex? Kemm kienet l-istima oriġinali ta' kull biċċa xogħol li saret? Kemm kienet l-ispiża finali? Min kienu l-kuntratturi f'kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet ta' bini li saru fil-biċċerija huma : tneħħija ta ħitan u bini ta' travi tal-concrete li kienu stmati li jiswew Lm1,828 u ġew jiswew Lm 1,724 u bini ta' estensjoni u moderniżżar li kien stmat li jiswa Lm60,761 u li s'issa ġie jiswa Lm 39,570. Il-kuntratur f'kull każ kien Road Construction Co. Ltd.
Tista' jekk jogħġobha l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda tal-Bills of Quantities u l-prezzijiet tat-tender li rebħet l-offerta għall-bini tat-Triq Xewkija - Mġarr? Tista' tgħidli l-KRAM Joint Venture minn min hi magħmula? Tista' tgħidli minn min qed isiru x-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li x-xogħol fuq il-bini tat-Triq Xewkija - Mġarr qiegħed isir mill-Awtorita' Dwar it-Trasport, nitlob l-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22348 dwar l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-arranġamenti l-ġodda li saru mal-Kummissjoni Ewropea dwar dan il-proġett? Għaliex kellhom isiru arranġamenti ġodda?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Kummissjoni Ewropea approvat estensjoni ta’ żmien għat-tkomplija tal-proġett. Dawn l-arranġamenti ġodda ġew mitluba wara li l-proġett kellu dewmien li l-Kummissjoni ħasset li kien ġustifikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett approvat il-Malta Enterprise din is-sena? Kemm huwa mistenni li jiġġeneraw investiment? Kemm hu mistenni li joħolqu mpjegi fit-tliet snin li ġejjin? Kemm minn dawn il-proġetti huma għal Għawdex? Kemm se jkun l-investiment tagħhom f'Għawdex? Kemm se joħolqu mpjiegi f'Għawdex? Jista' jagħtina l-istess informazzjoni għall-2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 22343 dwar dħul medju tal-ħaddiema fl-industrija tal-manifattura, fejn qalli li d-data li tlabtu ma teżistix. Jista' il-Prim Ministru jagħtini l-informazzjoni għas-settur tal-manifattura in ġenerali għal Malta u Għawdex rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.