Tista' l-Ministru tieħu ħsieb biex ħajt li qiegħed f'raba fil-Lunzjata, limiti ta' Fontana li ġġarraf ħtija ta' drenaġġ li żbroffa għal ġo fih, jerġa' jinbena peress illi dan qiegħed ikerrah id-dehra panoramika ta' l-ambjent ta' madwaru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda tieħu azzjoni biex jitranġa l-ħajt imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa mill-Gvern Malti dwar l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet lil Malta għal nuqqas ta' osservanza tar-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22351 dwar inċentivi għall-industrija tal-manifattura f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid għaliex is-sussidju qed idum sa sitt snin biex jitħallas? Għaliex il-flus ivvotati għas-sena 2007 lanqas ikopru t-talbiet kollha għas-sena 2004 li diġa' huma approvati mill-Malta Enterprise? Meta huma mistennija jitħallsu t-talbiet li diġa' huma approvati mill-Malta Enterprise u li l-Ministru nkludiet fit-tweġiba tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-inċentivi msemmija jdumu ma jitħallsu minħabba li l-kumpaniji nfushom ma jibgħatux t-talbiet tagħhom lill-Malta Enterprise immedjatament kif tagħlaq is-sena finanzjarja tagħhom kif ukoll li wara li jintbagħtu t-talbiet dawn ikunu iridu jiġu vverifikati li f'ħafna każi jieħu ż-żmien minħabba li jkollha tintalab aktar informazzjoni għall-iskop tal-verifika. Pagamenti imbagħad isiru skond il-fondi allokati .
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22754 dwar it-tender tat-triq mir-Rabat għal San Lawrenz fejn hija rrifjuta li tagħtini l-iskeda tal-kwantitajiet (Schedule of Quantities) tax-xogħlijiet fuq din it-triq għax qalet li din l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali. Taf il-Ministru li din l-informazzjoni hija ta' natura pubblika u ta' interess pubbliku ħafna aktar u akbar milli hija ta' natura kummerċjali? Taf li din l-informazzjoni ssoltu tingħata u ma tinżammx mistura mill-iskrutinju tal-parlament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li talab fil-mistoqsija parlamentari numru 22754 kienet ta' natura kummerċjali u għalhekk ma ngħatatx. B'differenza l-informazzjoni mitluba f'din il-mistoqsija hija ta' natura pubblika u għalhekk qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħidli meta huwa mistenni li jiġu approvati d-dokumenti ta' programmazzjoni għall-perijodu 2007-2013 tal-UE? Meta hu mistenni li jibda l-proċess ta' l-għażla tal-proġetti? Fiex se jkun jikkonsisti l-proċess ta' l-għażla skond il-proċeduri stabbiliti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 22318 u 22760 u speċifikament dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat, tista' jekk jogħġobha l-Ministru tirrispondini u tagħtini t-tagħrif kollu li jiena tlabtha fil-mistoqsija parlamentari 22318 u li hi baqgħet ma tagħtulix fit-tweġiba tagħha f'mistoqsija parlamentari 22760 u cioe':
*X'inhu x-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni f'mistoqsija parlamentari 22318, dan ix-xogħol ġie nkluż fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dan ix-xogħol ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dan ix-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kien stmat oriġinarjament li jiswa dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiswa issa?
*X'inhuma x-xogħlijiet relatati ma' servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni f'mistoqsija parlamentari 22318, dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi ġew inklużi fl-istima oriġinarli? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dawn ix-xogħlijiet ma ġewx inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dawn ix-xogħlijiet relatat mas-servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kienu stmati oriġinarjament li jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm hu mistenni li jiswew issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22756 dwar il-biċċerija t'Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli fid-data tar-risposta x-xogħol kien jonqos isir fuq il-bini ta' estensjoni u mmodernizzar u kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol li għadu jrid isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol li kien jonqos isir fuq il-bini tal-biċċerija jikkonsisti minn tqegħid ta' madum fil-parti diġa mibnija u bini ta' xi kmamar oħra fejn parti mix-xogħol mistenni jsir mill-ħaddiema tal-gvern. Jiena nfurmata ukoll li dan ix-xogħol li jonqos fuq il-bini huwa stmat li ser jiswa Lm24,161.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22319 dwar nefqa kapitali tal-ministeru tagħha, tista' l-Ministru tgħidli xi trasferimenti ta' flus saru minn item għal ieħor matul l-2006? Għaliex ma ntefqux il-flus fuq l-item fejn kienu vvotati? Għaliex kien hemm il-bżonn ta' aktar flus fuq items oħrajn? Fuq hiex intużaw il-flus li ġew trasferiti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni tkun miġbura r-risposta titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien id-dħul tal-gvern mill-bejgħ ta' proprjeta' f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-lum? Kemm kien in-numru ta' irċevuti ta' pagamenti kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Id-dħul tal-gvern mill-bejgħ ta' proprjeta' f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-llum kien:-
1999 Lm197,583
2000 Lm 40,359
2001 Lm 27,673
2002 Lm323,205
2003 Lm778,898
2004 Lm 55,216
2005 Lm314,099
2006 Lm193,702
2007* Lm 1,500
In-numru ta' irċevuti ta' pagamenti għall-kiri ta' proprjeta' f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-llum kien:
1999 4,301
2000 4,134
2001 3,806
2002 4,068
2003 4,636
2004 4,142
2005 3,916
2006 3,819
2007* 401
*sad-29 ta' Jannar.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22322 dwar il-Gozo Channel Co. Ltd, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jgħidli jekk in-numri li tani taħt rati sussidjati jinkludux xi kategoriji ta' passiġġieri minbarra passiġġieri residenti f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-kategoriji u kemm kien in-numru tagħhom xahar xahar għall-istess perjodu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-figuri li ngħataw fil-PQ 22322 taħt rati sussidjati jinkludu biss il-passiġġieri residenti f’Għawdex.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22082 dwar tenders għal xogħol f'Għawdex li ngħataw lil road construction ltd., tista' l-Ministru tgħid x'kienet l-ispiża totali u finali ta' kull tender? Tista' tgħidli l-istess kumpannija x'tendersħadet kull sena mill-1997 sa l-2001? X'kien il-valur oriġinali tagħhom u kemm kienet l-ispiża totali finali ta' kull tender?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru għal Għawdex tgħidli jekk itteħditx xi deċiżjoni mill-Gvern biex jerġa' jibda jitħaddem xi servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex? X'sar s'issa minn meta waqaf is-servizz tal-ħelikopter biex jerġa' jibda jitħaddem servizz bl-ajru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li l-Gvern qed jieħu l-miżuri neċessarji sabiex is-servizz ta’ l-ajru bejn Malta u Għawdex jissokta kemm jista’ jkun malajr. Wara li dan is-servizz twaqqaf, il-Gvern appunta kumitat ad hoc sabiex dan jirrakkomandalu l-għażliet dwar it-tipi ta’ servizz li jistgħu jiġu adottati. Dan ir-rapport tlesta u qiegħed għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern.
Kummissjoni Ewropea — Deroga dwar is-servizz tal-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, l-Gvern ma ħax il-passi meħtieġa biex iġib deroga mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex fuq il-bażi li l-forzi tas-suq waħedhom ma jħallux li jintlaħaq livell ta' servizz sodisfaċenti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex? Jaf il-Ministru li Franza, Spanja, il-Portugal u l-Greċja hekk għamlu biex iħarsu l-interessi tal-gżejjer tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-istejjem oriġinali tat-Triq Xewkija - Mġarr li x-xogħlijiet fuqha qed isiru bħalissa? Kemm huma mistennija li se jiswew x-xogħlijiet issa? Jista' jagħtini l-iskedi ta' kwantitajiet ta' dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22750 u cioe': B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22343 dwar dħul medju tal-ħaddiema fl-industrija tal-manifattura, fejn qalli li d-data li tlabtu ma teżistix, jista' jagħtini l-informazzjoni għas-settur tal-manifattura in ġenerali għal Malta u Għawdex rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 22750.
Jista' l-Prim Ministru jagħtini risposta għall-mistoqsija parlamentari 22747 dwar VAT imħallsa mill-kumpannija Spanjola li kienet tħaddem is-servizz tal-ħelikopter bejn Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 22747.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT mill-kumpannija Spanjola li kienet qed tħaddem is-servizz tal-helicopter bejn Għawdex u Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Spanjola li kienet tħaddem is-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex, Helicopters de Suerte S.A., ħallset is-somma ta’ Lm4997, li minnhom kien hemm Lm41 multi u interessi, bħala VAT, minn din is-somma, il-kumpanija kienet tħallset lura Lm1755 bħala rifużjoni.