B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22746 dwar proġetti u investiment, jista' l-Ministru jgħidli f'liema settur/i huma l-proġetti approvati? Kemm se jkun l-investiment f'kull settur u kemm impjiegi se jinħolqu f'kull settur? Kif inhu pproġettat li jsir l-investiment u li jinħolqu l-impjiegi kull sena matul l-ewwel tliet snin ta' l-operat tagħhom? Meta kien proġettat li jibda jsir l-investiment u jibdew jinħolqu l-impjiegi? Jista' jgħidli mill-proġetti approvati kemm sar investiment u kemm impjiegi nħolqu s'issa f'Malta u Għawdex separatament minn dak li kien proġettat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Nerġa' nirriferi l-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21163 dwar ħaddiema fis-settur privat. Jista' l-Ministru issa jagħtini l-istess informazzjoni sena sena mill-2000 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għas-snin 1999 sa l-2006 ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23721 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli kull waħda mis-17-il talba li hemm pendenti għall-approvazzjoni tal-Malta Enterprise meta waslet għand il-Malta Enterprise?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru u l-valur ta' l-għotjiet ta' inċentivi għall-industrija f'Għawdex taħt il-Business Promotion Act li huma approvati mill-Malta Enterprise u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Meta saru t-talbiet mill-industrijalisti u meta ġew approvati mill-Malta Enterprise? Meta mistennija li jitħallsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-gvern ma ħax il-passi meħtieġa biex iġib deroga mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex fuq il-bażi li l-forzi tas-suq waħedhom ma jħallux li jintlaħaq livell ta' servizz sodisfaċenti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex? Jaf li Franza, Spanja, il-Portugal u l-Greċja hekk għamlu biex iħarsu l-interessi tal-gżejjer tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-Pożizzjoni Komuni maqbula bejn Malta, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea fl-2001, kien speċifikat li Malta kienet se tidħol f'kuntratt ta' servizz pubbliku (PSO) biex jiġi assigurat servizz effiċjenti bejn iż-żewġ Gżejjer bi frekwenza stabbilita u skond nollijiet imposti mill-Gvern.
Permezz ta' dan il-PSO, il-Gvern qiegħed jiżgura li jkun hemm il-flessibilita' neċessarja għall-għajnuna meħtieġa rigward it-trasport bejn Malta u Għawdex.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23405 tat-30 ta' Jannar 2007 dwar tenders għal xogħlijiet f'Għawdex li ngħataw lill-Road Construction Ltd., tista' l-Ministru issa tagħtini t-tagħrif mitlub?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23411 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex, tista' l-Ministru issa tagħtini t-tagħrif mitlub?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mistoqsija parlamentari numru 23411 ma titrattax dwar inċentivi għall-industrija.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23720 dwar Triq San Lawrenz/Rabat, tista' l-Ministru tgħidli kemm mill-Lm187.056 u mill-Lm211,963 huma nklużi fl-istima oriġinali?
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li hu l-bżonn ta' ilma kuljum għat-tisqija fl-agrikoltura f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li din l-istess Mistoqsija Parlamentari diġa' kienet saret f'seduta oħra, nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija numru 23737.
Għawdex — Kumpless fis-sit ta' l-iskola Ninu Cremona
Question
Tista' l-Ministru tgħidli:
*Jekk il-gvern approvax li jinbena kumpless fis-sit ta' l-iskola Ninu Cremona li se jinkludi l-bini ta' car park u ta' Qorti?
*X'passi ttieħdu u x'sar s'issa fuq dan il-proġett?
*Jekk sarx xi feasibility study dwar dan il-proġett?
*Kemm se jkun jesa karozzi l-car park?
*Jekk il-car park hux se jkun immexxi mill-privat?
*Jekk saritx applikazzjoni lill-MEPA għall-bini ta' dan il-kumpless? Meta saret? X'inhu n-numru ta' l-applikazzjoni tal-MEPA?
*x'inhuma l-vantaġġi li dan il-proġett isir fil-qalba tal-kumpless ta' l-iskejjel sekondarji ta' Għawdex u taċ-ċentru ta' l-eżamijiet ta' Għawdex minflok li jsir fejn kien propost iċ-ċentru komunali?
*Jekk il-proġett taċ-ċentru komunali issa hux se jitwarrab?
*Jekk il-proġett ta' athletic track f'Tax-Xħajma issa twarrabx ladarba se ssir athletic track ta' 200 metru fil-proġett tal-kumpless ta' l-iskola?
*X'miżuri ta' sigurta' se jkun hemm biex iħarsu t-tfal ta' l-iskejjel mit-traffiku u d-dħaħen li joħloq it-traffiku ta' karozzi fil-parkeġġ?
*Jekk sarux il-pjanti tal-proġett? Jekk saru, tista' tpoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett ta’ skola ġdida, car park u bini ta’ Qorti ġdid fir-Rabat huwa maqsum f’fażijiet. L-ewwel fażi hija l-binja ta’ l-iskola l-ġdida u l-car park ta’ taħtha li se jesa’ 150 karozza. L-applikazzjoni għal din l-ewwel fażi diġa’ saret mill-FTS lill-MEPA fit-28 ta’ Settembru 2006 (PA6027/06).
Il-kumplament tal-proġett, jiġifieri l-Qorti u aktar parkeġġ, ma jistax jibda jinbena qabel titlesta l-iskola kollha minħabba t-trasferiment ta’ l-istudenti.
Għaldaqstant, f’dan iż-żmien, ser isiru l-preparamenti kollha neċessarji marbuta mal-kumplament tal-proġett kif irrakomandat mill-Gvern.
Peress illi l-proposti huma li fuq l-istess art illi llum hija okkupata mill-iskola ser jinbena wkoll il-Qorti, b’hekk dan il-proġett ser jutilizza art diġa’ wżata u mhux ser inaqqas minn art miftuħa ġewwa r-Rabat kif kien propost fiċ-Ċentru Komunali. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-proposti taċ-Ċentru Komunali u ta’ l-Athletics’ Track Ta’ Xħajma jridu jiġu kkunsidrati.
Rigward miżuri ta’ sigurta’, ser issir triq ġdida li se tkun aċċessibbli għat-trasport ta’ l-istudenti biex dawn jitwasslu u jittieħdu minn quddiem il-bieb ta’ l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm investiment barrani dirett f'Għawdex kull sena mill-1999 sa l-2005 u kull xahar fl-2006? Jista' jgħid fejn sar l-investiment?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lil-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il petizzjoni saret kull sena mis-sena 2000 'l hawn dwar riżultati ta' Bordijiet ta' Għażla għal ħatriet/promozzjonijiet fis-settur pubbliku? Kemm-il riżultat nstab li kien żbaljat? Għal liema postijiet kienet il-ħatra/promozzjonijiet f'kull każ? F'liema ministeru kienu l-postijiet f'kull każ? X'kien l-iżball f'kull każ? X'rimedju ngħataw dawk il-kandidati li kienu ntlaqtu ħażin bir-riżultat żbaljat? Minn min kien kompost il-bord f'kull każ? X'passi ħa l-Prim Ministru biex jassigura li dawn l-iżbalji ma jibqgħux jiġru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, rigward petizzjonijiet li jsiru fis-Servizz Pubbliku skond il-Public Service Management Code (1.1.10), huwa miġbur fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni nkisbet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għas-snin 2001-2006. Jien infurmat li fl-2000, l-istatistika mitluba ma kinitx bdiet tinżamm.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija u mingħajr ma jingħataw dettalji fuq l-andament intern tal-Kummissjoni u fuq każi individwali, ninsab infurmat li fejn il-Kummissjoni dehrilha li kien hemm dubji serji dwar il-ġenwinità ta’ xi żball, hija rrakkomandat li jsiru aktar investigazzjonijiet u, f’xi każi, li wkoll jittieħdu dawk il-passi xierqa kif mistħoqq.
F’kull każ, ir-rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni ġiet osservata.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal huma biss rakkomandazzjonijiet. Il-Gvern qed jevalwa s-sitwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ stante li hawn si tratta l-ogħla kariga f’Ministeru kif stabbilit fl-istess Kostituzzjoni
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23406 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli x'deċiżjoni ħa l-gvern fuq ir-rapport tal-kumitat li twaqqaf ad hoc mill-gvern biex jagħmel ir-rakkmandazzjonijiet fuq l-għażliet dwar tipi ta' servizz li jistgħu jiġu adottati? Minn min kien magħmul il-bord?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M’għandix x’inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23406.
Minkejja dan, nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li l-kumitat li twaqqaf ad hoc mill-gvern biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet fuq l-għażliet dwar it-tipi ta’ servizz li jistgħu jiġu adottati kien kompost mill-persuni msemmija hawn taħt:
Is-Sur Leonard Callus
Is-Sur Joe Micallef
Is-Sur Marcel Pizzuto
Is-Sur Joe Vella
Is-Sur Joe Sultana
Is-Sur Tony Gatt
Il-Perit Silvio Farrugia li kien irrappreżentat mis-Sur Frans Mallia
Il-Maġġur Mark Anthony Said
Il-Perit William Soler
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-kumpannija Spanjola li kienet tħaddem is-servizz tal-helicopter ma kenitx eżentata mill-VAT u kienet obbligata tħallas din it-taxxa meta s-servizz bl-ajru huwa tant meħtieġ għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ trasport bejn Malta u Għawdex, il-liġi tal-VAT tipprovdi għal eżenzjoni biss fil-każ ta’ vjaġġi bil-baħar scheduled għall-ġarr tal-passiġġieri bejn gżira u oħra minn trasportaturi awtorizzati u servizzi oħra ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-baħar scheduled li għandhom dak l-għarfien mill-Kummissarju (Taqsima Wieħed tal-Ħames Skeda).
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23718 dwar it-Triq Xewkija-Mġarr fejn hija talbitni nirriferi l-mistoqsija lill-ministru konċernat.
*Peress li x-xogħlijiet qed isiru fuq it-Triq Xewkija-Mġarr huma xogħlijiet pubbliċi ffinanzjati mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
*Peress li sena ilu l-Prim Ministru fi tweġiba li kien tani għall-mistoqsija parlamentari kien qalli li hija responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi kif ukoll mill-proġetti ffinanzjati mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
*Peress illi fl-istess tweġiba l-Prim Ministru kien qalli li l-Ministru għal Għawdex tamministra l-vot tagħha direttament;
*Peress li l-Vot tal-Ministru għal Għawdex jinkludi t-toroq kif ukoll il-proġetti ffinanzjati mill-Fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
*Peress li l-Ministru stess fi tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari qaltli li l-Ministeru tagħha se jkun qed jamministra l-fondi Ewropej inklużi t-toroq;
*Peress ukoll li fil-fatt il-ministeru tagħha qed jamministra l-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għat-Triq Rabat-San Lawrenz fejn biex tlestiet nofs it-triq intnefqu miljun lira aktar milli kellha tiswa t-triq kollha;
Tista' l-Ministru tgħidli għaliex ma rrisponditnix hi dwar it-Triq Xewkija-Mġarr u talbitni nirriferi l-mistoqsija tiegħi lill-ministru konċernat?
Tista' tgħidli jekk il-gvern ħadilhiex il-flus ta' l-Unjoni Ewropea għat-toroq f'Għawdex minn taħt il-ministeru tagħha u tahom lil ministeru ieħor?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Dwar l-ewwel mistoqsija, ninforma l-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol fuq il-bini tat-Triq Xewkija-Mġarr qiegħed isir mill-Awtorita' dwar it-Trasport li jaqa' taħt ir-responsabbilta ta' Ministeru ieħor.
Dwar it-tieni mistoqsija ir-risposta hija fin-negattiv.