Tista' l-Ministru tgħid x'jonqos isir biex titlesta l-infrastruttura fuq is-sit għat-twaqqif ta' l-impjant innifsu li se jitratta d-drenaġġ f'Għawdex? X'sar s'issa fuqu? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu fuq id-diversi strutturi fosthom it-tankijiet? X'sar s'issa biex jiġi prokurat l-apparat/makkinarju li jitratta d-drenaġġ? Meta hu mistenni li jibda jiġi nstallat? Meta hu mistennni li jiġi kkummissjonat? Meta huwa mistenni li jibda jaħdem il-proġett kollu? Sa meta għandu jibda jaħdem skond l-arranġamenti ġodda li saru mal-Kummissjoni Ewropea? X'użu se jsir mill-ilma li jipproduċi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li:
madwar sittin fil-mija tal-bini ta' strutturi u xogħlijiet fuq it-tankijiet tlestew u ser jibda jiġi stallat l-apparat dan ix-xahar.
l-apparat/makkinarju huwa mixtri u mistenni jibda jasal Malta dan ix-xahar.
it-tankijiet kollha ser ikunu lesti sa Lulju 2007
l-impjant huwa ippjanat li jitlesta għal nofs Awissu 2007, jiġi kkumissjonat u jibda jopera lejn l-aħħar t'Awissu 2007.
l-arranġamenti ġodda ma' l-U.E. jestendu l-proġett sa l-aħħar ta' Settembru 2007.
rigward l-użu ta' l-ilma li ser jipproduċi l-impjant, huwa neċessarju li l-kwalita' ta' l-ilma ttrattat jilħaq livelli ta' kwalita' konsistenti. Wara li dan jintlaħaq mistenni jsiru diskussjonijiet ma' l-MRA sabiex isir l-aħjar użu minn dan ir-riżors.
Jista' l-Ministru jgħid minn liema liġi/legal noticejirriżulta l-għoli ta' lqugħ (opramorta) fir-rigward ta' health and safety
1) fuq il-post tax-xogħol,
2) fuq skavazzjonijiet ta' fondi,
3) fuq apparat għoli bħal cranes eċċ.,
4) fuq slielem?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Membru jkun aktar speċifiku fit-talba tiegħu għal informazzjoni mitluba, stante li ma l-ebda referenza jekk hux jirreferi għal legislazzjoni għal waqt id-disinn ta' bini, li ma jaqawx taħt il-liġijiet ta' l-Awtorita' għas Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, jew humiex miżuri temporanji li jridu jittieħdu waqt xogħolijiet ta' kustruzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid minn liema liġi jirriżulta l-għoli ta' lqugħ (opramorta)
1) fuq galleriji
2) fuq bjut
3) fejn wieħed jista' jaqa' minn għoli ta' aktar minn żewġ metri
4) fuq taraġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 25871.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa fuq il-proġett tal-ħolqien ta' ċentru għall-viżitaturi u xogħol ieħor fit-tempji tal-Gġantija? Meta beda x-xogħol? X'jonqos isir? Meta hu mistenni li jitlesta? Kemm se jiswa? Kemm kienet l-ispiża fuq dan il-proġett fl-2006? Minn liema vot tħallset din l-ispiża? Taħt liema vot ta' nefqa hemm il-flus vvotati għal dan il-proġett fl-2007? Kemm hemm flus kommessi s'issa għas-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-proġett għall-ħolqien ta’ ċentru interim tal-viżitaturi qiegħed miexi kif pjanat. Dan jinkludi ukoll it-tneħħija tal-ħajt tal-concrete li kien inbena fl-1957. Ix-xogħol fuq it-ticket booth il-ġdid u l-museum shop beda f’Marzu u ser ikun lest f’Ġunju. Immedjatament wara ser jibda t-twaqqigħ tal-ħajt tal-concrete u l-bini ta’ ħajt baxx tas-sejjieħ flimkien ma’ culvert għall-ilqugħ ta’ l-ilma tax-xita minfloku. Eventwalment, aktar tard din is-sena ser jiġu installati numru ta’ toilets ġodda. L-istima globali ta’ dawn ix-xogħlijiet hija ta’ Lm15,000 u qed jiġu iffinazjati mill-Vot Kapitali 7033. Is-somma ta’ flus kommessi mill-bidu tax-xogħlijiet s’issa hija ta’ Lm7,000. Xogħol ieħor li hemm għaddej jinkludi restawr kontinwu ta’ ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi, u rijabilitazzjoni tal-għelieqi tal-madwar.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-proġetti li għalihom hemm ivvotati Lm1,750,000 għall-Improving the Quality of Health and Leisure (ERDF) tal-Fondi Strutturali Ewropej 2007-2013 għas-sena 2007? Kemm se jiswa kull proġett? Kemm hemm flus ivvotati għal kull proġett fl-2007? X'sar s'issa fuq kull proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex qed jippjana numru ta' proġetti li mhux neċessarjament ser jiġu ffinanzjati mill-Fondi Strutturali Ewropej 2007-2013.
Dan jiġi stabbilit wara li joħorġu l-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt dan il-programm u ssir l-għażla tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-proġetti li għalihom hemm ivvotati Lm1,400,000 għall-Product Development (ERDF) tal-Fondi Strutturali Ewropej 2007 - 2013 għall-2007? Kemm se jiswa kull proġett? Kemm hemm flus ivvotati għal kull proġett fl-2007? X'sar s'issa fuq kull proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Ministeru għal Għawdex qed jippjana numru ta' proġetti li mhux neċessarjament ser jiġu ffinanzjati mill-Fondi Strutturali Ewropej 2007-2013.
Dan jiġi stabbilit wara li joħorġu l-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt dan il-program u ssir l-għażla tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid fhiex jikkonsisti l-proġett għar-riġenerazzjoni tal-Villa Rundle? X'sar s'issa għat-twettiq ta' dan il-proġett? Kemm se jiswa? Kemm hemm flus ivvotati għalih fl-2007?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Proġett għar-riġenerazzjoni tal-Villa Rundle għandu l-għan li jerġa jagħti l-valur mistħoq lill-aktar ġnien importanti tal-gżira Għawdxija u jinvolvi fost l-oħrajn it-tqegħid ta' pavimentar gdid, l-introduzzjoni ta' elementi ġodda ta' soft landscaping u l-kreazzjoni ta' zoni b'temi speċifiċi (bħal per eżempju discovery play garden), l-installazjoni ta' garden furniture, il-kostruzzjoni ta' stage area ġdida, l-installazzjoni ta' sistema ġdida ta' illuminazzjoni elettrika u l-kostruzzjoni ta' reservoir taħt l-art, ecc.
Il-proġett ġie reċentament approvat mill-MEPA u jinsab issa fi stadju avvanzat ta ppjanar.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-bankina li hemm fin-Nadur, Għawdex int u niżel min-Nadur lejn ir-Rabat, bl-isem Rabat Road, f'Tax-Xħajma, Nadur, Għawdex qiegħda ngumbrata b'diversi mbarazz u ġebel fuqha b'tali mod u manjiera li l-pedestrian huwa espost għal perikli kbar bit-traffiku għaddej mill-istess lokalita'?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma jirriżultax li hemm imbarazz u ġebel li qiegħed jingombra l-bankina fit-triq imsemmija.
Ċittadella — Kanuni li kien hemm quddiem il-knisja
Question
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-permess biex jitneħħew iż-żewġ kanuni li kien hemm quddiem il-knisja Kattidrali fiċ-Ċittadella u jekk humiex se jitpoġġew fejn kienu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-kanuni kollha tal-bronz li kien hemm esebiti fil-miftuħ f’Malta kif ukoll f’Għawdex kienu miġbura minn Heritage Malta f’Marzu. Dan sar minħabba li dawn il-kanuni hekk uniċi u importanti għall-istorja ta’ pajjiżna kienu qed isofru ħsarat irriversibbli. Heritage Malta hija l-aġenzija nazzjonali li tieħu ħsieb is-siti u l-wirt kulturali kollu inkluż fl-inventarju nazzjonali, fosthom il-kanuni. Dan il-pass sar bl-approvazzjoni ta’ l-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastici kollha. Bħalissa dawn il-kanuni qed jiġu studjati bir-reqqa minn esperti ta’ storja militari u konservazzjoni. Deċizjoni dwar fejn se jitqiegħdu għad trid tittieħed meta jispiċċa dan il-proċess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika l-artikolu tal-Liġi li jistipula t-terminu li fiħ wieħed għandu jippreżenta rikors ġuramentat wara li l-Qorti tkun laqgħet talba għal ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni u dan stante li skond ma jirriżulta minn diversi digrieti mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) dan it-terminu tneħħa mill-leġislatur bi żball?
Response (BORG, TONIO)
Il-punt legali sollevat mill-Onor. Interpellant qed jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-qasam industrijali tax-Xewkija? X'xogħlijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Malta Industrial Parks rispettivament f'dan il-qasam kull sena mill-2004 sal-2006?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fis-snin 2004 u 2005 sar upgrading tal-bini tal-fabbrika GGX 005B mill Ministeru għal Għawdex. Dwatr il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, peress li l-Qasam Industrijali tax-Xewkija huwa amministrat mill-Malta Industrial Parks nitlob l-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Minisitru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa biex jiġi prokurat l-apparat/makkinarju għall-proġett tat-trattament tad-drenaġġ? Meta mistenni li jkun ikkummissjonat dan l-apparat/makkinarju?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-akkwist u l-istallazjoni tal-apparat u makkinarju meħtieġ fl-impjant għat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex jagħmel parti mit-tender globali għal dan il-proġett u għalhekk jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-kuntrattur li rebaħ dan it-tender. Dan l-apparat għandu jkun kummissjonat flimkien mal-kumplament tal-impjant fi tmiem il-fażi ta’ kostruzzjoni tal-proġett.
Tista' l-Ministru tgħid fejn se jkun/u d-dħul għall-parkeġġ tal-proġett tal-bini mill-ġdid ta' l-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat? Jekk il-parkeġġ hux se jkun immexxi mill-privat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-bini mill-ġdid ta’ l-iskola Ninu Cremona huwa proġett tal-Foundation for Tomorrow Schools (FTS) nissuġġerixxi li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti għas-sentenza fil-Qorti tal-Maġistrati f'Għawdex (Ġurisdizzjoni Ġenerali u tal-Familja) quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona?
X'se jiġri minn dawn il-kawżi pendenti għas-sentenzi?
Għaliex rikors mdaħlin f'dawn il-kawżi (bħal rikors għal assurzjoni ta' l-atti u transfużjoni tal-ġudizzjoni) lanqas m'huma qegħdin jiġu dekritati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona hemm dan in-numru ta’ kawżi pendenti fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex):
QortiNumru ta’ kawżiStat
Ġurisdizzjoni Ġenerali36 Għas-sentenza
Ġurisdizzjoni Ġenerali7 Sentenza in difett ta’ ostaklu
Ġurisdizzjoni Ġenerali1 Sentenza in parte
Sezzjoni Familja2 Għas-sentenza
Inferjuri9 Għas-sentenza
Rigward l-aħħar żewġ paragrafi ta’ din il-mistoqsija, skond l-arranġamenti u assenjazzjonijiet tal-President ta’ Malta pubblikati fid-29 ta’ Jannar 2007, dawn ta’ hawn fuq, kif ukoll ir-rikorsi msemmija, irid jieħu konjizzjoni tagħhom l-imsemmi Maġistrat.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex wara s-sottomissjonijiet ta' l-enti kkonsultati mill-MEPA permezz ta' ittra datata 19 ta' Frar 2007 fir-rigward ta' applikazzjoni PA5484/03 li tirrigwarda l-parking tal-kattidral (imwiegħed mill-Prim Ministru preżenti permezz ta' ittra datata l-1 ta' Settembru 1998), it-terms of reference ġew riveduti u kuntrarju għal dak li s-soltu jsir se jerġgħu jittellgħu għall-attenzjoni tal-kumitat eżekuttiv fi ħdan il-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija l-proċedura standard li t-termini ta’ referenza għall-Istudju ta' l-Impatt Ambjentali (EIA) jiġu ffinalizzati wara l-proċess ta' konsultazzjoni kif titlob il-liġi.
Fil-laqgħa tat-23 ta' Novembru 2006, il-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien ta struzzjonijiet li t-termini ta’ referenza għal dan il-proġett għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Esekuttiv qabel ma dawn jiġu kkommunikati lill-perit. Kien għalhekk li f'dan il-każ se tiġi adottata din il-proċedura.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24131 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex jista' l-Prim Ministru jgħid jekk setgħetx tiġi emendata l-liġi tal-VAT biex l-imsemmi servizz jkun eżentat mill-ħlas tal-VAT? Jekk setgħet tinbidel il-liġi, għaliex ma nbidlitx? Jekk ma setgħetx tinbidel il-liġi, għaliex ma setgħetx tinbidel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi tal-VAT Maltija hija bbażata fuq id-Direttiva dwar il-VAT ta’ l-Unjoni Ewropea u għaldaqstant ma tistax tiġi emendata jekk ma tinkisibx deroga speċjali għal dan il-għan mill-Kunsill Ewropew. Ma teżisti ebda deroga li biha l-Gvern Malti jista’ jeżenta dan is-servizz li huwa taxxabbli skond partita 11 ta’ l-Ewwel Taqsima tal-Ħames Skeda dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li tirrifletti l-Artikolu 387 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112/KE.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-qasam industrijali tax-Xewkija? X'xogħlijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Malta Industrial Parks rispettivament f'dan il-qasam kull sena mill-2004 sal-2006?
Tista' l-Ministru tgħid:
Kemm kien hemm impjegati tal-Ministeru jaħdmu fil-ħeliport fil-bidu ta' kull xahar minn Settembru 2006 sal-lum?
X'inhu l-grad tagħhom?
X'xogħol kien qed jagħmel kull wieħed minnhom matul dan il-perjodu?
X'ħinijiet jaħdem kull wieħed minnhom?
X'xift għandu kull wieħed minnhom?
Kemm kienet in-nefqa tal-Gvern kull xahar għal kull wieħed minnhom biex tħallsu l-pagi, l-allowances, l-bonuses u l-kontribuzzjonijiet tas-Servizzi Soċjali tiegħu/tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qegħda npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21164 li tatni fis-16 ta' Ottubru, 2006 dwar xogħlijiet fic-Cittadella fejn għarrfitni li kienet qed tiġbor l-informazzjoni li tlabtha u li kienet se tagħtini risposta f'xi seduta oħra, tista' issa l-Ministru tgħidli għaliex wara 5 xhur għadha ma tatnix l-informazzjoni li tlabtha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.