Gozo Channel — Servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu biljetti mill-Gozo Channel għas-servizz tal-baħar bejn Malta u u Għawdex xahar xahar minn April 2007 'il hawn lill-:
*Passiġġieri residenti f'Għawdex bla vettura;
*Passiġġieri residenti f'Għawdex bil-vettura;
*Passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin bla vettura;
*Passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin bil-vettura?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 27524 dwar l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ u għall-istqarrija għall-istampa Nru. 1419 maħruġa fil-25 ta' Settembru fejn tat tagħrif dwar l-istess proġett, tista' jekk jogħġobha l-Ministru tgħidli:
Kemm tħallsu flus b'kollox kull sena s'issa fuq dan il-proġett?
Lil min tħallsu?
Kemm hu l-ammont ta' fondi kommessi s'issa għan-nefqa u għadhom ma tħallsux?
Għal xiex huma kommessi dawn il-fondi u meta ġew kommessi?
Meta mistenni jitħallsu u lil min?
X'ammonti għadhom iridu jiġu kommessi?
Għal xiex għad iridu jiġu kommessi l-flus?
X'invoices hemm li ġew ipproċessati u għadhom ma tħallsux?
X'invoices hemm li għadhom ma ġewx ipproċessati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-informazzjoni ghadha qed tingabar risposta tinghata f'seduta ohra.
Tista' l-Ministru tgħidli fejn tħawwlu s-siġar tal-palm li nqalgħu mill-kumpless Ninu Cremona?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s-siġar tal-palm li nqalgħu mill-Kumpless Ninu Cremona ġew imħawwla fl-iskola l-ġdida tal-Ħandaq, Malta. Meta jitlesta l-progett tal-Kumpless Ninu Cremona, il-Foundation for Tomorrow Schools ser tieħu ħsieb il-landscaping kollu ta' l-istess kumpless.
Jista' l-prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fis-settur pubbliku f"Malta? Ma' liema dipartiment, korporazzjoni, aġenzija kumpannija, eċċ. qegħdin jaħdmu? X'inhu l-grad tagħhom? X'kumpens għandhom, skond fejn jaħdmu, biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali li għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27548.
Jista' l-Prim Ministru jgħidli x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulat f'kull kuntratt li sar mal-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perijodu ta' programmazzjoni 2004-2006 u taħt il-programm ta' pre-adeżjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar il-programm ta’ pre-adeżjoni hi kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26778 dwar investiment dirett barrani f"Għawdex, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub li 3 xhur ilu qal li kien qed jnġabar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li Malta taqa’ taħt in-NUTS 2 l-informazzjoni li tiġbor hija għall-Malta u Għawdex f’daqqa. Malta kienet tkun obbligata li tiġborha fuq skala reġjonali kieku kienet taħt NUTS 3.
Jista' l-Prim Ministru jirranġa l-anomaliji li jeżistu fis-sens li single parents huma kkonsidrati fl-istess skala bħal persuni li m'humiex miżżewġa għar-rigward tar-rifużjoni tal-VAT fuq xiri ta' l-ewwel residenza sa l-ammont ta' Lm400?
Jaf l-Viċi Prim Ministru li l-magna SEM/EDX ilha 'l fuq minn sena ma tiffunzjona bir-riżultat li kawżi quddiem il-Qorti tal-Pulizija Ġudizzjarja ġew impoġġija sine die proprju minħabba din il-magna?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega kif meta issir stop and enforcement notice, wieħed suppost għandu jieqaf direttament u tittieħed azzjoni diretta, fil-każ pero' ta' PA 6167/04, l-applikant tħalla jopera mill-istess garage u jikser il-liġi mingħajr ma' l-awtorita' ħadet il-passi opportuni skond il-liġi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ewwel permess PA 7368/98 ħareġ fuq is-sit fi Frar 1999. Wara li sar l-iżvilupp ġie nnutat li kien hemm varjazzjonijiet fil-fond tal-garaxx peress li dan inbena aktar fond minn kif approvat fil-permess PA 7368/98. Għalhekk ħarġet Stop and Enforcement Notice ECF1187/01 fis-7 ta' Novembru 2001.
Saret applikazzjoni PA 6167/04 fis-27 ta' Ottubru 2004 biex jiġi ssanzjonat l-iżvilupp illegali li sar fuq il-post. Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata ankè fi stadju ta' rikonsiderazzjoni. Minn dan ir-rifjut sar appell PAB 239/05 quddiem il-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar u dan l-appell għadu pendenti.
L-applikant mhux qed jopera xi użu llegali mill-garaxx li jikkostitwixxi ksur ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Għalhekk ma kienx hemm ksur ta' l-iStop and Enforcement Notice li jġiegħel lill-Awtorità tieħu azzjoni diretta biex tali operat jieqaf immedjatament.
Peress li tkun single u li tagħlaq 30 sena f'April, 2008, tista' tibbenefika mill-iskema tal-ESS ta' l-Awtorita' tad-Djar għar-rigward approvazzjoni lilha s-somma ta' Lm10,000 mingħajr imgħax sostitwibbli fi żmien għaxar snin? X'se jiġri minn dawk li għamlu konvenju diġa' għal xiri ta' proprjeta' u issa minħabba bdil fl-iskema sabu li ma jistgħux jibbenefikaw minnha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema gdida ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar Equity Sharing dahlet fis-sehh fi Frar ta' din is-sena u minn dak inhar ma nbidlet ebda kundizzjoni originali biex wiehed jibbenefika minn din l-iskema.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 26771 dwar it-Triq Rabat, San Lawrenz, tista' l-Ministru issa tagħtini l-informazzjoni aġġornata sal-lum u tgħidli għaliex kien hemm bżonn iż-żieda f'kull nefqa kif kont tlabtha tagħmel fil-mistoqsijiet msemmija u li hija naqset li tagħtini?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern ħax xi deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tas-servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex? Jekk ittieħdet, x'inhu t-tip ta' servizz li se jingħata? Meta mistenni jibda? Jekk għadha ma tteħditx deċiżjoni meta mistennija tittieħed?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulata f'kull kuntratt li sar mill-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2004 - 2006? Kemm saru pagamenti s'issa, x'kien l-ammont ta' kull pagament u meta sar?
Peress li f'Qala Road, Nadur, Għawdex qiegħed issir ix-xogħol ta' mogħdija tas-sistema tad-drenaġġ, jidhirlix l-Ministru li jkun għaqli li ma' l-istess xogħol isir ukoll gandott li għandu jibda minn Qala Road, kantuniera ma' Triq Buskett u jiġi estiż sa Triq Dun Ġuzepp, Nadur biex l-ilma tax-xita jgħaddi minn dan il-gandott u mhux imur ġo drenaġġ li m'huwiex se jirċevih?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li diġa' jeżisti water culvert fl-inħawi msemmija u għalhekk ma hux il-każ li l-ilma tax-xita ser imur fid-drenaġġ.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 26780 dwar ħaddiema Għawdxin f'Malta, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub li 3 xhur ilu qal li kien qed jinġabar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi f’Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 843 ħaddiema Għawdxin jaħdmu Malta. Dan in-numru jinkludi wkoll ħaddiema ta’ korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern.
Dettalji tal-gradi, fejn jaħdmu u x’kumpens jieħdu dawn il-ħaddiema jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26781 dwar l-opinjoni motivata ta' l-UE għar-rigward tal-Gozo Channel, jista' l-Ministru jgħidli xi żviluppi kien hemm dwar dan il-każ f'dawn l-aħħar tliet xhur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda żviluppi dwar dan il-Każ f'dawn l-aħħar tliet xhur.