Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji Soċjali — Pensjoni ta' l-ETa'

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' persuni li bbenefikaw mill-pensjoni ta' l-eta', sena b'sena matul il-perjodu 2000-2004, u x'kienet l-ispiża totali dwar dan il-benefiċċju kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment ta' l-Anzjani — Customer Care Centre

Question

Jista' il-Ministru jgħid itteħditx deċiżjoni finali dwar il-ftuħ ta' customer care centre għad-dipartiment ta' l-anzjani li kellu jinfetah fil-Belt, Valletta f'post li kien akkwistat mid-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' fis-sena 2002?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Customer Care Centre għad-Dipartiment ta' l-Anzjani fil-Belt Valletta ser jinfetaħ kif kien propost.

Residential care in private homes

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jispjega għaliex waqt li fis-sena 2003 - meta l-Vot fil-Budget għal Residential Care in Private Homes kien ta' Lm150,000 - ġew ammessi 22 anzjani fi djar privati ta' l-anzjani taħt l-Iskema tal-Public Private Partnership, fis-sena 2004 - meta l-istess Vot fil-Budget kien Lm350,000, jiġifieri Lm200,000 aktar - ġew ammessi 29 anzjani fi djar privati ta' l-anzjani - jiġifieri sebgħa biss aktar mis-sena ta' qabel? Jista' jagħti indikazzjoni x'se jiġri f'din is-sena 2005, meta wkoll il-Vot fil-Budget huwa Lm350,000?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li kien għaddej proċess ta' espanzjoni ta' djar residenzjali li fihom anzjani setgħu jiġu ammessi, ġie deċiż li jidħlu biss 29 anzjani fid-djar li diġa' d-Dipartiment kien qed jopera magħhom. Biss, din is-sena 2005, ser issir l-espanzjoni meħtieġa ħalli jidħlu iktar anzjani fid-djar residenzjali privati oħra.

Dar privata ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi ulterjuri dwar l-għażla ta' xi dar privata ta' l-anzjani oħra biex tagħti servizz taħt il-public private partnership scheme wara li l-bord ta' l-għażla kien iffinalizza r-rapport tiegħu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għadu qiegħed fil-proċess ta' evalwazzjoni ta' xi djar oħrajn ħalli ssir l-espanzjoni meħtieġa tal-Public Partnership Scheme.

SVPR — Swali ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi data tentattiva ta' meta għandu jintemm ix-xogħol kollu fuq phase II tal-proġett tal-bini tas-swali ġodda flok is-swali qodma 1/2/3/4, Irġiel u Nisa, fir-residenza San Vincenz de Paule - liema proġett l-ewwel fażi tiegħu ġiet inawgurata f"Ottubru 2003?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Phase II tal-bini tal-Proġett tal-bini tas-Swali Ġodda 1/2/3/4 Nisa, jinsab għaddej b'ritmu mgħaġġel, iżda d-Dipartiment għadu mhux f'pożizzjoni li jagħti xi data ta' meta ser ikun lest ix-xogħol kollu.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-wens

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li fl-aħħar tas-sena 2004 kienu qed jirċievu: a) il-pensjoni tal-wens; u b) l-SAF? X'ammonti ta' flus ħallas id-dipartiment tas-sigurta' soċjali fuq dawn iż-żewġ benefiċċji soċjali rispettivament matul is-sena 2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

SVPR — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proġetti li kienu ppjanati li jsiru sa l-aħħar tas-sena 2004 fir-residenza San Vincenz de Paule skond l-informazzjoni mogħtija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7427 f'seduta ta' l-4 ta' Ottubru 2004 twettqux jew le? Jekk mhux kollha twettqu, liema huma dawk li tlestew u liema huma dawk li għadhom ma tlestewx u meta aktarx ikunu lesti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li kienu ppjanati li jsiru sa l-aħħar tas-sena 2004 fir-Residenza ta' San Vinċenz hu kif ġej: L- air - conditioning system tal-Wards 9/10 Nisa - it- Tendering Process sar kollu fl-2004 filwaqt ix-xogħol beda f'Jannar 2005. It- Tail-Lift V a n inxtara kif ippjanat. Il-proġett tal-Wards 1/2/3/4 Nisa nbeda fis-sena 2004 u għadu għaddej. Il-Lifts 5/6/7/8 Males - l- award tat- tender sar fit-2004 u qed nistennew li jinbeda x-xogħol. It-tisbiħ tas-Sala Psychogeriatric tan-nisa tlestiet f'Diċembru 2004. It-tisbiħ tas-Sala Psychogeriatric ta' l-irġiel inbdiet u mistenni li titlesta sa nofs Marzu li ġej.

Dipartiment ta' l-Anzjani — Care Malta Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ammonti ta' flus id-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' ħallas lill-Care Malta Ltd bħala ħlas għall-amministrazzjoni ta' dar ta' l-anzjani, Bormla u dar ta' l-anzjani Żejtun għas-sena 2004?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u s-Servizzi fil-Komunita' ħallas l-ammont ta' Lm877,109 lill-Care Malta rigward l-amministrazzjoni ta' djar ta' l-Anzjani ta' Bormla u Żejtun għas-sena 2004. Dar ta' Bormla: Lm 56,315 (Novembru/Diċembru 2003) Lm253,833 (Jannar/ Awwissu 2004) Total Lm310,148 Dar taż-Żejtun: Lm109,675 (Novembru/Diċembru 2003) Lm457,286 (Jannar/Awwissu 2004) Total Lm566,961

Qasam tal-Ġerjatrija — Staff

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tobba li qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom fil-qasam tal-ġerjatrija? Jista' jagti breakdown dettaljat ta' l-istaff mediku nvolut, i.e. kemm hemm konsulenti, registrars, eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Supretendent 1 Konsulenti 5 Senior Registrars 1 Expatriate Senior Registrar 1 Registrars 4 Medical Officers 9 Total 21

Libreriji Reġjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema bliet u rħula f'Malta hemm libreriji reġjonali jew lokali, u b'riferenza għal dawn l-aħħar ħames snin kemm kien in-numru ta' persuni li għamlu użu minn kull librerija? X'kien is-self ta' kotba kull sena? X'inhu l-ammont ta' kotba f'kull librerija u l-ammont ta' kotba li twarrbu u nxtraw kull sena? Liema minn dawn il-libreriji ġew devoluti lill-kunsilli lokali u meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ħamrun/Sta Venera — Kunsilli Skolastiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kunsilli skolastiċi ta' l-iskejjel primarji A u B tal-Ħamrun u ta' Sta Venera iltaqgħux darba fix-xahar u jekk issottomettewx rapport amministrattiv u finanzjarju lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, skond kif mitlub mil-liġi ta' l-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista'jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-minuti u tar-rapporti amministrattivi finanzjarji mindu twaqqfu l-aħħar kunsilli skolastiċi 'il hawn?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ħamrun — Triq San Ġużepp

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex tissolva darba għal dejjem il-problema ta' għargħar li tinħoloq wara kull ħalba xita fi Triq San Ġużepp, Ħamrun, kantuniera ma' Triq il-Kanun, Sta Venera, liema problema bdiet tinħoloq minn wara li saru xogħlijiet fl-inħawi mill-korporazzjoni Enemalta u li kompliet tiggrava minn wara l-bini tal-mini ta' Sta Venera?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant jinsab f'sit li jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera. Għaldaqstant l-Onor. Membru hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Flus mgħoddija lill-welfare committee

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi s-somma totali ta' flus li nġabret mill-kontribuzzjonijiet kollha ta' l-anzjani matul is-sena 2004? X'inhu l-ammont ta' flus li d-dipartiment tas-sigurta' soċjali għadda lill-welfare committee matul l-istess sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li total ta' kontribuzzjonijiet miġbura mill-anzjani fis-sena 2004 kien Lm3,136,633.39, li minnu Lm1,613,399.46 għaddew lill-Welfare Committee.

Enemalta/WSC — Kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm kien l-ammont totali li l-korporazzjoni Enemalta u l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma kellhom idaħħlu mill-klijenti (industriji, lukandi, ħwienet, dipartimenti tal-gvern u korpi parastatali, djar privati, eċċ) qabel ma bdiet il-kampanja biex jitħallsu l-kontijiet pendenti sa l-aħħar ta' Novembru li għadda u x'kien l-ammont li nġabar tul din il-kampanja? X'inhuma issa l-passi li mistennija jieħdu l-korporazzjoni Enemalta u l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex jiġbru l-flus pendenti li baqgħalhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħamrun/Sta. Venera — Skejjel kindergarten/primarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' tfal li bħalissa qed jattendu l-iskejjel tal-kindergarten u dawk primarji A u B tal-Ħamrun u Santa Venera u minn liema lokalitajiet huma t-tfal li qed jattendu dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Maltacom — Ħlas pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta' flus li għandha ddaħħal il-Maltacom mingħand il-klijenti tagħha u x'passi qed jittieħdu min-naħa tagħha biex dawn il-flus jinġabru?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.1130.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani

Question

Tista' il-Ministru tagħti breakdown tal-flus li nġabru mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani matul is-sena 2004 minn anzjani residenti: a) f'San Vincenz de Paule; b) fi djar residenzjali tal-gvern; c) fi djar privati ta' l-anzjani taħt l-iskema tal-public private partnership; d) f'istituzzjonijiet oħra u mill-benefiċċjarji tal-homehelp/care service?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-verifika li kienet għaddejja mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali dwar il-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani għas-sena 2004 intemmitx? Jekk iva, tista' allura tagħti r-riżultat tagħha? Jekk le, hemm xi ħjiel meta din se tkun finalizzata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-kontribuzzjonijiet mill-anzjani għas-sena 2002 u mhux 2004. Jekk dan hu l-każ ninsab infurmata li mill-verifiki li għamel id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jirriżulta li l-ammont mgħoddi lill-Kumitat tal-Welfare fis-sena 2002 hu bażikament korrett, għalkemm hemm indikazzjoni li xi arretrati għas-sena 2002 ġew riflessi fit-total miġbur u mgħoddija lill-Kumitat tal-Welfare fis-sena 2003. Peress li fis-sena 2002 inbidlet is-sistema komputerizzata għall-ħlas ta' pensjonijiet, li tikkomprendi wkoll is-sistema tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet mill-anzjani, ninsab infurmata li eżercizzju biex jiġi determinat bi preċiżjoni kemm kienu dawn l-ammonti ta' arretrati f'kull każ, ikun jenħtieġ li jiġi verifikat manwalment u fid-dettal kull każ fejn kien hemm kontribuzzjoni mill-anzjani f'dik is-sena. Eżerċizzju bħal dan jirrikjedi l-użu ta' ammont kbir ta' riżorsi, kemm umani kif ukoll finanzjarji, li ma nħossx li hu ġustifikat.

Ħamrun — Triq Ġdida fi Triq Villambrosa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jinbeda x-xogħol biex tiġi rranġata Triq Ġdida fi Triq Villambrosa, il-Ħamrun, li tibda minn Triq Villambrosa u tispiċċa fi Triq il-Liċeo?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant taqgħa taħt ir-responsabbilta tal-gvern ċentrali w hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed iħejji programm għall-bini ta’ toroq ġodda u t-triq imsemmija se ssir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Public Private Partnerhsip — Kontribuzzjonijiet ta' l-Anzjani

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inġabru flus mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani residenti taħt l-iskema tal-public private partnership matul is-sena 2004 minn Villa Messina, Casa Arkati u Carsa Serena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.