Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żebbuġ – stallazzjoni ta’ bus stop

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jiġi stallat bus stop fiż-żona ta’ madwar l-Iskola St. Dorothy ġewwa Ħaż-Żebbuġ, minn fejn tgħaddi r-rotta 109, u dan sabiex ir-residenti taż-żona ma jkollhomx għalfejn jimxu saż-żona tal-pjazza biex jieħdu din ir-rotta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.

Ir-Rabat – Triq l-Infetti – irranġar ta’ kamra

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih biex titwaqqaf il-ħsara, u titranġa l-kamra li fil-passat kienet tintuża biex il-passiġġieri jixtru l-biljetti għall-ferrovija, liema kamra tinsab fi Triq l-Infetti, viċin it-Telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat (Malta) u li tinsab fi stat ta’ abbandun u perikoluż għal kull min jgħaddi minn biswitha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment konċernat qatt ma rċieva xi talba biex jintervjeni f’dan is-sit. Ser jiġi delegat perit biex jinvestiga l-imsemmija struttura u wara li jsiru l-verifiki dwar lil min tappartjeni, jsir rapport u tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Pulizija – Każijiet ta’ sparaturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-każijiet ta’ sparaturi li seħħew fl-aħħar għaxar snin? Meta seħħew? Kemm minnhom ħallew vittmi fatali? Kemm minnhom ħallew persuni midruba? Kemm minnhom la ħallew vittmi u lanqas midruba? Liema minn dawn ġew solvuti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Pulizija — Każijiet ta’ tqegħid ta’ bombi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ każijiet li kienu jinvolvu tqegħid ta’ bombi ma’ karozzi jew ma’ proprjetà privata fl-aħħar għaxar snin? Meta seħħew? Kemm minnhom ħallew vittmi fatali? Kemm minnhom ħallew persuni midruba u kemm minnhom la ħallew vittmi u lanqas midruba? Liema minn dawn ġew solvuti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Rabat Malta – Il-Fiddien – Solar Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’siti alternattivi ġew ikkunsidrati għall-iżvilupp ta’ Solar Farms, u x'kienu r-raġunijiet għalfejn ġiet shortlisted iż-żona tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat (Malta)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Rabat Malta – Il-Fiddien – Solar Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx environmental impact assessment fl-ippjanar tas-Solar Farm fl-inħawi tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat, u jekk sar, jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proposta għal Solar Farm fl-inħawi tal-Fiddien, limiti tar-Rabat, ma kkwalifikatx għal environmental impact assessment skont ir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Environmental Impact Assessment (S.L. 549.46).
Leg 12 PQ #27929 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Notte Bianca – Kastilja — leaflets

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min kien l-istampatur tal-leaflets li tqassmu lill-viżitaturi ta’ Kastilja fl-edizzjoni tan-Notte Bianca tal-2016?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kull sena waqt in-Notte Bianca fil-Berġa ta’ Kastilja tkun organizzata esebizzjoni bil-kollaborazzjoni ta’ Heritage Malta. L-esebizzjoni ta’ din is-sena kienet titratta wħud mill-akkwisti riċenti li Heritage Malta għamlet biex tkompli tkabbar il-kollezzjoni nazzjonali. Bil-għan li l-eluf ta Maltin, Għawdxin u turisti li żaru din il-wirja jkollhom stampa iktar ċara tal-esebiti li raw, bħal snin oħra, din is-sena wkoll tħejja ktejjeb b’dettalji dwar l-istess esebiti li tqassam mingħajr ħlas. Ix-xogħol ta’ stampar fuq dan il-ktejjeb sar minn Salesian Press wara li kienu segwiti l-proċeduri kollha necessarji kif jitolbu r-regolamenti tal-gvern.

Ħad-Dingli — skola ġdida – interactive white boards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet fadal isiru fl-iskola l-ġdida li nbniet fil-limiti ta’ Ħad-Dingli? Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-klassijiet għad iridu jiġu mgħammra b’interactive white boards fl-iskola l-ġdida li nbniet fil-limit tar-Rabat u Ħad-Dingli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iskola l-ġdida li nbniet fil-limiti ta' Ħad-Dingli jonqos isir biss is-soffitt tal-Assembly Hall fit-tielet sular. Dan għandu jitlesta sal-21 ta' Ottubru 2016. Infurmat ukoll li l-iskola l-ġdida ta’ Ħad-Dingli bħalissa hija mgħammra b’Interactive Whiteboards kif ukoll numru ta’ projectors fil-klassijiet. Dawn qegħdin hemmhekk b’mod provviżorju sakemm jiġu mgħammra b’Interactive Flat Panels li hija teknoloġija ġdida u aktar moderna. Dawn għandhom jinbidlu sal-15 ta’ Novembru 2016.

Rabat Malta – Il-Fiddien — Solar Farm

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li turi fejn huwa maħsub li jiġi żviluppat is-Solar Farm ġewwa l-inħawi tal-Fiddien, fir-Rabat (Malta)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Rabat Malta – Il-Fiddien – Solar Farm – permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-permessi miksuba għall-iżvilupp tas-Solar Farm maħsub għall-inħawi tal-Fiddien fil-Limiti tar-Rabat (Malta)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Rabat Malta – Il-Fiddien – Solar Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni jispiċċa x-xogħol fuq is-Solar Farm li huwa maħsub li jiġi żviluppat fl-inħawi tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat (Malta)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #27525 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – individwu – training camps għal tfal Maltin

Question

B’referenza għall-kuntratt li ġie ffirmat lura fl-2014 bejn l-uffiċjali tal-Klabb tal-Futbol internazzjonali li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il training camp għal tfal Maltin fid-diversi nurseries imxerrda madwar Malta u Għawdex mexxa f’pajjiżna l-individwu li ismu qed jingħata separatment, matul l-2014, l-2015 u l-2016?? Jista’ jgħid fejn ġew organizzati dawn il-camps u kemm ħallas kull ġenitur biex ibnu/bintu setgħu jipparteċipaw?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt ta’ Javier Zanetti huwa ta’ natura promozzjonali fuq is-suq ġeografiku Taljan. Għaldaqstant, il-kuntratt jinkludi it-tnehid ta’ football training camps f’Malta li huma mmirati dejjem għas-suq Taljan u miftuħin għall-parteċipazzjoni ta’ individwi Taljani żgħar jew kbar, b’mod esklussiv. L-istess ftehim ma jinkludi fih l-ebda attivita ta’ training camps għat-tfal Maltin. Madanakollu Javier Zanetti b’permezz tal-Fondazzjoni PUPI li hi fondazzjoni mwaqqfa mill-plejer stess immirata biex tgħin tfal u familji żvantaġġjati fl-Arġentina, kellu diversi laqgħat ma tfal li jattendu Football Nurseries f’Malta. Fi Frar li għadda ġie organiżżat training camp b’kollaborazzjoni bejn Zebbug Rangers FC Youth Nursery, Fondazzjoni PUPI u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu għal tfal bejn il-5 snin u l-15 il sena. Il-miżati ta’ €30 li nġabru minn kull parteċipant/a ingħataw donazzjoni lill-Fondazzjoni PUPI.
Leg 12 PQ #27526 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – avvenimenti sportivi, edukattivi u kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ avvenimenti sportivi, edukattivi u kulturali li saru barra minn xtutna u li ġew assistiti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bejn Jannar 2014 u Awwissu 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #27527 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – lista ta’ personalitajiet assistiti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ personalitajiet Maltin li ġew assistiti direttament mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu waqt il-parteċipazzjoni tagħhom barra minn Malta bejn Jannar 2014 u Awwissu 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #27534 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ir-Rabat – Vjal il-Ħaddiem — xogħlijiet

Question

Issa li x-xogħlijiet fi Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat (Malta) tlestew, jista’ l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex tiġi investigata u solvuta l-problema ta' pressa tal-ilma fi Triq il-Ħobbejża, triq li tiġi biswit Vjal il-Ħaddiem, wara li r-residenti ngħataw l-impressjoni li l-problema se tiġi indirizzata waqt ix-xogħlijiet imsemmija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li bħalissa qed jiġu ppreparati d-dokumenti meħtieġa sabiex jinħareġ it-tender biex isiru x-xogħlijiet fi Triq il-Ħobbejża u Triq Fidloqqom, ir-Rabat.

Ir-Rabat – Triq Santa Rita — xogħlijiet fuq skavi

Question

Jista’ l-Ministru minnufih jieħu azzjoni sabiex mill-aktar fis jitlesta x-xogħol fuq allegat skavi f’nofs Triq Santa Rita fir-Rabat Malta?Jista’ wkoll jieħu azzjoni sabiex isir it-tindif u l-manutenzjoni neċessarja fiż-żona milquta, għaliex hi inkonvenjent, ta’ periklu u ta’ dannu estetiku għar-Rabat (Malta)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali lestiet l-iskavi fis-sit imsemmi fir-Rabat, Malta f’Novembru tal-2014. Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta, li s-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jinsab magħluq b’fencing u tnaddaf bosta drabi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sit instab waqt proġett li kien qed jitwettaq mill-Kunsill Lokali b’fondi Ewropej. Ix-xogħlijiet relatati mas-sit misjub ma kienux proġettati mill-Kunsill fl-istimi tiegħu u għaldaqstant ma kienux koperti mill-fondi tal-proġett li kien għaddej. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali, f’Mejju 2016, ħareġ sejħa għall-offerti sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa. Ninsab infurmat li din l-offerta tinsab fil-proċess sabiex terġa' tinħareġ mill-ġdid, peress li l-unika offerta li ntefgħet fl-ewwel sejħa kienet taqbeż il-valur stmat waqt li l-offerent tagħha nstab li kien technically non-complaint.

Ħlas pendenti – każ ta’ anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex tittieħed azzjoni raġjonevoli fiċ-ċirkostanzi, dwar każ ta’ koppja li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, residenti fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa, li qed jiġu mitluba mill-Welfare Committee sabiex iħallsu €284 pendenti mill-2011 fejn evidentiment kien hemm xi konfużjoni jew sar żball ġenwin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi minnu qiegħed jiġi segwit mill-Kumitat tal-Welfare u ħa azzjoni minnufih rigward il-każ inkwistjoni.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-applikazzjoni għall-'għajnuna finanzjarja fuq xogħol ta’ rranġar u titjib f’residenzi ta’ persuni b’diżabilità' tal-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, tingħata kunsiderazzjoni peress li qed tiġi rrifjutata mill-Awtorità tad-Djar abbażi ta’ parti minn garaxx anness mar-residenza tagħhom li jintuża għal skopijiet personali abbinati mar-residenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuni li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament ingħata l-attenzjoni meħtieġa u jirriżulta li m'hemm xejn iżjed xi jsir u għaldaqstant il-każ huwa magħluq.
Leg 12 PQ #27465 Sitting 424 2016-10-10 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Imġarr Malta – Żona tas-Santi sub station — funzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li tibda tiffunzjona s-sub station fiż-żona tas-Santi fl-Imġarr Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-investiment fis-substation indikata jifforma parti mill-programm ta’ żvilupp kontinwu tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta u Għawdex. Din is-substation mistennija ssaħħaħ l-infrastruttura eżistenti li permezz tagħha titwassal il-provvista tal-elettriku fl-inħawi. Is-substation mistennija tingħaqad mas-sistema tad-distribuzzjoni meta jitlestew ix-xogħlijiet neċessarji li jridu jsiru b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.