Ir-Rabat – Triq Bir l-Iljun – provvista tal-elettriku
Question
Jista’ l-Ministru jindaga minnufih għalfejn il-provvista tal-elettriku ġewwa ż-żona magħrufa bħala ‘fuq Għeriexem’, partikolarmant fi Triq Bir l-Iljun, ir-Rabat qed tinqata’ madwar tliet darbiet fil-ġimgħa u jieħu azzjoni minnufih sabiex din il-problema tissolva?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nfurmat li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fiż-żona msemmija matul din is-sena kien ta’ 5 darbiet u l-provvista ingħatat lura f’medja ta’ inqas minn sagħtejn.
Jista’ l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu azzjoni minnufih sabiex jiġu rranġati dwal maż-zebra crossing fi triq Ħal-Tartarni, ir-Rabat Malta, liema dwal bħalissa jinsabu mitfija, bil-konsegwenza li ż-zebra crossing ma tidhirx u tista’ tkun ta' periklu għal min jużaha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ din iż-zebra crossing, Transport Malta qiegħda fil-proċess ta’applikazzjoni għad-dawl ħalli tkun tista’ tixgħel il-crossing.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid f'liema kapaċità uffiċjali ġie jew se jiġi ingaġġat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-termini tal-impjieg tiegħu, inkluż salarji, allowances u perkaċċi oħra?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-individwu konċernat ingħata kariga fl-istess Ministeru f'rwol differenti. Nassigurah li l-individwu konċernat għandu l-kapaċitajiet u l-ħiliet neċessarji biex jaqdi dan l-irwol tajjeb.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid f'liema kapaċità uffiċjali ġie jew se jiġi ingaġġat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-termini tal-impjieg tiegħu, inkluż salarji, allowances u perkaċċi oħra?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-individwu konċernat m'għandux kuntratt t'impjieg jew konsulenza ma' dan il-Ministeru.
Ingaġġ ta’ individwu – sejħa għall-applikazzjonijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex jew se jiġi ingaġġat wara sejħa għall-applikazzjonijiet jew b'mod dirett? Jekk b'sejħa, jista’ jgħid liema sejħa u jippubblika r-riżultati tal-istess sejħa? Jekk b'mod dirett, jista’ jgħid wara deċiżjoni ta' min seħħ dan?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-individwu konċernat ntagħżel bl-istess mod li kien isir mill-amministrazzjoni preċedenti. Irrid nirrimarka li dan l-individwu ngħata kariga oħra ta' position of trustwara li diġa kien jokkupa kariga oħra ta' natura ta' position of trust ma' l-istess Ministeru.
Ingaġġ ta’ individwu – sejħa għall-applikazzjonijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex jew se jiġi ingaġġat wara sejħa għall-applikazzjonijiet jew b'mod dirett? Jekk b'sejħa, jista’ jgħid liema sejħa u jippubblika r-riżultati tal-istess sejħa? Jekk b'mod dirett, jista’ jgħid wara deċiżjoni ta' min seħħ dan?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-individwu konċernat m'għandux kuntratt t'impjieg jew konsulenza ma' dan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex Transport Malta teżamina mill-ġdid l-iskop tat-traffic lights li twaħħlu fi Triq l-Imdina, direzzjoni lejn Ħ'Attard, u kantuniera ma’ Vjal l-Istadium Nazzjonali, u jekk hemm bżonn jiġu mmexxija jew eliminati, minħabba l-problema evidenti ta' ġġammjar ta' traffiku li ħolqu?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li uffiċjali tal-Awtorità tat-Trasport għamlu monitoraġġ tal-operat ta’ dawn it-traffic lights u ma jirriżultax li dawn qed jikkrejaw konġestjoni tat-traffiku.
Direttorat tat-Trade — applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ brokering
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet approvati u dawk mhux approvati mid-Direttorat tat-Trade għal-liċenzja ta’ brokering taħt il-Military Equipment (Export Control) Regulations (S.L. 365.13) kull sena mill-2007 sal-2014? Jista’ jagħti d-dettalji tad-data ta’ kull applikazzjoni, kemm dawk li ġew approvati kif ukoll dawk li ma ġewx, jew li għadhom pendenti?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Tnaqqis taċ-Children Allowance – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jindaga għalfejn l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inqata’ mir-reġistrazzjoni għax-xogħol u tnaqqsitlu ċ-children allowance suppost massima li jieħu fuq it-tliet ulied tiegħu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta persuna tinqata’ mir-reġistrar ma tibqax intitolata għall-Għajnuna Soċjali għall-Qgħad u b’riżultat ta’ hekk, ma jkollhiex dritt għall-ogħla rata tal-Allowance għat-Tfal.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-parti tal-mistoqsija rigward ir-raġuni għalfejn inqata’ mir-reġistrazzjoni għax-xogħol lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jerġa’ jdaħħal is-servizz ta’ trasport dirett mil-lokalitajiet ewlenin għall-istituzzjonijiet tal-MCAST, l-Università, Junior College u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fil-preżent l-istudenti tal-Università għandhom rotot diretti minn kull lokalità inkluż iċ-Ċirkewwa. Mill-banda l-oħra, hemm ukoll rotot diretti mill-Belt Valletta lejn l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra bħal MCAST, Junior College, Higher Secondary u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Dawn ir-rotot jwasslu l-istudenti ħdejn jew qrib ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
Infurmat ukoll illi fir-rotot il-ġodda li ġew proposti hemm kontemplati rotot ġodda diretti għal Junior College, filwaqt illi nżammu r-rotot eżistenti lejn l-Università. Qed tiġi proposta ukoll rotta ġdida diretta li miċ-Ċirkewwa tmur l-Università u l-kumpless tal-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, kif ukoll jinżammu ir-rotot eżistenti mill-Belt Valletta lejn l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra.
Minħabba li kif jirriżulta, l-aċċess għall-fakultà l-ġdida tal-MCAST Business and Commerce qed jingħata minn block adjacent li qed jitlesta, u jeħtieġ li l-istudenti (anke dawk b'diżabilità) jitilgħu tliet sulari taraġ, jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jingħata l-aċċess lil dawn l-istudenti għal-lift tal-istess fakultà?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li aċċess għall-blokk imsemmi jeżisti b’mod sħiħ għall-istudenti b’diżabilita’ permezz tal-użu ta’ lift. Studenti b’diżabilita’ li għandhom bżonn jużaw dan il-lift jingħataw card apposta sabiex ikollhom aċċess għall-lift.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni minnufiħ biex iż-zebra crossing fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ (u faċċata ta' Triq il-Kosbor) li fuqha hemm applikazzjoni u li għaliha nħareġ permess, issir kemm jista' jkun malajr?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pelican crossing imsemmija ,li tinsab kantuniera ma’ Triq ix-Xgħir, Żebbuġ, ser tkun qed titwaħħal mill-RID fi ħdan Transport Malta fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħsibijiet tal-Gvern għall-proprjetà li tospita l-ITS ġewwa Pembroke? Jiċħad jew jikkonferma li l-bini huwa jew jista' jkun soġġett għal trasferiment lill-Privat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata fis-seduta li jmiss.
Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Żjarat ta’ tħejjija
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti dwar iż-żjarat barra minn Malta b’relazzjoni mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 minn April 2013 ’l hawn?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ż-żjarat konċernati kienu marbuta mat-tħejjija loġistika w teknika li Malta qegħda tagħmel għal meta jkollha l-Presidenza fl-2017.
Jista’ d-Deputat Prim Minsitru jelenka l-entitajiet li taw il-feedback tagħhom fuq l-abbozzi tal-Operational Programs sad-data stabbilita mill-Gvern, jiġifieri s-16 ta’ Ġunju 2014?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li minbarra sottomisjonijiet li l-Ministeru rċieva minn diversi Ministeri w entitajiet bi preparazzjoni għat-tħejjija ta’ l-Operational Programmes matual il-konsultazzjoni pubblika jien infurmat li dawn l-entitajiet taw il-feedback fuq l-abbozzi tal-Operational Programmes sas-16 ta’ Ġunju :-
Ascend Consulting;
Bank of Valletta;
Civil Aviation Directorate;
Cospicua Community FORUM;
Department of Metallurgy and Materials Engineering, University of Malta;
Department of Electronic Systems Engineering, University of Malta;
Din l-Art Ħelwa;
eSkills Malta Foundation;
Employment and Training Corporation;
HM Archipaelgo Publishing;
Integrated Resources Management;
Malta College of Arts Science and Technology;
Malta Council for Science and Technology;
Malta Environment and Planning Authority;
Mater Dei;
Ministeru għall-Edukazzjoni w x-Xogħol;
Ministeru għal Għawdex;
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima;
Ministeru għat-Turiżmu;
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura;
MITA
Partit Nazjonalista;
Sta Lucia Residents Action Committee;
Sustech Consultin;
Valletta Alive Foundation.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-nies li żaru s-siti taħt ir-reponsabilità ta’ Heritage Malta mill-1 tas-sena ’l hawn? Kemm kienu Maltin u kemm kienu turisti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħotija minn Heritage Malta, Kien hemm 525,952 viżitatur li żaru s-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta bi ħlas minn Jannar sa Ġunju tal- 2014. Flimkien ma' dan l-ammont wieħed irid iżid 27,348 oħra li żaru l-mużewijiet b’xejn.
L-istatistika ma tagħmilx differenza bejn viżitaturi Maltin u barranin. Madanakollu wieħed jista’ jgħid b’mod ġenerali li l-viżitaturi Maltin qed jiżdiedu minħabba n-numru konsiderevoli ta’
Open Days
u attivitajiet oħra li qed torganizza Heritage Malta.
Ir-Rabat – Triq Ħaż-Żebbuġ – xogħlijiet ta’ tiswija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet ta’ tiswija li saru fi Triq Żebbuġ, limiti tar-Rabat, sarux minn Transport Malta jew mill-kunsilli lokali? Jekk saru minn Transport Malta, għalfejn intgħażlu żoni partikolari fit-triq u mhux kull fejn kien hemm bżonn tiswija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta.