Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità tax-Xewkija minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi matul it-2016 ġiet restawrata binja fi Triq Santa Katerina, inbnew magħha kmamar għall-konvinjenza pubblika u lift u inħolqot u sar tisbiħ fi Pjazzetta l-Għammiedi, Xewkija, biex tkun tista’ tintuża mill-pubbliku. Waħda mill-kmamar qed tintuża bħala sala tal-wirjiet. Matul il-perjodu Marzu 2013 sal-lum saru ukoll dawn it-toroq, Triq San Bert, Pjazza San Gwann Battista, Triq San Zakkarija, Triq Torri Tingi, Triq San Andrija, Parti minn Triq Gruwa, Triq il-Mitħna, Triq it-Tessuti u parti minn Triq Taflija.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar it-toroq li biħsiebu jittakilja jew li qiegħed jittakilja fin-Nadur, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħarġet is-sejħa għal kisi ta’ Triq Għajn Qasab liema triq qatt ma kienet asfaltata. Għaddej ukoll xogħol biex tiġi asfaltata Triq it-Tiġrija.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra bil-profitti li rreġistrat il-kumpanija li qed topera s-servizz tal-ferry bejn Malta u Għawdex għall-2016?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Oner. Interpellant li b’effett mill-5 ta’ Ottubru 2016 il-kumpanija Gozo Channel Company Ltd bidlet l-isem għal Gozo Channel (Operations) Ltd. Il-profit li rreġistraw iż-żewġ kumpaniji flimkiem għas-sena 2016 kien ta’ €1,836,789.
Hemm kuntrast qawwi meta mqabbel mat-telf ta’ €1,630,393 li kienet ħabret il-kumpanija Gozo Channel Company Ltd għas-sena 2012.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra biż-żieda fit-turiżmu li Għawdex irreġistra fl-2016?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika fuq turizmu lejn Għawdex u Kemmuna għall-perjodu Jannar sa Settembru mill- 2011 ‘il quddiem. Iż-żieda fin-numru ta’ turisti li qagħdu lejl jew iktar f’Għawdex, għal perijodu Jannar sa Settembru 2016, meta mqabbel mal-istess perijodu tas-sena 2015 kienet ta’ tlettax fil-mija (13%). Hekk kif infurmat, l-informazzjoni sal-aħħar tas-sena 2016 għal Għawdex/ Kemmuna ser tkun tista tingħata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wara 1 ta’ Frar 2017.
Servizz ta’ Fast Ferry Service bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar is-servizz ta’ fast ferry service li biħsiebu jvara bejn Malta u Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi twaqqaf kumitat tekniku li qiegħed jiffinaliżża proċess li se jwassal biex jiġi ppubblikat tender li jippermetti l-operat ta’ tali fast ferry catamaran bejn l-Imġarr u ż-żona tal-Belt Valletta sa tmiem din il-leġislatura.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li biħsiebu jagħmel fl-Għar ta’ Kalipso, fix-Xagħra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara żmien ta’ telqa u deterjorazzjoni, hemm il-ħsieb illi l-Ministeru għal Għawdex jirriabilita’ l-Għar ta’ Kalipso b’talba għall-fondi mill-Unjoni Ewropea. Barra minnhekk, il-Ministeru għal Għawdex qed jaħseb ukoll biex jirriabilita’ l-area tal-madwar b’fondi nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li għaddej fil-pjazza ewlenija t’Għajnsielem?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-pjazza prinċipali t’Għajnsielem kien jinkludi diversi xogħlijiet estensivi, fosthom it-tiswija ta’ ħsarat ikkawżati minn l-għeruq tas-siġar. Ingħata l-konkos fil-post u nbnew ħitan tal-ġebel bħala lqugħ għall-għeruq tal-Ficus Nitida. Tħawlu siġar ġodda fil-ġnien tal-parroċċa u ġew ukoll rilokati erba’ (4) siġriet, reġgħu ġew mibnija mill-ġdid il-pedamenti tal-pjazza biex jingħata l-konkos, u nbena ġibjun ta’ tletin (30) metru kubu biex jilqa’ l-ilma tax-xita mill-bejt tal-knisja parrokkjali. Inbnew ukoll rampi u turġien għal aktar aċċessibbiltà u ġie allokat spazju fejn jistgħu jieqfu l-vetturi (lay-by). Il-proġett ħaseb ukoll għal trinek għas-servizzi, bħal irrigazzjoni, dawl u tiżjin tal-festa.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett tal-bini tal-Elderly Home f’Għajnsielem?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-binja għaddej b’ritmu mgħaġġel. Sa issa tlesta x-xogħol tal-bini fil-basement level u għaddej ix-xogħol tal-bini fuq tlett sulari l’ fuq mit-triq. Hu stmat li sa issa tlesta 75% tax-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ittra ta’ Drittijiet kif kontemplata fl-Att LI tas-sena 2016 biex jipprovdi għal assistenza legali waqt detenzjoni u drittijiet oħra għal persuni arrestati u fl-EU Directive 2013/EU/48 hijiex qed tintuża u jekk tingħatax lis-suspettati kollha rrispettivament fuq xiex qed jiġu interrogati qabel ma jagħmlu l-istatement tagħhom? Jekk fl-affermattiv, l-Ittra ta’ Drittijiet qed tingħata biss fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jew anke fid-distretti? Jista’ jgħidilna f’kemm il-lingwa ġiet tradotta? Jista’ jgħid jekk il-Pulizija għandhiex reġistru bl-interpreti tagħha u jekk iva kemm-il lingwa hemm imniżżla? Jista’ jgħidilna jekk intlaħaqx il-full complement fil-Korp tal-Pulizija u jekk le f’liema ranks għad hemm il-postijiet vakanti? Jista’ l-Ministru jgħidilna x’miżuri ta’ simplifikazzjoni ħa l-Ministeru tiegħu matul is-sena 2016? Kemm affettwaw nies dawn il-miżuri?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Ittra ta’ Drittijiet ġiet introdotta fis-sena 2014 u ġiet emendata fl-2016. Din l-Ittra tingħata lill-persuna qabel ma tiġi interrogata mill-pulizija fuq suspett illi setgħet ikkomettiet xi delitt. L-Ittra tingħata lill-persuna suspettata qabel ma tiġi interrogata, irrispettivament mill-post fejn se tkun interrogata. Infurmat ukoll illi bħalissa għaddej proċess sabiex din l-Ittra ta’ Drittijiet tiġi maqluba fi ħmistax-il-lingwa oħra. Rigward l-interpreti, il-Pulizija tuża lista ta’ interpreti tagħha stess u dan peress illi s’issa m’hawn l-ebda lista ta’ interpreti akkreditati. Dan ix-xahar iżda, il-Korp tal-Pulizija fetaħ tender għall-provista ta’ interpreti, liema tender għadha qed tiġi pproċessata. Fir-rigward tal-compliment tal-Korp, dan għadu qed jitfassal.
Bħala miżura ta’ simplifikazzjoni, mill-24 ta’ Novembru 2016 ġiet introdotta sistema elettronika, fejn persuna jista’ japplika bil-kumdita` kollha għal ċertifikat tal-kondotta online. Sal-lum għamlu użu minn din is-sistema 754 persuna minn Malta u 11 minn Għawdex.
Jista' l-Ministru jispjega kif u xi proċess għaddew minnu dawk li kienu interessati li jmexxu l-Community Work Scheme? X'sar biex fl-aħħar intagħżlet il-kumpanija li ntagħżlet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus ħarget sejħa għall-interess permezz tal-Privatisation Unit. B’kollox kienu tlieta l-operaturi li kienu interessati u tefgħu l-offerta. L-offerenti ssottomettew żewġ pakketti, wieħed bl-offerta finanzjarja u l-ieħor bl-aspetti tekniċi. L-evalwazzjoni bdiet billi l-ewwel infetħu l-pakketti bl-informazzjoni teknika. Wara li ġie assigurat li kollha kienu jissodisfaw il-kriterji mitluba, infetħu l-pakketti bl-informazzjoni finanzjarja. Minn hawn irriżulta li l-orħos offerta kienet dik tal-GWU u għaldaqstant huma ġew inkarigati bit-twettiq tal-Fondazzjoni. Ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni miż-żewg offerenti l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir tibdil fil-Community Work Scheme u x'tibdil jixtieq jara?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni l-ewwel trid tistabbilixxi n-nomenklaturi u tfassal id-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ kull ħaddiem. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju jkun possibbli biex fil-futur ikun hemm aġġustament fil-pagi sabiex jiġi assigurat li dawn il-ħaddiema jkunu mħallsa bl-istess mod ta’ kif jitħallsu ħaddiema ta’ kuntratturi li jfornu servizz lill-gvern.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28319, jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kif intefqu €19,100 ta’ meta ġie inawgurat il-ftuħ taċ-Ċentru San Franġisk mill-Ministru ta’ dak iż-żmien u fuq isem min inħarġu l-pagamenti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari Responsabbli mill-Kunsilli Lokali (KL) jgħid kemm ħadu flus ras għal ras ir-reġjuni kemm ilhom reġjuni u kemm ilha li bdiet tiffunzjona l-Aġenzija LESA, maqsuma sena b'sena? Jista’ jingħata rendikont ta’ x'inhi s- sitwazzjoni finanzjarja tar Reġjuni kif inhi llum? Jista’ jingħata rendikont ta’ kemm jitħallsu kirjiet minn fejn joperaw il-KL u jekk f'dawn il-kirjiet jirriżultax li hemm konflitt ta' interess?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
1. Rapport tal-flejjes li r-Reġjuni ngħataw mill-aġenzija LESA, provdut mill-istess aġenzija mit-twaqqif tal-aġenzija i.e.: mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-31 ta’ Ottubru 2016;
2. Balance sheets provduti mill-ħames Kumitati Reġjoanli li juru l-qagħda finanzjarja tagħhom; u
3. Tabella bl-informazzjoni miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali li turi l-ħlas tagħhom ta’ kera għall-postijiet minnfejn qed joperaw bħalissa.
Intant infurmat li biex wieħed jara jekk hemmx kunflitt ta’ interess, dan ikun jirrikjedi li kull kuntratt tal-kirja jiġi eżaminat u riċerkat biex jinstab jekk hemmx xi parentela bejn il-kerrej u l-membri tal-Kunsilli rispettivi. L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li dan jirrikjedi riżorsa kbira ta’ ħin, staff u flus. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni ta’ allegat kunflitt ta’ interess nitolbu jgħaddieha minnufih lili ħalli nqabbad lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex jinvestiga.
Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi l-informazzjoni dwar kemm ħallsu lura d-deputati parlamentari nazzjonalisti mill-ħlasijiet żejda li kienu ħadu fis-salarju tagħhom meta kienu taw lilhom infushom żieda ta’ €500 fil-ġimgħa? Jista’ jgħid kemm kull ex Ministru u Segretarju Parlamentari kien ħa żieda b’kollox? Kemm ħallas lura u kemm fadallu xi jħallas, deputat b’deputat?