SportMalta – bini ta’ tinda għall-Malta Judo Federation
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-involviment ta' SportMalta sabiex inbniet it-tinda li qed tintuża' mill-Malta Judo Federation ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li SportMalta tgħat assistenza lil Judo Federation ta’ €99,647 biex tkopri l-ispejjeż tax-xiri tat-tinda. Dan sar billi fl-istadju tat-tender li ħareġ mill-federazzjoni ġie immoniterat minn SportMalta.
School Football Tournament – skejjel li qed jipparteċipaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li qed jipparteċipaw fl-iSchools Football Tournament din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s’issa kien organizzat il-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Iskejjel Sekondarji tal-Istat fejn b’kollox ħadu sehem ħdax-il skola. Il-fażi finali se ssir f’Mejju flimkien ma’ skejjel tal-Knisja u Indipendenti.
Hemm 15-il skola tipparteċipa fl-iSchools Football Tournament din is-sena.
F’Marzu se jsiru tournaments għall-Iskejjel Primarji kif ukoll dawk Medji.
Dan il-logħob kollu qiegħed isir fl-istejdjum il-ġdid li nbena fis-sit tal-eks Skola Sekondarja Maria Assunta, fil-Ħamrun.
Dawn it-tournaments isiru kemm għas-subien kif ukoll għall-bniet b’mod separat.
Wara li sena ilu SportMalta organizzat b'suċċess kors għall-Amministraturi fl-isport, jista' l-Ministru jagħti ftit informazzjoni fuq il-kors li se jkun organizzat mill-istess SportMalta flimkien mal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) fiż-żmien li ġej?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li SportMalta dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tinvesti fil-ħaddiema tagħha u toħloq opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ. Kif diġà ġie elenkat, is-sena l-oħra il-ħaddiema ta’ SportMalta kif ukoll ħaddiema oħra mis-servizz pubbliku, temmew b’suċċess il-kors “Public Service Sport Administration” li kien iċċertifikat bħala MCAST Level 5 Award. Dan il-kors kien sar bil-kollaborazzjoni tal-MCAST u kien iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.
Din is-sena SportMalta ħasset il-ħtieġa li tniedi kors innovattiv fil-qasam tiegħu – “Kors għal-Voluntiera fl-Isports”. Dan il-kors huwa intenzjonat li jilħaq il-voluntiera li jaħdmu fil-kamp sportiv u li se jwassal għal ċertifikazzjoni formali għal dawk li jattendu u jaħdmu f’dan il-mistier.
Il-kors ġie imfassal minn SportMalta u d-dipartiment tal-isports fl-MCAST. L-għan prinċipali kien li SportMalta tinvesti u tipprovdi taħriġ kontinwu lill-impjegati tagħha kif ukoll lil dawk kollha li jaħdmu fl-għaqdiet sportivi li huma reġistrati magħha, biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom f’oqsma diversi. Infatti s-suġġetti magħżula jkopru informazzjoni u t-tagħlim neċessarju (kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika) li l-voluntier għandu bżonn ikun jaf/juża waqt ħidmietu. SportMalta qed tieħu din l-inizjattiva biex dawk kollha li jattendu jingħataw ukoll rikonoxximent għax-xogħol siewi li qed jagħmlu fl-għaqdiet rispettivi tagħhom. Kull min ser jispiċċa l-kors b’suċċess se jingħata ċertifikat mill-MCAST
“Level 2 Award in Sport Volunteering”.
Ta’ min jgħid ukoll li dan il-kors ser ikun marbut mal-Presidenza, fejn SportMalta se tkun qed tippreżenta r-riżultat ta’ dan il-proġett pilota bħala wieħed mill-prattiċi tajbin li nistgħu nagħmlu fil-qasam tal-volontarjat fl-Unjoni Ewropeja.
Finalment, il-ħsieb hu li jinħoloq reġistru uffiċjali bl-ismijiet tal-parteċipanti voluntiera li jkunu temmew dan il-kors b’suċċess biex iservi ta’ referenza għall-assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi. B’hekk inkunu qed niffaċilitaw ukoll il-proċess li wieħed isib voluntier kwalifikat meta jkun irid jorganizza xi attivitajiet/kompetizzjonijiet fuq livell nazzjonali jew internazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal Għawdxin li ħadu sehem fil-programm Summer on the Move fis-sajf li għadda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-programm Summer on the Move tas-sajf li għadda, in-numru ta' tfal Għawdxin li ħadu sehem kien ta’ 75. Dan kien l-ewwel sajf li Summer on the Move sar f’Għawdex wara programm OnTheMove tax-xitwa li wkoll sar l-ewwel darba u kien suċċess. Din is-sena komplejna nibnu fuq dan is-suċċess fejn għall-programm OnTheMove tax-xitwa, in-numru ta’ parteċipanti laħaq it-395.
Wara li kien organizzat il-pilot project Move 360, jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti dan il-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Malta għandha waħda mill-ogħla rati fejn tidħol obeżità fit-tfal. SportMalta nediet proġett pilota bl-isem MOVE 360. L-għan ta’ dan il-proġett kien li t-tfal li jieħdu sehem fih, ikollhom piż meqjus normali għall-età u l-qies tagħhom. Dan il-għan seta’ jintlaħaq billi ġew immirati tliet oqsma fil-ħajja ta’ dawn it-tfal, jiġifieri:
· l-ikel
· l-eżerċizzju
· il-lat akkademiku
Waqt il-programm, il-parteċipanti kienu jinġabru mill-iskejjel bit-trasport provdut, imorru f’wieħed mill-kumplessi ta’ SportMalta fejn kienu jippreparaw l-ikel tagħhom stess minn għażla ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, kienu jagħmlu x-xogħol tad-dar bil-għajnuna ta’ għalliema kkwalifikati u jagħmlu siegħa u kwart eżerċizzju fiżiku fuq rakkomandazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Għawdex – Ix-Xewkija – inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra — proġett
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm ġew ottenuti Fondi Ewropej għall-proġett li se jsir ġewwa l-ex-MDP u fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra, fix-Xewkija, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-proġett fl-ex-MDP u fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra ġew ottenuti €16-il miljun fondi Ewropej. Dan il-proġett ser jiġi implimentat mill-Ministeru tal-Ekonomija, Industrija u l-Intrapriżi ż-Żgħar bl-assistenza u l-kollaborazzjoni sħiħa tal-Ministeru għal Għawdex. Hu mistenni illi dan il-proġett joħloq opportunitajiet ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Ix-Xewkija – Ċimiterju ta’ Santa Marija — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra bix-xogħlijiet li saru fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija, fil-limiti tax-Xewkija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ġew esegwiti diversi xogħlijiet f’dan iċ-ċimiterju, li jinkludu :
· Manutenzjoni fuq il-kappella ta’ dan iċ-ċimiterju
· Manutenzjoni fuq l-entrattura prinċipali ta’ dan iċ-ċimiterju,
· Ġew installati żewġ liftijiet fiċ- ċimiterju biex tkun iffaċilitata aktar l-aċċessibilita’ b’mod speċjali għall-persuni b'diżabbilita’ u b' nuqqas ta' mobilita'.
· Tpoġġiet statwa artistika skolpita fil-ġebel ta’ Kristu rxoxt f’post prominenti f’dan iċ-ċimiterju.
· Żbir ta’ siġar u xogħol ta’ tindif ġenerali.
Matul din is-sena ġew iffirmati u ippubblikati minn Nutar tal-Gvern tlett mija u ħamsin (350) kuntratt ta’ bejgħ tal-oqbra ġodda li kienu inbnew fl-estensjoni li saret riċenti, kif kien stipulat f’Avviz Legali 377 tal-2007, amendata bl-avviż legali 35 tat-2013.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għal SkolaSport għal din is-sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għal din is-sena skolastika 2016-17 kien hemm 149 applikazzjoni valida, kollha studenti biex jidħlu fl-ewwel sena tas-sekondarja. Minn dawn daħlu 39 student.
Kien hemm 46 applikazzjonijiet oħra ta' studenti biex jidħlu fit-tielet sena tas-sekondarja. Minn dawn daħlu seba’ (7) studenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li żaru l-Esplora mill-ftuħ tagħha sal-aħħar tas-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li żaru l-Esplora mill-ftuħ tagħha sal-aħħar tas-sena kien kif ġej:
Pubbliku Ġenerali
· Dħul għall-Esebiti biss:
o Adulti – 10,631
o Minuri – 6,129
· Dħul għall-Esebiti u
Science Show
:
o Adulti – 1,582
o Minuri – 1,388
· Dħul għall-Esebiti u
Science Workshop
:
o Adulti – 153
o Minuri – 490
Skejjel
· Dħul għall-Esebiti biss:
o Minuri – 881
· Dħul għall-Esebiti u
Science Show
:
o Minuri – 2,584
· Dħul għall-Esebiti u
Science Workshop
:
o Minuri – 771
Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena 2016, it-total ta’ viżitaturi mill-pubbliku ġenerali kien ta' 20,373 filwaqt li t-total ta’ viżitaturi mill-iskejjel kien 4,236.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma d-dixxiplini sportivi differenti li bdew jiġu pprattikati fl-iskejjel primarji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin bikrin (sat-tieni sena tal-Primarja) hemm aċċenn b’saħħtu ħafna dwar il-ħiliet fundamentali li huwa essenzjali għal kull dixxiplina sportiva.
Fis-snin ta’ wara (mit-tielet sena tal-Primarja) isiru wkoll lezzjonijiet ta’ dawn id-dixxiplini: Atletika, Baskitbol, Futbol, Handball, Għawm, Ġinnastika, Golf, Rugby u Żfin.
Il-maġġoranza kbira tal-lezzjonijiet isiru mill-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika filwaqt li minn żmien għall-ieħor isiru żjarat fl-iskejjel minn għalliema speċjalizzati fid-dixxplini msemmija.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ fibre optic alternattiv li hemm ħsieb li jitpoġġa bejn Malta u Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie stabbilit pjan ta’ ħidma flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u l- Malta Enterprise. Saru laqgħat mal-operaturi dwar aspetti tekniċi kif ukoll dwar l-operat u l-manutenzjoni qabel jinbeda x-xogħol fuq it-tender innifsu
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett taċ-Ċittadella, u jekk rebaħx xi unuri għall-proġett li sar fih fl-aħħar erba’ snin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett taċ-Ċittadella ġibed l-ammirazzjoni tal-eluf ta’ viżitaturi li ta’ kuljum iżuru lil dan il-post storiku. Madanakollu, il-proġett ingħata wkoll għarfien uffiċċjali minn organizzazzjonijiet u entitajiet fil-qasam tal-arkitettura u tal-wirt storiku. Dawn jinkludu :
· Rikonoxximent minn Din l-Art Ħelwa permezz tal-Medalja tal-Fidda 2016 li tfisser l-aqwa unur fil-kategoriji kollha għall-kontribut distint għall-wirt storiku Malti u għall-kisbiet ta’ eċċellenza arkitettonika f’Malta permezz taċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella li huwa kkunsidrat bħala proġett kbir ta’ riġenerazzjoni.
· Rikonoxximent minn Din l-Art Ħelwa permezz tal-Prix d’Honneur 2016 (Kategorija A) għall-kontribut distint u sinifikanti għall-wirt storiku Malti u għall-kisbiet ta’ eċċellenza arkitettonika f’Malta permezz taċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella li huwa kkunsidrat bħala proġett kbir ta’ riġenerazzjoni.
· Rikonoxximent mill-Kamra tal-Periti permezz ta’ żewġ Malta Architects Award 2016 – wieħed għal binjiet pubbliċi u ieħor għal proġetti ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni - permezz taċ-ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella għall-aqwa disinni arkitettoriċi f’Malta bil-għan li jispiraw u jinfluenzaw l-istakeholders ewlenin tal-industrija f’Malta biex joħolqu strutturi li jsebbħu u mhux iħassru l-ambjent li jinsabu fih.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ pixxina ġdida f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Oner. Interpellant li f’Novembru li għadda ġie iffirmat il-Ftehim fil-prinċipju bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija GNI Limited. Minn naħa l-oħra bħalissa qed jiġi iffinalizzat il-ftehim ta’ konċessjoni mill-Privatization Unit.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar xi proġetti hemm maħsuba għall-Marsalforn u x-Xlendi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Oner. Interpellant li għaddej il-proċess mal-Awtorita’ tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn, b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Propjeta' tal-Gvern, l- Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, Transport Malta, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità u entitajiet oħra. Dan biex ikun hemm pjan ħolistiku għal Marsalforn u jkunu jistgħu jiġu rregolarizzati l-istabilimenti u t-tined rispettivi biex ikun hemm dehra omoġenja mal-front ta' Marsalforn.
Sa Ġunju 2016 sar ħafna xogħol ta' pavimentar u tisbiħ ieħor f'Marsalforn. Din is-sena tkompla dan ix-xogħol li jinkludi wkoll l-installazzjoni ta' sistema ġdida tad-dawl mal-front.
Qed isiru wkoll l-pjanti għad-development brief tal-Masterplan tax-Xlendi, b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Propjeta' tal-Gvern, l- Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, Transport Malta, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità u entitajiet oħra. Dan biex ikun hemm pjan ħolistiku għax-Xlendi u jkunu jistgħu jiġu rregolarizzati l-istabilimenti u t-tined rispettivi biex ikun hemm dehra omoġenja mal-front tax-Xlendi.
Għawdex – Victoria – proġett ta’ Pjazza San Franġisk
Question
Jista’ l-Ministru jelenka x’toroq ġew maħduma fil-Belt Victoria minn Marzu 2013 sal-lum u kif ukoll jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ Pjazza San Franġisk fl-istess Belt?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tat-taraġ fi Pjazza San Franġisk issa laħaq l- aħħar fażijiet tal-konstruzzjoni tiegħu u sa l-aħħar ta’ Frar 2017 kif previst għandu jitlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni.
Matul il-perjodu Marzu 2013 sal-lum saru wkoll dawn it-toroq, Triq Vajrinġa, parti minn Triq Għajn Qatet, Triq il-Wieħed u Tletin ta' Marzu 1979, Triq Sant’ Orsla, parti minn Triq Kerċem, Triq Gedrin, Triq Tomba, Triq il-Wied, Triq Qasam San Ġorġ, Triq Antonio Mallia, partijiet minn Pjazza San Franġisk, Triq Enrico Mizzi, Triq Putirjal, Triq Santa Dminka, Triq ir-Repubblika, Triq il-Kastell, Triq Ninu Cremona, parti minn Triq l-Imgħallem u Triq id-Dawwara.
Jista’ l-Ministru jelenka ż-żieda fl-impjiegi li esperjenza Għawdex fl-2016 hekk kif ipparagunat mal-2012?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba, qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din tinkludi ż-żidiet fin-nies li effettivament ħadmu f’Għawdex u Kemmuna mill-2011 sal-2015. żidiet sostanzjali ġew irreġistrati mill-2013 sal-2015. Hekk kif infurmat, l-informazzjoni għall-elfejn u sittax għadha mhix disponibbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Għawdex – Victoria – Triq George Borg Olivier – proġett ta’ bini ta’ Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ bini ta’ qorti ġdida fi Triq George Borg Olivier, Victoria, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet kif ukoll saru l-istudji fuq is-sottoswol, din il-ġimgħa ser tiġi ppublikata s-sejħa għall-offerti għat-taħmil u bini ta' parkeġġ taħt l-art.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità tal-Qala minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li minn Marżu 2013 sal-lum ġewwa l-Qala ġew asfaltati Triq Mġarr, Triq il-Forn, Triq il-Vittorja u Triq Dun Ġuzepp Vella. Barra minn hekk twettaq il- progett ta’ tisbiħ tal-bajja ta’ Hondoq ir-Rummien - fejn irranġajna il-latrini, għamilna walkway ġdida u twaħħlu numru ta’ doxxi. Dan bil-ħsieb li minn Beach of Quality din tingħata l-istatus ta’ Blue Flag Beach.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità Ta’ Sannat minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi f’dan il-perjodu saru mill-ġdid Triq Gruwa, Triq ta’ Ċenċ, Triq it-Tempju ta’ l-Imramma, parti minn Triq Sannat, Triq Dun Luqa u Pjazza ta’ Ċenċ.