Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-Qorti akkużati b’holdup fl-2016? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm 8 persuni li tressqu quddiem il-Qorti akkużati b’holdups li saru fis-sena 2016. Uħud minnhom tressqu fuq aktar minn holdup wieħed. Dawn kienu kollha rġiel u minnhom kien hemm 3 Maltin, Libjan, 2 Brittaniċi u 2 Bulgari. L-etajiet tagħhom ivarjaw minn għoxrin sa 48 sena hekk kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni taħt it-18-il sena quddiem il-Qorti fl-2016 u dwar xiex?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 kien hemm 346 persuna taħt it-tmintax il-sena li tressqet il-Qorti. Dawn tressqu l-Qorti dwar diversi offiżi li fost l-oħrajn jinkludu vjolenza kontra persuni jew uffiċċjali pubbliċi, theddid u nsulti, ksur ta’ bon ordni u paċi pubblika, ikkaġunar ta’ feriti fuq persuni, ħsara volontarja, pussess ta’ droga, vjolenza domestika, offiżi kontra l-moral pubbliku, serq, riċettazzjoni u ksur tar-regolamenti tat-traffiku
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ suwiċidji fl-2016? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jagħti l-etajiet tal-persuni li kkommettew suwiċidju xahar b’xahar b’mod separat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 kien hemm 21 każ ta’ suwiċidju irreġistrati mal-Pulizija. 18 il-persuna kienu ta’ sess maskili u 3 oħra tas-sess femminili. 17 minn dawn il-persuni kienu ta’ nazzjonalita’ Maltija filwaqt illi 4 kienu barranin. Aktar informazzjoni kif mitluba fil-mistoqsija tinsab fit tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' traffikar ta' droga minn barra l-pajjiż kien hemm permezz tal-ajru matul l-2016 u li nqabad mill-Pulizija? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn it-titjiriet? X’tip ta’ droga nqabdet u kemm kien l-ammont? Kemm kien hemm persuni arrestati? Ta’ liema nazzjonalità kienu l-persuni arrestati? Kemm huwa maħsub li kien il-valur tat-triq tad-droga maqbuda, maqsuma skont it-tip tad-droga maqbuda?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, kien hemm 4 każi ta' traffikar ta' droga li oriġinaw minn barra l-pajjiż u li nstabu mal-wasla fl-ajruport ta’ Malta mill-Pulizija, assistiti minn Uffiċċjali tad-Dwana. Dawn oriġinaw mit-titjiriet elenkati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi it-tip ta’ droga maqbuda u l-kwantita`. B’konnessjoni ma dawn il-każi, kien hemm 7 persuni li ġew arrestati li kienu ta’ nazzjonalita kif jidher fl-istess tabellla. Tnejn mill-każijiet li oriġinaw minn Zurich kienu persuni fuq l-istess titjira u kull persuna kellha l-ammont tad-droga indikata. Fil-kaz fejn instabu 730 gramma ta’ Kokaina, persuna kienet arrestata mas-sejba filwaqt li persuna oħra ġiet arrestata fuq l-istess każ wara din is-sejba, pero ma’ kelliex iktar droga fuqha u mhux fl-ajruport. Dwar il-valur tat-triq tad-droga maqbuda, dettalji tal-figuri huma nklużi fl-istess tabella fejn dawn huma magħrufa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li 54 persuna tressqu l-Qorti fuq reati ta' tlajjar għal prostituzzjoni matul is-sena 2016. Dawn kienu 5 irġiel maltin, 44 mara maltija u 5 nisa barranin. Matul l-istess perjodu dawn inħarġulhom 174 il-taħrika relatati ma’ dawn ir-reati. Hemm diversi każijiet in kwistjoni għadhom pendenti (sub-judice) filwaqt li f’każijiet oħra kien hemm sentenzi sospiżi u multi, priġunerija u prigunerija u multi. Minn dawk deċiżi kien hemm każ ta’ liberazzjoni u żewġ każi preskritti.
Persuni mressqa l-Qorti fuq reati ta’ vjolenza domestika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li skont is-sistema elettronika tal-Pulizija kien hemm 1272 każ ta’ vjolenza domestika, li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul is- sena 2016, kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll, illi fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ dawn ir-reati, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti. Peress illi ma tinżammx sistema ta’ data elettronika ta’ dawn ir-reati bid-dettalji mitluba fil-mistoqsija, mhux possibli li jingħataw l-ammonti ta’ nisa jew irġiel involuti, kif ukoll in-nazzjonalita` tagħhom u dettalji oħra mitluba.
Aġenzija Żgħażagħ u Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – Konkors Kitba Letterarja għaż-Żgħażagħ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li pparteċipaw fil-konkors Kitba Letterarja għaż-Żgħażagħ organizzat minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li kienu ħamsa l-parteċipanti fil-konkors Kitba Letterarja għaż-Żgħażagħ għas-sena 2016.
Esplora – Inizjattiva Christmas Factor School Competition
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li pparteċipaw fl-inizjattiva Christmas Factor School Competition organizzat minn Esplora?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'kollox ipparteċipaw 167 student. Iktar informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva, maqsuma f'kategorija A - skejjel primarji u kategorija B - skejjel sekondarji, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 30280 - Esplora - Inizjattiva Christmas Factor School Competition.pdf
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim iffirmat ftit tax-xhur ilu bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Memorandum of Understanding (MoU) bejn l-MCAST u l-MCST jiffoka fuq l-oqsma tal-komunikazzjoni tax-xjenza kif ukoll fil-gwidi għall-karrieri. Il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet hu bbażat fuq ir-rieda tal-partijiet li jikkoperaw biex iżidu l-popolarità tax-xjenza fost il-poplu b’emfażi fuq iż-żgħażagħ. Dan biex jintlaħaq l-għan li aktar żgħażagħ jagħżlu karrieri fix-xjenza u oqsma relatati.
Minbarra hekk, il-partijiet ftehmu li jkomplu jikkoperaw biex joffru
internships
u esperjenzi ta’ xogħol lill-istudenti tal-MCAST ġewwa l-MCST u fiċ-ċentru xjentifiku tal-ESPLORA.
Inizjalment, l-internships se jiġu offruti lil numru ta’ studenti pproponuti mill-MCAST għal perjodu qasir ta’ żmien, imbagħad, issir selezzjoni ta’ studenti li ser jaħdmu matul ix-xhur tas-sajf.
Il-partijiet qablu ukoll li jaħdmu flimkien biex jesploraw u jikkollaboraw fuq inizjattivi xjentifiki li jiġu identifikati minn żmien għal żmien,
Dan il-ftehim se joħloq sinerġija bejn l-MCST u l-MCAST li tkompli tiżviluppa r-relazzjoni bejn l-entitajiet. Il-ftehim se joħloq ukoll inkoraġġiment biex jintagħżlu suġġetti tax-xjenza, kif ukoll se jgħin lill-istudenti jiżviluppaw professjonalment u personalment. Dan se jgħin ukoll fit-tranżizzjoni mill-ħajja akkademika għad-dinja tax-xogħol għaliex l-istudenti se jkunu esposti għal esperjenzi u opportunitajiet f’diversi oqsma relatati max-xjenza u l-arti, jitgħallmu jaffaċċjaw l-isfidi li toffri d-dinja tax-xogħol hands on u joħorġu mill-esperjenza mħarrġa u lesti anke bil-prattika li tgħallmu fit-teorija.
Barra minn hekk, Esplora ser tgħin biex l-istudenti jifhmu aħjar fejn jixtiequ jispeċjalizzaw fil-linji relatati max-xjenza.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ pickpocketing fl-2016? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet seħħew dawn il-każijiet? Jista’ jgħid x’kienu l-affarijiet misruqa? Jista’ jgħid kemm tressqu nies il-Qorti b’rabta ma’ dawn il-każijiet? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità barranija u kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija? Fil-każ tan-nazzjonalità barranija, jista’ jgħid ta’ liema nazzjonalita kienu? Jista jgħid x’kienu s-sentenzi mogħtija mill-Qorti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ rapporti ta’ każijiet ta’ pick-pocketing li ġew irrappurtati lill-Pulizija fis-sena 2016 kien jammonta għal 2447. Informazzjoni dettaljata dwar il-lokalita fejn seħħew dawn il-każi, kif ukoll dettalji tal-affarijiet misruqa tinstab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Ninsab infurmat illi ma tinżammx informazzjoni elettronika ta’ kemm tressqu nies il-Qorti, il-pieni mogħtija b’konnessjoni ma’ dawn il-każi u n-nazzjonalita` tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija dwar persuni nieqsa fl-2016? Kemm persuni nstabu jew irritornaw u kemm baqgħu ma nstabux? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid x’kienu l-etajiet tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 saru 837 rapport lill-pulizija dwar persuni nieqsa. Minn dawn hemm 14 il-persuna li għadhom nieqsa, filwaqt li 823 instabu jew irritornaw. 602 persuni kienu tas-sess femminili, filwaqt li 235 kienu tas-sess maskili. L-etajiet tagħhom ivarjaw hekk kif jidher mit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-servizzi offruti minn Aġenzija Żgħażagħ fil-gżira ta' Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ ħaddiem maż-żgħażagħ beda fil-Kulleġġ Sir Michelangelo Refalo (6th Form) f’Għawdex f’Ottubru 2016.
Il-Kulleġġ joffri lill-istudenti tas-Sekondarja u l-Middle School numru ta’ klabbs għaż-żgħażagħ matul il-brejk ta’ nofsinhar. Il-ħaddiem maż-żgħażagħ jagħti sehemu fil-Kunsill tal-Middle School li mal-klabbs tal-iskola jorganizza attivitajiet għall-istudenti.
Il-ħaddiem maż-żgħażagħ tal-Aġenzija isservi wkoll bħala punt ta’ informazzjoni dwar il-proġetti u inizjattivi tal-Aġenzija. L-għan tas-servizz tal-ħaddiem taż-żgħażagħ fl-iskejjel huwa li f’ambjent edukattiv joffri liż-żgħażagħ opportunitajiet ta’ tagħlim informali u non-formali li jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Fil-Kulleġġ tas-Sixth Form, il-ħaddiem maż-żgħażagħ joffri s-servizz fil-Youth Hub darbtejn fil-ġimgħa. Il-Youth Hub joffri ambjent informali fejn il-ħaddiem maż-żgħażagħ jiżviluppa proġetti u inizjattivi maż-żgħażagħ li jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali taż-żgħażagħ li bbenefikaw minn skema ta' għajnuna li toffri Aġenzija Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2016 il-kunsilli lokali taż-żgħażagħ li bbenefikaw minn fondi kienu dawk ta’ Ħal Safi, l-Msida, Santa Venera, Marsaskala u Ħaż-Żebbuġ.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet qed issir id- Detached Youth Work?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li s-Servizz tad-Detached Youth Work qed isir fil-lokalitajiet li se nsemmi:
Il-Belt Valletta
Xlokk : Birżebbuġa u ż-Żejtun
Cottonera: il-Birgu, Bormla, l-Isla, il-Kalkara u l-Fgura.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett TAĦŻIŻ organizzat minn Aġenzija Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Taħżiż huwa wieħed mill-youth empowerment programmes tal-Aġenzija Żgħażagħ li din is-sena se jkun qed jidħol fil-ħames edizzjoni tiegħu. Bħala proġett huwa mtella’ b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti – Università, u f’edizzjonijiet preċedenti ġieli anke ġie organizzat bi sħab mal-Fondazzjoni AWL.
Taħżi jistieden żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jħobbu jiktbu u jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom, inkella dawk li joqgħodu lura minħabba li jibżgħu li jagħmlu żbalji bażiċi biex jieħdu sehem għal dan il-proġett li jservi l-aktar għal taħriġ fis-sengħa tal-kitba. Iż-żgħażagħ jintgħażlu wara li tkun ħarġet sejħa pubblika biex dawk interessati jissottomettu cv, ittra ta’ motivazzjoni kif ukoll xi xogħol qasir miktub riċentement. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tkun b’xejn għalkemm fil-bidu jintalab depożitu żgħir li wara li jkun intemm il-proġett b’suċċess jingħata lura.
Il-proġett Taħżiż ikun imqassam tul seminars residenzjali u workshops oħrajn tal-inqas tmien darbiet tul il-perjodu ta’ bejn wieħed u ieħor sena. Jintemm b’pubblikazzjoni tax-xogħlijiet prodotti kif ukoll tqassim ta’ ċertifikati. Xi workshops ikunu wkoll miftuħin għal żgħażagħ li mhux neċessarjament ikunu qed isegwu Taħżiż.
Għal kull edizzjoni japplikaw tal-inqas għaxar (10) żagħżugħ u żagħżugħa li ħafna minnhom jirnexxilhom itemmu l-programm b’suċċess u jaraw ix-xogħlijiet tagħhom pubblikati. Iż-żgħażagħ li jieħdu sehem f’dan il-proġett jakkwistaw ħiliet oħrajn apparti tal-kitba inkluż kif jaqraw fil-pubbliku, kitba kollaborattiva u xogħol fi grupp, u hemm minnhom li eventwalment jingħaqdu mal-għaqda tal-Malti ħalli b’hekk jitkompla u jiġġedded dan il-proġett minn sena għall-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-proġett tas-Sależjani Isla mill-iskema A4U tal-Aġenzija Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li permezz tal-fondi A4U ġie mwettaq il-proġett Youth Online fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tas-Sależjani fl-Isla. Il-Proġett Youth Online, kien jikkonsisti billi bil-fondi mogħtija minn Aġenzija Żgħażagħ, sar tisħiħ tas-servizz u l-faċilitajiet offruti mill-għaqda, bl-għan li jingħata servizz aħjar liż-żgħażagħ. Għaldaqstant, permezz ta’ dawn il-fondi, kien possibbli li fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tas-Sależjani fl-Isla, inbidlu l-kompjuters li ma kinux għadhom jaqdu l-ħtiġijiet tas-servizz u ġew installati oħrajn ġodda. Inxtara wkoll apparat ieħor fosthom monitors, keyboards u erba’ mini-PCs. Fis-sala prinċipali ġew installati ukoll żewġ laptops u wifi range extender sabiex ikun hemm l-internet għall-użu tal-membri żgħażagħ.