Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta’ Malta – appointments ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm akkademiċi li għandhom aktar minn appointment wieħed kurrenti u ieħor simultanju fl-Università ta’ Malta? Min huma dawn l-akkademiċi, u jista’ jgħid liema huma l-oqsma li għandhom dawn l-appointments ta’ kull wieħed/waħda minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm żewġ akkademiċi li għandhom iktar minn appointment wieħed mal-Università ta’ Malta. Wieħed mill-akkademiċi għandu appointment ta’ TR6 u appointment ta’ Research Support Officer mal-International Institute for Baroque Studies ta’ 16-il siegħa fil-ġimgħa u l-membru l-ieħor għandu post ta’ Assistant Lecturer u jipprovdi sigħat flessibli (5 sigħat fil-ġimgħa) għal proġett tal-UE fil-Linguistics bħala Research Support Officer. Rigward min huma dawn l-akkademiċi, din l-informazzjoni qed tingħata lill-Onor. Interpellant separatament.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' min kienu l-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jgħid x'kienet ir-remunarazzjoni annwali tagħhom? Jista' jagħti rendikont tan-nefqa diretta u indiretta tal-konsulenti inkluż nefqa addizjonali bħal perkaċċi, mowbajl u safar ta' kull konsulent/a?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija hi kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella ‘A’ - Ministeru tal-Edukazzjoni/Dipartimenti Tabella ‘B’ - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella ‘C’ - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella ‘D’ - Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija Tabella ‘E’ - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Tabella ‘F’ - Kunsill Malti għall-Isport Infurmat ukoll li l-entitajiet l-oħra fi ħdan il-Ministeru illum ma kellhomx konsulenti fis-snin indikati fil-mistoqsija.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — proġetti ta' IT

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' x'nefqa kellu l-Ministeru u l-entitajiet tiegħu fuq proġetti ta' IT bħal websites, servers, apps, databases u infrastruttura diġitali simili bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jagħti ftit dettalji tal-bżonn ta' dan il-proġett, x'baġit kellu u n-nefqa totali finali ta' dan il-proġett? Jista' jgħid min kien is-supplier privat ta' dan il-proġett u jekk ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija hi kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella ‘A’ - Information Management Unit, Ministeru tal-Edukazzjoni Tabella ‘B’ - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella ‘C’ - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella ‘D’ - Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija Tabella ‘E’ - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Tabella ‘F’ - Kunsill Malti għall-Isport Tabella ‘G’ - Malta Libraries Tabella ‘H’ - Arkivji Nazzjonali Tabella ‘I’ - Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea Tabella ‘J’ - Università ta’ Malta Infurmat ukoll li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla għandha kuntratt ma ‘CasaSoft Ltd’ għal tliet snin. Dan il-kuntratt beda fi Frar 2013 u jagħlaq fi Frar 2016. It- total finali ta’ dan il-kuntratt huwa ta’ Euro 5,500 (VAT inkluż). Dan ix-xogħol ingħata wara sejħa għall-kwotazzjonijiet u kien neċessarju għaliex fl-aħħar tal-2012 il-Kunsill Malti għal Kwalifiki (MQC) u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCHE) ingħaqdu u ffurmaw in-NCFHE. Għalhekk iż-żewġ websites li kienu jeżistu ngħalqu u nbniet website ġdida biex tirrifletti l-entità l-ġdida. Fl-aħħarnett, infurmat li meta twaqqfet l-Aġenzija Żgħażagħ inħasset il-ħtieġa li għandu jkollha website sabiex isservi ta` għodda għaż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ. Kienu ntalbu tlett kwotazzjonijiet u ntgħażlet l-irħas waħda mingħand Booking & Co Ltd. In-nefqa totali kienet ta` €2,773.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — proġetti infrastutturali

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti infrastrutturali u ta' bini li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista jgħid kemm kien il-baġit allokat u kemm kienet in-nefqa totali finali għal dan il-proġett? Jista' jgħid min kien is-supplier privat ta' dan il-proġett u jekk ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda mħejjija mid-Direttorat tal-Operat (Tabella ‘A’) u l-oħra mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (Tabella ‘B’). Rigward Tabella ‘A’, ninsab infurmat li l-informazzjoni għas-snin 2003 u 2013 hija minn Jannar sa Diċembru minħabba li d-Departmental Accounting System (DAS) ma tagħtix informazzjoni xahar b’xahar. Infurmat ukoll li l-aħħar parti tal-informazzjoni mitluba, jiġifieri min kien is-supplier privat ta’ kull proġett u b’liema mod ħa x-xogħol, ma tistax tingħata peress li din l-informazzjoni marbuta bejn Marzu 2003 u Marzu 2013 ma tinstabx fis-sistema tad-DAS.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — użu ta' credit/debit cards

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' min kellu użu ta' credit jew debit card fil-Ministeru u l-entitajiet tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jagħti rendikont wieħed wieħed tal-ispiża ta' kull credit card?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija hi kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella 'A' - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'B' - Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija Tabella 'C' - l-Università ta’ Malta Infurmat ukoll li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla kellha BOV Visa f’isem il-Kap Eżekuttiv preċedenti. Madankollu din ma kinitx qed tintuża u b’ hekk ġiet ikkanċellata. Fl-aħħarnett, infurmat li l-Ministeru u l-entitajiet l-oħra fi ħdanu illum ma kellhomx la credit u lanqas debit cards fis-snin indikati fil-mistoqsija.

Salarju ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika kemm għandu salarju fl-2015 lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien id-dħul globali tiegħu għall-2015 meta jittieħdu in konsiderazzjoni s-salarju, bonuses u allowances applikabbli kemm bħala station manager kif ukoll bħala lecturer?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2015 sa nofs April 2015, is-salarju tal-individwu indikat mill-Onor. Interpellant bħala Lecturer, kien ta’ €8749.13 b’academic supplement ta’ €3636.03. Minn nofs April sal-aħħar ta’ Ġunju 2015, is-salarju kien ta’ €6807.08 b’academic supplement ta’ €3127.54. Id-dħul tal-istess individwu mir-radju tal-Università kien kif se nsemmi: - Remunerazzjoni kull xahar - €580.00 (eskluż il-VAT) - Programmi bejn Jannar u Lulju - medja ta’ €124.29 (eskluż il-VAT) fix-xahar

Qorti tal-appell — seduti differiti

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm-il seduta hemm quddiem il-Qorti tal-appell differita fis-sena 2013 u 2014 minħabba indispożizzjoni jew raġuni oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nifhem lil-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Qorti ta’ l-Appell Ċivili (Sede Superjuri). Irrid ngħid li s-sena li għaddiet żdiedu l-ammont ta’ seduti appuntati u naqsu l-ammont ta’ seduti differiti. Dan wassal għal titjib fil-Clearance Rate ta’ din il-Qorti. Ma jfissirx però li għamilna biżżejjed u l-Gvern jemmen li l-waiting time f’dina l-Qorti għadu għoli wisq. Il-Gvern fil-fatt, kif imħabbar fl-aħħar budget, se jippilota abbozz ta’ liġi li jemenda l-proċedura ċivili li se jipprovdi soluzzjonijiet għall-aħjar spedizzjoni tal-kawzi anke quddiem din il-Qorti. Intant l-informazzjoni sena b’sena fl-aħħar erba' snin hi kif ġej: Sena Total ta' Seduti Differiti Total ta' Seduti Appuntati 2011 Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) 5 109 2012 Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) 6 114 2013 Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) 4 101 2014 Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) 1 119

Università ta’ Malta – kwalifiki akkademiċi ta’ lettur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kwalifiki akkademiċi tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex daħlet bħala lettur full-time fl-Università ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll: a. f’liema qasam ta’ speċjalizzazzjoni akkademika u f’liema sena din il-persuna ġiet ingaġġata fl-Università; b. kemm kien hemm kandidati oħra li applikaw għall-istess post akkademiku u kemm minn dawn kellhom dottorat fl-ispeċjalizzazzjoni akkademika rikjesta; c. bħala medja, kemm-il siegħa lectures għamlet din il-persuna matul din is-sena akkademika; d. f’liema livell (baċellerat u/jew maġisteru) qed tgħallem il-persuna indikata; u e. kemm huma n-numru ta’ dissertations u/jew teżijiet u f’liema livell (baċellerat, maġisteru u dottorat) li l-persuna indikata serviet bħala supervisor minn meta ġiet ingaġġata bħala lettur?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament hija assistant lecturer u mhux lettur kif jingħad fil-mistoqsija. Il-kwalifiki akkademiċi ta’ din il-persuna sabiex daħlet bħala assistant lecturer full-time fl-Università ta’ Malta huma s-segwenti: · Bachelor of Arts (Gen) in Contemporary Mediterranean Studies and Classical Culture Civilization (1st Class) · Masters (Qual.) Classics · Masters in Diplomatic Studies (Distinction) · Post-Graduate Certificate in Education, PGCE Hija rreġistrat bħala studenta tal-Ph.D. mal-University of Kent f'April 2013. L-aħħar progress report mibgħut mis-supervisor tagħha lill-Università f’Ġunju 2015 jgħid li qed tagħmel progress tajjeb fl-istudji tagħha fil-livell ta’ Ph.D. Din il-persuna ġiet ingaġġata fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni akkademika ta’ “Media and Conflict and Mediterranean Studies” u “Euro-Mediterranean affairs” u ġiet ingaġġata fl-2011. Kien hemm 14 kandidati oħra li applikaw għall-istess post akkademiku. L-ebda wieħed ma kellu dottorat fl-ispeċjalizzazzjoni akkademika rikjesta imma kandidat wieħed kellu Ph.D. fl- ispeċjalizzazzjoni ta’ ‘Political Economy and Diplomacy’ u kandidat ieħor kellu Ph.D. fl- ispeċjalizzazzjoni ta’ ‘International Relations’. Il-persuna indikata għamlet 137 siegħa lectures matul din is-sena akkademika u qed tgħallem fil-livell diploma, baċellerat, u masters. Infurmat ukoll li serviet bħala supervisor tas-segwenti: 2011/2012: Supervisor prinċipali għal 3 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 5 studenti (long essay) f’livell ta’ Diploma 2012/2013: Supervisor prinċipali għal 5 studenti (dissertation) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 2 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal student wiehed ( long essay ) f’livell ta’ Diploma 2013/2014: Supervisor prinċipali għal 3 studenti (dissertation) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 3 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal student wiehed (long essay) f’livell ta’ Diploma 2014/2015: Supervisor prinċipali għal student wiehed (dissertation) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 2 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 3 studenti ( long essay ) f’livell ta’ Diploma

Università ta’ Malta – kuntratti ta’ individwu rtirat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minn meta rtira bil-pensjoni? Kemm jiswa kull wieħed minn dawn il-kuntratti? L-individwu għandu kuntratt pendenti? Jekk m’għandux kuntratt kurrenti, kemm-il siegħa xogħol qed jagħti lill-Università u għal kemm ħlas? X’inhi n-natura tax-xogħol tal-individwu għall-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament irtira minn Reġistratur tal-Università fil-31 ta’ Diċembru 2008. Fl-1 ta’ Frar 2009 hu kien mitlub mill-Università u ngħata kuntratt ta’ sena sal-31 ta’ Jannar 2010, biex ikompli jaħdem fuq proġett li kien inbeda fl-aħħar xhur li hu kien Reġistratur, u speċifikament kellu jirrapporta direttament lir-Rettur u jaħdem flimkien mal-Pro-Rettur u l-Assistent Reġistratur inkarigat mill-Academic Programme Quality and Resources Unit (APQRU) li kien għadu kif twaqqaf. Partikularment, hu kellu jwaqqaf u jħarreġ grupp ta’ amministraturi fi ħdan l-APQRU biex jinħoloq qafas organizzattiv li jagħti l-faċilità lill-Amministrazzjoni tal-Università li tirrikonċilja l-unitajiet ta’ studju f’kull kors mar-riżorsi akkademiċi, amministrattivi u ta’ spazji meħtieġa. Is-sistema maħluqa kellha tforni informazzjoni dettaljata lill-amministrazzjoni dwar l-unitajiet ta’ studju mgħallma minn kull membru tal-istaff akkademiku, kif ukoll fejn u x’ħin ikunu qed jiġu mgħallma. Dan kellu jwassal għal utilizzar aħjar ta’ riżorsi. Fil-fatt, dan l-individwu kien mistenni wkoll jagħti pariri dwar modi kif setgħet tkun imsaħħa l-amministrazzjoni u l-utilizzar ta’ riżorsi għat-tmexxija tal-programmi akkademiċi. Dan l-individwu kien mistenni jaħdem 15-il siegħa fil-ġimgħa għal remunerazzjoni totali ta’ €16,500 fis-sena. Il-kuntratt kien imġedded għal sena sal-31 ta Jannar 2011, u l-ammont ta’ sigħat żdiedu għal 20 siegħa fil-gimgħa, b’remunerazzjoni ta’ €24,750, imbagħad sal-31 ta’ Diċembru 2011 b’remunerazzjoni ta’ €22,687.50 u finalment, meta l-APQRU u s-sistemi maħluqa kienu waslu li jibdew jaħdmu kif kien mistenni, il-kuntratt iġġedded għal sitt xhur sal-31 ta’ Ġunju 2012 b’10 sigħat fil-ġimgħa għal remunerazzjoni ta’ €6,187.50. Minn Lulju 2012 sal-lum dan l-individwu ma kellu l-ebda rabta kuntrattwali oħra mal-Università. Meta l-Università fl-2014 ikkonċediet li l-istudenti Għawdxin, kważi fil-korsijiet kollha, joqgħodu għall-eżamijiet f’Għawdex, dan l-individwu u persuna oħra, kienu mitluba u ngaġġati fuq bażi occasional part-time biex jikkordinaw maċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex u l-Uffiċċju tar-Reġistratur biex ikunu organizzati u mmexxija eżamijiet fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet fir-Rabat, Għawdex u jissorveljaw it-tmexxija tal-eżamijiet kollha li jsiru Għawdex, inkluż fiċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija. Ix-xogħol inqasam bejn l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant u l-persuna l-oħra mqabbda u kien imħallas bir-rata ta’ €25 kull siegħa li hi r-rata standard għal xogħol f’dan il-livell ta’ responsabbiltà. Fis-sena 2014, sessjoni ta’ Jannar u sessjoni ta’ Ġunju/Lulju l-individwu konċernat ħadem 176 siegħa u fl-2015, sessjoni ta’ Jannar u sessjoni ta’ Ġunju/Lulju ħadem 180 siegħa.

Università ta’ Malta – Retturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rettur tal-Università ta’ Malta kellu, u għad għandu Rector’s Delegates u Rector’s Advisor? X’onorarja jew remunerazzjoni kellhom u għad għandhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-Rettur għandu 12 Rector’s Delegates u 5 Rector’s Advisors. Ir-Rectors Delegates għandhom allowance ta’ €2,400 u l-lista tagħhom hi kif se nsemmi: Rector’s Delegate for Logistics Rector’s Delegate regarding the University ICT Strategy Rector’s Delegate for Financial Affairs Rector’s Delegate for International Students Wellbeing Rector’s Delegate for Special Projects Rector’s Delegate for Research Policy Rector’s Delegate for Public Lectures and Seminars Rector’s Delegate for Degree Plus Rector’s Delegate for Disability Rector’s Delegate for the Valletta 18 Foundation Rector’s Delegate for International Medical Students Mentoring Rector’s Delegate for the Liberal Arts and Sciences Programme Ir-remunerazzjoni tar-Rector’s Advisors hi kif ġej: Advisor for banking, company management, corporate governance and commercial aspects of project-making of all the Institutions, Organisations and Entities of the University of Malta - €11,647 fis-sena Advisor for relations with China and Chinese Universities - €11,647 fis-sena Advisor for general oversight and coordination of the implementation of the Integrated University Administrative Information System (IUAIS) - €11,647 fis-sena Advisor on energy saving for all University sites - €11,647 fis-sena Advisor for the formulation of ICT requirements, support to the ICT Steering Committee and IT Services Centre; support and assistance for the production of technical specifications and tender documents which cover the ICT requirements throughout the University of Malta - €18,868 fis-sena.

Università ta’ Malta – numru ta’ avukati ngaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il avukat hemm ingaġġat biex jagħti pariri legali lill-Università ta’ Malta? X’inhi l-onorarja jew ir-remunerazzjoni li kull wieħed/waħda minnhom jieħu/tieħu għas-servizz tagħhom kull sena matul l-aħħar disa’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar l-avukati ingaġġati sabiex jagħtu pariri legali lill-Università ta’ Malta, kif ukoll l-onorarja jew ir-remunerazzjoni li ħadu għas-servizzi tagħhom sena b'sena matul l-aħħar disa’ snin, hi kif murija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta – outstanding fees

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-outstanding fees tal-Università ta’ Malta għas-sena 2014-2015? B’kollox, kemm hemm arretrati mis-snin ta’ qabel bħalissa? Hemm xi ħlasijiet outstanding u x’qed tagħmel l-Università biex tirkupra dawn il-fondi? Jista’ jgħid jekk l-Università ta’ Malta għandhiex deficit fil-fondi tagħha? Jekk fl-affermattiv, kemm jammonta dan id-deficit finanzjarju? Kemm jammonta d-dejn tal-Università ta’ Malta sal-aħħar tal-Lulju 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Università ta’ Malta għandha outstanding fees li jammontaw għal €163,556 għas-sena akkademika 2014/15. Ammonti pendenti mis-snin ta’ qabel jammontaw għal €220,364. L-Università tuża kull mezz possibbli biex tiġbor dawn il-flus minn telefonati sa emails u saħansitra ittri bl-avukat. Fl-aħħar mill-aħħar l-istudenti li ma jħallsux ma jingħatawx riżultati u ma jitħallewx jiggradwaw. Apparti minn dawn, l-Università għandha tiġbor l-ammont ta’ €1,028,038 f’servizzi oħra apparti t-tagħlim li €425,088 minn dan l-ammont huwa pagabbli minn entitajiet governattivi u pubbliċi. L-istess hawnhekk, l-Università tuża kull mezz possibbli biex tirkupra dawn il-fondi saħansitra tiftaħ kawżi fil-Qrati ta’ Malta. L-ammont li l-Università għandha dovut lejn persuni jew entitajiet oħra sal-aħħar ta’ Lulju kien ta’ €3,888,677 u kien jinkludi ħlas dovut lill-Gvern għal taxxi u NI ta’ Ġunju u Lulju 2015 li jammonta għal €2,793,298 u VAT dovuta ta’ €278,616. L-Università għandha flus biżżejjed fil-kontijiet bankarji biex tħallas dawn l-ammonti dovuti u għalhekk dawn l-ammonti dovuti huma temporanji. Rigward il-qagħda finanzjarja tal-Università ta’ Malta, l-Università m’għandhiex deficit . Anzi f’dawn l-aħħar tmien snin irnexxielha tirkupra minn deficit akkumulat ta’ ’l fuq minn €2,000,000 sabiex sa tliet snin ilu dan ġie f’sitwazzjoni ta’ breakeven .

Salarju ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika kemm għandu salarju fl-2015 tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien id-dħul globali tiegħu għall-2015 meta jittieħdu in konsiderazzjoni s-salarju, bonuses u allowances applikabbli kemm bħala station manager kif ukoll bħala lecturer?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha mhix disponibbli. Għaldaqstant, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' min kienu l-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jgħid x'kienet ir-remunarazzjoni annwali tagħhom? Jista' jagħti rendikont tan-nefqa diretta u indiretta tal-konsulenti inkluż nefqa addizjonali bħal perkaċċi, mowbajl u safar ta' kull konsulent/a?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — proġetti ta' IT

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' x'nefqa kellu l-Ministeru u l-entitajiet tiegħu fuq proġetti ta' IT bħal websites, servers, apps, databases u infrastruttura diġitali simili bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jagħti ftit dettalji tal-bżonn ta' dan il-proġett, x'baġit kellu u n-nefqa totali finali ta' dan il-proġett? Jista' jgħid min kien is-supplier privat ta' dan il-proġett u jekk ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — proġetti infrastutturali

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti infrastrutturali u ta' bini li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista jgħid kemm kien il-baġit allokat u kemm kienet in-nefqa totali finali għal dan il-proġett? Jista' jgħid min kien is-supplier privat ta' dan il-proġett u jekk ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — spejjeż fuq ikliet, festini, riċevimenti u catering

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispiża tal-Ministeru tiegħu inkluż entitajiet, fuq ikliet, festini, riċevimenti u attivitajiet ta' cateringminn Marzu 2003 sa Marzu 2013? Jista' jagħti ftit informazzjoni x'kienet l-okkazzjoni u min kien il-fornitur tal-spiża tal-attività? Jista' wkoll jgħid ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — użu ta' credit/debit cards

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' min kellu użu ta' credit jew debit card fil-Ministeru u l-entitajiet tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jagħti rendikont wieħed wieħed tal-ispiża ta' kull credit card?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Nisa – xogħlijiet full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa: (a) li ħadmu fuq bażi full-time f’Marzu 2013, f’Marzu 2014 u f’Ġunju 2015; (b) li ħadmu fuq bażi part-time f’Marzu 2013, f’Marzu 2014 u Ġunju 2015; u (c) li għandhom kemm xogħol full-time kif ukoll xogħol part-time f’Marzu 2013, Marzu 2014 u Ġunju 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta' nisa jaħdmu. It-tagħrif dwar kemm kien hemm nisa jaħdmu fix-xhur mitluba hu kif jidher fit-tabella t’hawn taħt, jiġifieri: Nisa li jaħdmu: Marzu 2013 Marzu 2014 Diċembru 2014 Full Time 54,689 57,752 60,064 Part Time only 18,441 19,721 20,111 Full Time kif ukoll xoghol Part time 7,445 8,012 7,691 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aħħar figuri ppubblikati huma ta’ Diċembru 2014.

Childcare Centres — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma ċ-childcare centres reġistrati fl-iskema ta’ childcare centres bla ħlas? Kemm minnhom bdew joperaw bejn April 2014 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Fil-preżent, kemm iħaddmu nies magħhom dawn iċ-childcare centres kollha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sat-30 ta’ Ġunju 2015, kien hemm 85 child care centre li huma reġistrati fl-iskema ta’ childcare bla ħlas. Minn dawn, 13-il child care centre beda jopera minn April 2014. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali li taħtu jaqa’ d-dipartiment regolatur.