Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei – spiża kull xahar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ kemm hija l-ispiża tal-Gvern kull xahar fuq l-Isptar Mater Dei u jagħti break down dettaljata ta’ din l-ispiża?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

Skema Adopt a Notary — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm ingħataw fondi permezz tal-iskema Adopt a Notary?

Response (BONNICI, OWEN)

L-iskema ‘Adopt a Notary’ ġiet introdotta f’Jannar tas-sena 2015. Bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena l-fondi li ngħataw permezz ta’ din l-iskema jammontaw għas-somma ta’ €84,608.

Superintendence of Cultural Heritage – lista ta’ spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ spezzjonijiet li saru mis-Superintendence of Cultural Heritage minn Marzu 2013 sad-data li fiha se tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tagħmel spezzjonijiet b’mod regolari u kontinwi bħala parti mill-varji dmirijiet legali u regolatorji tagħha. Skont ir- records tas-Sovrintendenza, fil-perjodu indikat saru numru kbir ta’ spezzjonijiet mill-uffiċjali ta’ din l-entità kif muri hawn taħt: A. Spezzjonijiet li saru fuq propjeta kulturali, bħall-opri tal-arti jew antikitajiet, li jkunu ser jidħlu jew joħorġu mit-territorju nazzjonali Malti: · 2013 (Marżu sa Diċembru) – 18 spezzjoni · 2014 – 29 spezzjoni · 2015 (sa l-aħħar ta’ Awissu) – 29 spezzjoni B. Spezzjonijiet li saru għal verifika ta’ applikazzjoniet ta’ żvilupp u konsultazzjonijiet li jsiru mill-MEPA: · 2013 (Marżu sa Diċembru) – 125 spezzjoni · 2014 – 95 spezzjoni · 2015 (sa l-aħħar ta’ Awissu) – 70 spezzjoni C. Spezzjonijiet li saru bħala parti mill-proċess ta’ sorveljanza u moniteraġġ ta’ xogħolijiet ta’ żvilupp u kostruzzjoni fejn hemm riskju ta’ skoperti kulturali ġodda jew ta’ ħsara lil siti kulturali diġa magħrufa: · 2013 (Marzu sa Diċembru) – 147 spezzjoni · 2014 – 276 spezzjoni · 2015 (sa l-aħħar ta’ Awissu) – 176 spezzjoni

Sptar Mater Dei – bini ta’ swali ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-bini ta’ swali ġodda fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid meta mistenni jkun lest dan il-proġett?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li sal-aħħar ta’ din is-sena se tkun lesta l-ewwel fażi tal-Medical Admission Unit (MAU). Binja li nbniet bisiwt l-Emerġenza. Bit-tlestija ta’ din l-ewwel fażi din il-binja se tkun tista’ takkomoda 68 sodda. Il-proġett se jkompli biex fis-snin li ġej din il-binja tkun tista tesa 299 sodda. Infakkar lill-Onorevoli Interpellanti li l-binja ta’ din il-blokka ġdida bdiet hekk kif sar magħruf li minħabba li l-isptar huwa mibni b’konkrit dgħajjef ma setgħux jitilgħu aktar sulari fuqu. Iffaċċat b’dawn il-problemi, dan il-gvern kien proattiv u sab soluzzjoni f’waqta u b’hekk irnexxielu wkoll isalva fondi Ewropej li kieku kienu jintilfu.

Sptar Mater Dei — Admissions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-awtoritajiet tal-Isptar qed jilqgħu għal meta fix-xitwa jkun hemm iktar admissions l-isptar u allura jkun hemm problema ta’ sodod?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ghax-xitwa 2015-2016 hemm ippjanati 68 sodda gdida fil-binja ta’ biswit l-Emergenza. Dawn ippjanati biex jibdew jintuzaw lejn l-ahhar ta’ din is-sena. Addizjonalment l-management tal-isptar Mater Dei b’kollaborazzjoni mal-professjonisti involuti kontinwament jahdmu biex itejbu l-efficjenza kemm mill-aspett kwalitativ u kemm mill-aspett kwantitativ tal-isptar.

Sptar Boffa — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern għall-bini fejn illum hemm l-Isptar Boffa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif issa s-servizzi kollha relatai mal-Onkoloġija qegħdin jingħataw miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fl-Isptar Boffa baqa’ id-Dipartiment tad-Dermatoloġija. Qed jsir ukoll refurbishment f’uħud mis-swali ta’ Boffa biex ikunu jistgħu jakkomodaw pazjenti li qegħdin jingħataw kura fit-tul (long term patients) ġewwa Mater Dei. Dan sakemm ikunu lesti il-proġett tal-Isptar il-ġdid tar-Rijabilitazzjoni fl-Isptar San Luqa li se jinkludi wkoll id-Dipartiment tad-Dermatoloġija u l-Isptar Ġerjatriku Karen Grech.

Kliniċi – lista ta’ servizzi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ servizzi ġodda tas-saħħa li qed jingħataw fil-kliniċi bħala parti mit-tisħiħ tas-settur tal-kura primarja?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-tabella t’hawn taht: Servizzi Godda Centri tas-Sahha Chronic Kidney Disease Protection clinic Qormi Plaster Slabs Mosta, Paola, Floriana, Qormi, Gzira Minor surgical operations Mosta Orthopaedic minor operations Mosta Ophthalmic Avastin Injections clinic Mosta Gynae minor operations Mosta Dermatology clinic Mosta Naprotechnology clinic B'Kara Anti Coagulant Clinic -Point of Care clinic Floriana, Paola, Cospicua, Rabat, Qormi, B'Kara Chronic Disease Management Clinic Qormi, Rabat, B'Kara Wound Clinics Centri tas-Sahha kollha Vascular Dopplers in Podiatry B'kara, Floriana Lifestyle clinics Gzira (u l-bereg ta' l-Msida, San Gwann, Zabbar, Gudja, Tarxien, Zurrieq, San Pawl, Kercem u Gharb) Fibromyalgia clinic Floriana Colorectal screening National Screening Programme, Floriana Bone densinometry requests by GPs Centri tas-Sahha kollha GPs can apply for hypertension Schedule V drugs Centri tas-Sahha kollha Extension of Podiatry afternoon services Qormi Cardiology outreach clinic Floriana Orthopaedic outreach clinic Mosta, Floriana, Paola, Qormi Digitalised X-Rays and extension of X-Rays service hours. Mosta, Floriana, Paola, Qormi Gzira Social worker service Servizz ghac-Centri tas-Sahha kollha Extended physiotherapy hours Paola, Floriana, Mosta, B'Kara Immunisation service extended hours in the afternoon Floriana, Paola, Mosta, B'Kara Extension of Health Centre hours B 'Kara

Notte Bianca – nefqa, dħul u konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar in-nefqa, dħul u konkorrenza għan-Notte Bianca tul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-Notte Bianca kull sena attirat lejn il-Belt medja ta’ bejn 60,000 u 70,000 ruħ. L-aħħar edizzjoni tan-Notte Bianca kienet suċċess kbir. Fl-2015 n-nefqa għal dan l-avveniment kienet ta’ EUR 141,499 li ammont minnhom kien ġej minn sponsors u merchandising.

Baroque Festival — konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-konkorrenza għall-Baroque Festival tul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Irrid ninforma lill-Onor Interpellant li minn mindu beda l-Baroque Festival sentejn ilu dan baqa’ jikber fil-popolarita’ tiegħu fejn anke turisti jiġu jżuru Malta apposta fix-shoulder month ta’ Jannar biex jassistu għal dan il-Festival. Mertu mhux l-inqas tas-Sur Kenneth Zammit Tabona u n-nies tiegħu li tant jemmnu f’dan il-proġett. Fil-fatt il-konkorrenza bejn l-ewwel edizzjoni u t-tielet edizzjoni ta’ dan il-festival żdiedet bi kwazi 20 fil-mija kif spjegat hawn taħt: Konkorrenza Baroque Festival 2013 (l-ewwel edizzjoni) 5719 Baroque Festival 2014 6665 Baroque Festival 2015 7057

Festival Żigużajg – nefqa u konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar in-nefqa u konkorrenza għall-festival tat-tfal ŻIGUŻAJG tul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-aħħar ħames snin iktar minn 65,000 tifel jew tifla ikkonkorrew għal dan il-festival sabiħ li jiftaħ il-bieb tal-kultura u l-arti lit-tfal. Irrid ngħid li s-sabiħ ta' dan il-festival hu li ma jiddependix biss mill-għajnuna finanzjarja tal-Gvern imma rnexxilu jikseb l-appoġġ finanzjarju ta' lista sħiħa ta' partners privati. Is-sena d-dieħla se nkunu qed nallokaw €220,000 għal dan il-festival. Nieħu l-opportunita' li nirringrazzja minn qalbi lid-direttur artistiku ta' dan il-festival is-Sur Toni Attard tax-xogħol kbir li huwa għamel u nestendi dan ir-ringrazzjament lit-tim kollu.

Riforma fil-Ġustizzja – spiża totali fuq l-information campaign

Question

Jista’ l-Ministru jagħti total tal-ispiża li għamel id-Dipartiment tal-Ġustizzja fuq l-information campaign li dehret dan is-sajf dwar ir-riforma fil-ġustizzja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kampanja Informattiva dwar ir-Riforma Nazzjonali tal-Ġustizzja hu proġett taħt il-Fond Soċjali Ewropew immexxi mid-Direttorat Ġenerali (Strateġija u Sapport) fi ħdan il-ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Il-proġett kollu, li hu maħsub bħala parti mill-istrateġija tat-twettitq tar-Riforma tal-Ġustizzja ġie jiswa €72,511, li minnhom il-Gvern, permezz tal-fond għall ko-finanzjament, ser joħroġ € 21,970.83 (18% element tal-VAT u 15% ko-finanzjament). Nemmen li din il-kampajnja għenet biex b’mod oġġettiv il-ministeru kellu l-opportunità jispejega aħjar ix-xogħol li qed nagħmlu biex nimplimentaw riforma fil-qasam tal-Ġustizzja.

IFACCA — laqgħa organizzata f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-laqgħa tal-International Federation of Arts Councils and Culture Agencies (IFACCA) se tkun qed issir f’Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

F’Ottubru 2016, il-Kunsill Malti ghall-Arti se jospita s-seba’ Kungress Dinji tal-Kultura u l-Arti. Il-Kunsill qed jaħdem id f’id mal-International Federation of Arts Councils and Culture Agencies (IFACCA) sabiex Malta tkun tista’ tilqa’ madwar 400 delegat minn 80 pajjiż differenti biex jiddiskutu suġġetti pertinenti li għandhom influwenza qawwija fuq is-settur artistiku u kulturali internazzjonali. Dan il-Kungress se jseħħ sewwa sew lejlet iż-żmien meta Malta se tkun qed tilqa’ l-Presidenza Ewropea fl-2017 u sitt xhur wara jsegwi l-avveniment ta’ importanza ewlenija ieħor li fih, f’Jannar tal-2018, il-Belt kapitali tagħna tiġi ddikjarata l-Belt Kulturali Ewropea– kollha attivitajiet ta’ sinjifikat mondjali li jpoġġu spotlight importanti fuq Malta. Is-Summit tal-IFACCA tal-2016 se jkun opportunita’ tad-deheb biex matulu nippromwovu lill-artisti u l-organizzazzjonijiet kulturali tagħna bil-għan li nissukktaw bl-istrateġija tal-internazzjonalizzazzjoni u l-professjonalizzazzjoni tat-talenti u l-prodotti artistiċi u kulturali Maltin. In-networking b’saħħtu li l-entitajiet kulturali tagħna, immexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti, huwa mistenni li se jistabbilixxu, għandu jwassal għal tisħiħ tal-iżviluppi ekonomiċi b’konnessjonijiet diretti u indiretti mas-settur kulturali tal-pajjiż. Il-Kungress Internazzjonali tal-Arti u l- Kultura se jittella’ fis-Sala tal-Konferenzi, il-Belt Valletta mit-18 sal– 21 ta’ Ottubru 2016.

Qorti – użu ta’ spazju

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif se jkun qed jiġi utilizzat l-ispazju li nħoloq fil-Qorti meta nfetaħ il-bini l-ġdid tal-ġudikanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li waħda mill-iktar sfidi kbar li għandhom il-Qrati tagħna hi l-ħtiepa li jiżdiedu r-riżorsi umani sabiex il-proċeduri jitħaffew u jsiru iktar espedjenti. Naturalment jekk wieħed iżid ir-rizorsi umani, jrid ukoll spazju fiżiku fejn dawn ir-rizorsi umani jkunu jistgħu joperaw. Dan japplika għal kull impjegat tal-Qorti, iktar u iktar għall-Ġudikanti li jixirqilhom spazju dekoruz fejn huma jaqdu l-mansjonijiet tagħhom. Din il-problema ġiet trattata b’mod iffukat minn dan il-Gvern fejn issa bis-saħħa tal-ftuħ tal-Binja l-Ġdida Sir Thomas More wara l-bini tal-Qorti ġie ikkreat spazju ġdid fil-Qorti. Dan għaliex il-bini l-ġdid issa hu okkupat mill-Prim Imħallef u prattikament l-Imħallfin kollha taċ-Ċivil u vvakaw l-uffiċini li kellhom fil-Bini prinċipali. L-ammont ta’ spazju li nħoloq intuża jew se jintuża għal tliet raġunijiet. L-ewwelnett ammont ta’ spazju li nħoloq fil-Qorti ġie utilizzat biex tissolva l-problema akuta tal-Membri tal-Ġudikatura u l-istaff tagħhom li ma kellhomx sigrieta addattata minn fejn setgħu joperaw. Kien hemm sigrieti li ċertament ma kinux jixirqu lill-membri ta’ waħda mill-kolonni tad-demokrazija tagħna. It-tieninett, ammont ieħor ta’ spazju li nħoloq se se jintuża sabiex isiru tlett Awli ġodda biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru iktar seduti fil-ħinijiet tax-xogħol tal-Qorti. Dan se jwassal biex tittejjeb il-Clearance Rate u għalhekk ikompli jonqos il-backlog tal-kawzi. Fl-aħħarnett bl-ispazju l-ġdid li nħoloq stajna u nistgħu nagħtu faċilitajiet ġodda li huma bżonnjuzi, mhux l-inqas Training Room u Librerija ġodda, Reġistru ġdid u spazzjuz fejn illum hemm il-Qorti tal-Familja u uffiċji ġodda għal ġudikanti addizzjonali li jistgħu jinħatru minn żmien għal żmien skont il-ħtieġa tax-xogħol.

Kunsill Malti għall-Arti – struttura ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’vantaġġi qed igawdi minnhom il-Kunsill Malti għall-Arti illum il-ġurnata wara li ngħata struttura ġdida?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li wara daħal fis-seħħ Att XV tal-2015 li jirregola l-Kunsill Malti għall-Arti, l-Entita’ għaddiet minn tibdil kbir kemm strutturali kif ukoll sostantiv. Fergħa ġdida fi ħdan l-istruttura l-ġdida hijaik tad-Direttorat tal-Istrateġija. Dan id-Direttorat mal-ewwel beda ix-xogħol tiegħu billi fassal pjan fit-tul li jasal sa l-2020, fejn il-Kunsill qiegħed jintrabat li fis-snin li ġejjin jilħaq miri stabbiliti fil-qasam kulturali u kreattiv, fejn l-għan aħħari ikun dak li finalment jogħla l-livell ta' dan is-settur għal posizzjoni li jixirqilha din l-industrija li tiġġenera 6% tal-prodott gross domestiku ta’ pajjiżna. Il-pilastri principali li fuqhom qegħdin jiġu bbażati dawn il-pjani huma l-edukazzjoni u it-taħrig, id-diversita’ u l-komunitajiet, l-internazzjonalizzajoni tal-industrija kulturali u kreattiva lokali, iċ-ċentralizzazjoni tal-fondi mogħtija mill-Gvern lis-settur, kif ukoll l-professjonalizzazjoni tas-settur in ġenerali. Apparti d-Direttorat tal-Istrateġija, illum il-Kunsill għandu ukoll Direttorat tal-Festivals li ħa taħt idejħ l-attivitajiet l-kbar ta’ matul is-sena fil-kalendarju kulturali tal-Kunsill bħall-Karnival, Notte Bianca, Jazz Festival, Għanafest, Three Palaces Festival u oħrajn, kif ukoll id-Direttorat għal Materji Korporattivi li jieħu ħsieb in-naħa amministrattiva tal-Entita.

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — kunċerti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kunċert taw l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali minn Marzu tal-2013 s’issa u kemm minnhom ġew mogħtija barra mill-pajjiż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sa Lulju 2015 kien hemm 145-il kunċert imtella mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Minn Settembru 2015 sa Lulju 2016 s’issa hemm pjanati mas-67-il kunċert, bil-possibilta’ li dan in-numru jkompli jikber. L-MPO ser tkun tellghet 16-il kunċert barrra minn Malta bejn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ din is-sena. Dawn jinkludu: · Tour taċ-Ċina bejn Diċembru 2014 u Jannar 2015 fejn itellgħu 8 kunċerti · L- Expo f’Milan fl-Lulju 2015 · F’Ottubru 2015 ser jkun hemm 4 kuncerti b’4 mużiċisti f’Tour tal-Awstralja. · F’Novembru 2015 ser jkun hemm orchestral concert u żewġ chamber ensemble fi Frankfurt Apparti dawn il-kuncerti kien hemm ukoll numru ta’ Professional Recordings u Video Recordings li jinkludu: · Orchestral Music of Charles Camilleri, with international label Naxos · Premieres works of Maltese composers by Cosmos Wind Ensemble · Mediterranean Songs by MPO Chamber musicians · Flash Mob f’Pjazza San Ġorġ, Valletta · Innu Malti produzzjoni fit-Teatru Manoel, Valletta · Innu Malti produzzjoni f’Kastilja, Valletta

Cultural Export Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li bbenefikaw mill-Cultural Export Fund?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Cultural Export Fund, b’investiment ta’ €200,000, tnieda f’April 2015 u għandu tliet fergħat – Travel Grants, Presentation & Touring u Translation Grant. Din l-aħħar fergħa tnediet f’Settembru tal-2015. Din is-sena b’kollox hemm erba’ skadenzi u għalhekk erba’ sessjonijiet ta’ evalwazzjoni fil-ka¿ tat- Travel Grants . S’issa saru żewġ sessjonijiet ta’ evalwazzjoni u ġew iffinanzjati b’kollox 12-il applikazzjoni. Fil-ka¿ ta’ Presentation & Touring , hemm żewġ skadenzi u s’issa kien hemm sessjoni ta’ evalwazzjoni waħda. F’din is-sessjoni ġew iffinanzjati 4 applikazzjonijiet. L-iskadenza għat-Translation Grant se tkun dan ix-xahar, Ottubru. Minbarra dan il-programm ta’ fondi, il-Fond qiegħed jippermetti bosta inizjattivi relatati mal-istrateġija li tiffoka fuq internazzjonalizzazzjoni fosthom stediniet għal international programmers biex jaraw xogħol artistiku/festivals prodotti mill-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, programm ta’ taħriġ li minnu se jibbenefikaw 25 artist u l-programm kulturali internazzjonali marbut mac-CHOGM li permezz tiegħu ġew ippreżentati sitt produzzjonijiet artistiċi f’sitt pajjiżi tal-Commonwealth.

Bord ta’ Rijabilitazzjoni – persuni akkużati b’reati ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata ta’ kemm nies akkużati b’reati ta’ droga quddiem il-Qorti tal-Magistrati talbu li jiġu riferuti quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni mmexxi mill-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ġew referuti sitt kawżi mill-Qorti tal-Maġistrati quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni. Ħames każi minnhom huma skont Artikolu 8(1) u każ ieħor huwa skont Artikolu 5(4). Informat ukoll li hemm iktar minn 30 talba pendenti quddiem il-Qrati tal-Maġistrati sabiex issir din ir-referenza. Dan juri li l-liġ l-ġdida dwar id-Dipendenza fuq id-Drogi qed taħdem u jidher li fix-xhur li ġejjin se nibdew naraw l-ewwel riżultati konkreti tagħha sabiex vittmi ġenwini tad-droga jingħataw l-opportunita’ li jirriformaw u joħorġu mill-vizzju.

Jazz Festival – konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down tal-konkorrenza għall-Jazz Festival f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- Il- konkorrenza għall-Jazz Festival f’dawn l-aħħar ħames snin kienet: Sena Attendenza 2011 2379 2012 2903 2013 2308 2014 2167 2015 2389

Arts Festival – konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down tal-konkorrenza għall-Arts Festival f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- konkorrenza għall-Arts Festival f’dawn l-aħħar ħames snin baqghet tikber sena wara sena u qed jintlaħqu udjenzi li qabel ma kinux jintlaħqu. Intant l-attendenza kienet hekk: Sena Attendenza 2011 6836 2012 3929 2013 7874 2014 8117 2015 8121

Mużewijiet — żjarat organizzati mill-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-ammont ta’ viżitaturi li żaru l-mużewijiet permezz ta’ inizjattivi li jittieħdu mill-Kunsilli Lokali fejn ingħataw roħs fil-prezz tad-dħul ta’ siti storiċi u mużewijiet? Liema kienu dawn is-siti storiċi u mużewijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-iskema ta’ prezz speċjali (€1 r-ras) lill-Kunsilli Lokali li jorganizzaw mawriet kulturali fil-mu¿ewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta tnediet f’ Awwissu 2014. Minn dak iż-żmien ’l hawn kien hemm 2,035 ruħ li bbenefikaw minn din l-offerta, u dawn prattikament żaru l-mużewijiet u siti kollha ta’ Heritage Malta.