Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi reġjuni li minkejja li ilhom imwaqqfa minn Settembru 2011 għadhom qegħdin jakkumulaw dejn li mhuwiex sostenibbli? Jista’ jgħid kemm huwa d-dejn akkumulat u jekk hemmx xi ħsieb li din il-problema tkun indirizzata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kumitati Reġjonali ta’ Malta li huma ma għandhom l-ebda dejn akkumulat jew dejn ieħor.
Skond l-audited reports tal-2014, il-working capitals tal-Kumitati Reġjonali huma kif ġejja:
Tramuntana €1,009,678
Ċentrali €3,532,196
Xlokk €680,531
Nofsinhar €1,435,489
Ghawdex - €180,425
Infurmat li l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex għandu dejn akkumulat ta’ madwar 300,000 ewro.
Din hija sitwazzjoni inkwetanti ħafna u li kieku ma waqqafniex l-Aġenzija għall- Infurzar Lokali li mill-1 t’Ottubru 2015 assumiet ir-rwol ta' regolatur ewlieni dwar l-infurzar lokali kieku is-sitwazzjoni finanzjarja kienet tkompli sejra għall għar.
Id-dejn akkumulat huwa wieħed allarmanti u r-Regjun ghandu jsib mezz kif dan id-dejn jibda jinqata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Kunsilli Lokali li ħadu f’idejhom il-librerija tal-lokal? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawk il-kunsilli li m’għandhomx librerija f’idejhom ikollhom librerija lokali taħt ir-responsabilità tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 51 librerija pubblika amministrata mill-Kunsilli Lokali. Kull Kunsill Lokali jista’ jagħmel it-talba għal devoluzzjoni tal-librerija tal-lokal u din tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet konċernati.
Kunsilli Lokali/reġjuni/Kumitati amministrattivi – applikazzjoni għall-iskema tal-attivitajiet kulturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali/reġjuni/kumitati amminsitrattivi li applikaw għall-iskema tal-attivitajiet kulturali? Jista’ jagħti raġuni għaliex kien hemm numru ta’ kunsilli lokali li ma ħadux flus minn din l-iskema minkejja li applikaw?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li matul is-sena 2014 kien hemm 90 applikazzjoni għall-iskema ta’ Attivitajiet Kulturali.
Dawn l-applikazzjonijiet iddaħħlu minn tlett Kumitati Reġjonali, 53 Kunsill Lokali u erbgħa Kumitat Amministrattivi.
L-applikazzjonijiet inqasmu kif ġej: 4 applikazzjonijiet saru minn Kumitati Reġjonali, 80 applikazzjoni minn Kunsilli Lokali u 6 applikazzjonijiet minn Kumitati Amminsitrattivi.
Minn dawn ġew approvati 53 applikazzjoni; 4 minn Kumitati Reġjonali, 45 minn Kunsilli Lokali u 5 minn Kumitati Amministrattivi.
L-applikazzjonijiet kienu evalwati minn Kumitat li huwa magħmul minn rappreżentant tal-Ministeru, mis-Segretarjat Parlamentari, mill-Kunsill tal-Arti, mill-Awtorita’ tat-Turiżmu, mid-Direttorat tal-Kultura u mill-Valletta 2018.
L-applikazzjonijiet kienu kollha evalwati mill-Kumitat li mexa fuq il-linji gwida li kienu mibgħuta lill-Kunsilli Lokali.
Matul din is-sena kien hemm attenzjoni partikolari fuq dawk l-attivitajiet li għandhom jistgħu jissaħħu u jitqiesu bħala attivitajiet li għandhom livell sodisfaċenti u li jistgħu ikunu parti mill-attivitajiet tal-Valletta 2018.
Il-Kumitat qiegħed jaħdem ħafna sabiex il-Kunsilli Lokali jgħollu il-livell ta’ dawn l-attivitajiet u kien għalhekk li saru numru ta’ seminars u laqgħat individwali sabiex ikunu megħjuna jorganiżżaw attivitajiet ta’ kwalità.
Għalkemm kien hemm 37 attività li ma kienux aċċettati minħabba li ma laħqux il-livell mixtieq, membri mill-Kumitat iltaqgħu mar-rappre¿entanti ta’ dawn il-applikanti. Filwaqt li spjegawlhom ir-raġuni għaliex l-attività tagħhom ma kinitx magħżula, offrewlhom l-għajnuna sabiex meta jerġgħu japplikaw, ikunu f’poziżżjoni aħjar li l-attività tagħhom tkun ta’ suċċess.
Kumitati reġjonali – rwol fil-funzjoni tal-Gwardani Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Kumitati Reġjonali fir-rigward tal-funzjoni tal-Gwardjani Lokali? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-reġjuni jissaħħu u jekk iva, kif jista’ jsir dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitati Reġjonali se jkollhom ir-rwol li jaraw x’inhuma il-ħtiġijiet tal-Kunsilli Lokali u se jkollhom kull opportunità li jressqu proposti lill-Aġenzija tas-Sistema tal-Infurzar Lokali.
Ir-Reġjuni se jkollhom laqgħat regolari mal-amministrazzjoni tal-Aġenzija u dan sabiex ikun hemm koordinament fl-operat tas-sistema.
Intant il-Ministeru bħalissa għaddej b’eżerċizzju ħalli jistabbilixxi l-aħjar mod li l-Kumitati Reġjonali jistgħu jsiru iktar relevanti għaċ-ċittadini fil-hajja ta' kuljum tagħhom.
Jista l-Minisru jgħid kemm huma l-kunsilli lokali li jittrażmettu live l-laqgħat tagħhom fuq l-internet, u jekk hemmx il-ħsieb li kull kunsill lokali jittrażmetti live il-laqgħat tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 61 Kunsill Lokali li qegħdin jittrażemttu “LIVE” il-laqgħat tagħhom fuq l-internet. Minn dawn il-61 Kunsill Lokali hemm 49 f’Malta u 12 f’Għawdex.
Wieħed jista’ jidħol fuq il-website www.lc.gov.mt u hemm hekk isib il-lista ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li qegħdin jittrażmettu il-laqgħat tagħhom.
Id-dipartiment flimkien mas-segretarjat se jibqgħu jagħmlu kull sforz sabiex kull Kunsill Lokali jittrażemtti “LIVE” il-laqgħat tiegħu. Jekk ikun hemm Kunsilli Lokali li jibqgħu jirreżistu din l-iskema allura ma jkunx hemm triq oħra ħlief li dawn nobligawhom bil-liġi sabiex ikunu konformi mal-Kunsilli Lokali l-oħra.
Il-Gvern huwa impenjat li jara li l-Kunsilli Lokali iwettqu l-ħidma tagħhom bl-akbar trasparenza possibli. It-trażmissjoni “LIVE” tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali hija skema li l-Gvern nieda u ta’ il-finanzjament għaliha lill Kunsilli Lokali.
Permezz ta’ din l-iskema il-Gvern huwa tal-fehma li in-nies isegwu aħjar u jkunu eqreb lejn il-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
Kunsilli Lokali – Kuntratti ta’ ġbir ta’ skart skadut
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għandhom kuntratti ta’ ġbir tal-iskart skaduti? Kemm kien stmat il-valur ta’ dawn il-kuntratti? Jista’ jgħid x’azzjoni qed jieħu jew se jieħu sabiex jekk dan in-nuqqas jeżisti jkun indirizzat?
Response (BONNICI, OWEN)
Minn informazzjoni provduta mill-Kunsill Lokali nfushom jirriżulta li hemm ħmistax-il Kunsill Lokali li għandhom kuntratti ta’ ġbir tal-iskart skaduti. Qed inpoġġi d-dettalji fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-iskemi varati mill-Aġenzija Żgħażagħ għal din is-sena, kemm kien hemm persuni li għamlu użu minnhom u l-valur tal-investiment ta’ kull skema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għal din is-sena Aġenzija Żgħażagħ nediet tlett skemi li kienu:-
Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda b`fond ta` €70,000 fejn kien hemm 25 każin li bbenefikaw, u l-inizjattivi Be Active u A4U (assistance for you) għall-għaqdiet u gruppi taż-żgħażagħ fejn ibbenefikaw 21 għaqda b`fond ta` €40,000.
Università ta’ Malta – nefqa infrastrutturali fuq proġetti ta’ bini
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa infrastrutturali fuq progetti ta’ bini u simili tal-Universita ta’ Malta għas-sena skolastika 2013 u 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub fil-mistoqsija jkun jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-snin 2012, 2013 u 2014 sarux direct orders mill-Kunsill Lokali tan-Nadur li jaqbżu l-ammont stipulat bil-liġi? Jekk huwa l-każ, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tagħhom u jekk jinstab li l-ammont ta’ direct orders inqabeż, jista’ jgħid x’azzjoni se tittieħed?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Kunsilli Lokali – allokazzjoni mgħoddija mill-Gvern preċedenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-allokazzjoni mgħoddija mill-Gvern preċedenti sabiex il-kunsilli lokali jkunu responsabbli tal-ħlas ta’ rimi ta’ skart (tipping fees), kenitx biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż? X’sar sabiex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-allokazzjoni li tingħata lill-Kunsilli Lokali minħabba il-ħlas ta’ ‘tipping fees’ m’hijiex biżżejjed minħabba li l-ammont ta’ skart li jidħol fil-landfills ġeneralment dejjem ikun aktar minn dak stmat li għandu effettivament jidħol.
Il-Gvern preċedenti ġab lill-Kunsilli Lokali għarkopptejhom wara li ma tahomx biżżejjed fondi fl-allokazzjoni tagħhom sabiex ikopru dawn l-ispejjeż. Dan kien isarraf f’xenarju li jew dawn il-fees ma jitħallsux, jew inkella jinħarġu minn ġewwa mill-fondi tal-kunsilli.
Sal-aħħar sena tal-Gvern tal-Partit Nazzjonalista inħolqot sitwazzjoni fejn inħoloq dejn lejn il-Wasteserv li minħabba f’hekk, dan il-Gvern kellu jagħmel tajjeb għalih.
Għaldaqstant, il-Ministeru tal-Finanzi qed jalloka ammonti oħra (apparti dawk tal-allokazzjoni) biex jintużaw ukoll għal dan il-għan. S’issa il-Ministeru tal-Finanzi alloka dawn l-ammonti lid-Dipartment għall-Gvern Lokali li minn naħa tiegħu għaddihom direttament għand il-Wasteserv.
Fl-2013 ġew allokati €1.2 miljun, fl-2014 ġew allokati €1.1 miljun u fl-2015 ġew allokati €1.3 miljun.
Kunsilli Lokali – flus mhux mgħoddija lill-WasteServ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi Kunsilli Lokali li ma għaddewx il-flus lill-WasteServ? Jista’ jgħid kif qed ikunu rkuprati dawn il-flus?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed nassumi illi l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-ħlas ta’ ‘tipping fees’ u li għalihom kull Kunsill Lokali jingħata parti mill-allokazzjoni finanzjarja.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-ammonti pendenti li kellu kull Kunsill Lokali fil-25 ta’ Settembru 2015 u din kif mibgħuta mill-kumpanija Wasteserv.
Meta jiġi innotat illi Kunsill Lokali qed jaqa’ lura f’dawn it-tip ta’ pagamenti, id-Dipartment għall-Gvern Lokali inaqqas parti mill-allokazzjoni finanzjarja ta’ dak il-Kunsill u jgħaddiha direttament lil Wasteserv biex tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa globali tal-Gvern lill-iskejjel tal-Knisja għas-sena 2013, 2014 u 2015 u fiex kienet tikkonsisti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-nefqa tal-Gvern lill-iskejjel tal-Knisja għas-snin 2013,2014 u 2015 hija kif tidher fit-tabella hawn taħt. Din in-nefqa hija l-għotja li jagħti l-Gvern lill-iskejjel tal-Knisja skont il-ftehim mas-Santa Sede li kien sar fl-1991.
ItemDeskrizzjoniSena 2013Sena 2014Sena 2015*
5024Church Schools€48,500,000€54,130,326€48,640,871
*L-ammont tal-2015 huwa ħlas li sar sat-2 ta’ Ottubru 2015 u jinkludi l-ammont ta’ €2,198,951 bħala arretrati.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa globali tal-Gvern lill-iskejjel indipendenti għas-sena 2013, 2014 u 2015, inkluż ħlasijiet relatati ma’ LSAs?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-nefqa tal-Gvern lill-iskejjel indipendenti għas-snin 2013, 2014 u 2015 hija kif gej:
ItemDeskrizzjoniSena 2013Sena 2014Sena 2015*
5503Learning Support Assistants in Prívate Schools€896,212€1,834,330€1,287,916
5632Investment Fund for Private Schools€650,000€796,961€640,248
*In-nefqa tal-2015 hija sat-2 ta’ Ottubru.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-settur tat-tagħlim tal-Ingliż f'pajjiżna għall-studenti barranin? Kemm–il student attendew dawn it-tip ta’ korsijiet fis-snin 2013, 2014 u 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ studenti barranin li attendew korsijiet tal-Ingliż f’pajjiżna fl-2013 u fl-2014 hu kif se nsemmi:
2013 - 74,992
2014 - 77,550
Rigward l-2015, ninsab infurmat li l-istatistika tinġabar f’Jannar 2016 u tiġi proċessata min-National Statistics Office (NSO) sabiex toħroġ stqarrija f’April 2016.
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-NSO jippubblikaw l-istatistika kull sena.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ programmi approvati mill-European Union Programmes Agency (EUPA), il-valur kumplessiv ta’ dawn il-programmi u f’liema oqsma u setturi dawn ingħataw fis-snin 2013, 2014 u 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-valur kumplessiv ta' programmi approvati mill-EUPA fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant hu kif se nsemmi:
2013 - €3,394,372.44
2014 - €5,955,506.00
2015 (s'issa) - €5,826,163.12
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista iktar dettaljata ta' dawn il-programmi, in-numru ta' proġetti fl-oqsma differenti u l-valur tagħhom.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti attwati min-National Archives minn Marzu 2013 ‘l hawn u dawk ippjanati għall-futur?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proġetti attwati min-National Archives minn Marzu 2013 ‘l hawn huma:
1. Parteċipazzjoni bħala membru fundatur tal-Arkivji Nazzjonali fil-proġett Archives Portal Europe - network of excellence (APEx). Matul il-proġett l-Arkviji Nazzjonali minbarra li ħadmu sabiex il-portal jitwettaq, tellgħu dan il-materjal fuq il-Portal Ewropew (
www.archivesportaleurope.eu
): Holdings guide; 12-il katalgu; 85,889 deskrizzjoni ta’ dokumenti; u aktar minn 220,000 riproduzzjoni diġitali ta’ dokumenti.
2. Ġie iffirmat MOU mal-Università ta’ Malta dwar il-Proġett tal-Public Memory Archives. Il-ftehim ġie iffirmat fid-19 ta’ Mejju 2014 u jipprovdi għal kollaborazzjoni fil-Proġett tal-Memorja Nazzjonali li jorbot mal-wegħda Elettorali numru EM
13.032
3. Ġie iffirmat MOU maċ-
Centre de Recerca i Difusió Girona
u l-Arkivju lokali Richard Ellis fit-12 ta’ Ottubru 2014 sabiex jinstabu mezzi kif dan it-teżor imprezzabli lokali tal-Arkivji ta’ Ellis ikunu mħarsa b’mod professjonali.
4. Intlaħaq ftehim mal-Hill Museum and Manuscript Library li ġie iffirmat fit-22 ta’ Settembru 2014 sabiex issir diġitizzazzjoni tad-dokumenti ta’ żmien il-Franċiżi u tlesta l-proġett.
5. Tlestiet id-diġitizzazzjoni tad-dokumenti tal-Qrati magħrufa bħala l-
Magnia Curia Castellania
(1,411-il volum) li jkopru s-snin 1545-1689. B’kollox saru 1,606,301 xbieha diġitali minn din il-kollezzjoni. Gradwalment dan il-materjal qiegħed jitlesta sabiex ikun ikun jista’ jitpoġġa on-line. S’issa hemm 143 volum jew madwar 130,000 xbieha onlajn.
6. Saret l-allokazzjoni u trasformazzjoni ta’ dak li qabel kienet l-Iskola Lorenzo Manchè sabiex issir repositorju ta’ Rekords sakemm jinbena Arkivju Nazzjonali ġdid. Tlesta x-xogħol infrastrutturali fuq il-post u bdew jaslu d-dokumenti.
7. Issejjaħ il-Forum Nazzjonali dwar l-Arkivji li sar fid-19 ta’ Frar 2014 u ġie ppubblikat l-
iState of Archives Report
kif rikjest mill-Liġi tal-Arkivji Nazzjonali.
8. L-Arkivji Nazzjonali komplew b’numru ta’ pubblikazzjonijiet li jixħtu dawl fuq materjal jew temi minn materjal li jinsab fl-Arkivji. Matul dan il-perjodu ġew pubblikati:
· Il-ktieb ‘Valletta: Porta Reale and Environs’
· Il-katalgu tal-wirja ‘Engagements and Weddings in Gozo past
· The Salter Album: ‘Encounters in Malta’s Prisoner of War Camps 1914-1920’
· Il-katalgu tal-wirja ‘Gozo Anniversaries’
9. Minbarra li nżammet il-parteċipazzjoni fil-fora intenazzjonali arkivistiċi bħal European Board of National Archivists, il-European Archives Experts Group, id-DLM Forum, u l-Kunsill Internazzjonali dwar l-Arkviji, l-Arkivista Nazzjonali Malta kompla bit-tieni terminu ta’ tmexxija bħala Chairperson tal-Assoċjazzjoni ta’ Arkivisti u Records Managers tal-Commonwealth. Hawn bdiet koordinazzjoni mal-pajjiżi l-oħra tal-Commonwealth dwar l-issue tal-Migrated Archives.
10. Bil-għajnuna tal-Friends of the National Archives bdiet u waslet f’nofsha id-diġitizzazzjoni taż-żigarelli tal-Għana mixtrija mingħad Leli Muscat. Dan hu wirt ta’ madwar 240 reġistrazzjoni ta’ għana tas-snin sittin u sebgħin.
11. B’impenn minn voluntiera ġew digitizzati madwar 1500 minuta ta’ intervisti lill-persunaġġi prominenti Maltin li għexu it-tieni gwerra dinjija (Maltin fil-gwerra)
12. B’kollaborazzjoni ma’ grupp ta’ imprendituri midħla tal-qasam marittimu tnieda proġett sabiex il-kollezzjoni tal-Qrati Marittimi tal-
Consolato del Mare
tkun restawrata, katalogata b’mod professjonali u wkoll diġitizzata.
Rigward proġetti ppjanati għall-futur, insemmi dan li ġej:
1. Binja ta’ Arkvju Nazzjonali ġdid li jkun jista' jelimina l-limitazzjonijiet li jimponu binjiet storiċi fuq l-operat tal-arkivju kif ukoll li tilqa għal ħażniet kbar ta’ dokumenti kemm preżenti kif ukoll dawk tad-deċenji futuri kif ukoll il-kambjamenti imposti minn metodi ta’ ħolqien ta’ rekords diġitali.
2. Emendi fil-liġi tal-Arkivji Nazzjonali sabiex dokumenti ta’ importanza nazzjonali intrinsika jitħarsu fil-punt tal-ħolqien tagħhom u jiġu depożitati kmieni kemm jista’ jkun fil-ħajja arkivistika tagħhom.
3. Emendi fil-liġi tal-Arkivji Nazzjonali sabiex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ kolletturi privati fil-ħarsien ta’ dokumentazzjoni ta’ importanza nazzjonali.
4. Tnedija ta’ verżjoni diġitali tal-Proġett tal-Memorja Nazzjonali li ser tkun qed titwettaq wegħda Elettorali Nru.
13.031
5. Tnedija tal-Arkivju Orali bi twettiq tal-wegħda Elettorali numru
13.032
6. L-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Arkivisti tal-pajjiżi membri tal-UE, kif ukoll tal-Experts’ Group bħala parti mill-Presidenza ta’ Malta tal-UE fl-2017.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-iskemi varati mill-FES għal din is-sena, kemm kien hemm persuni li għamlu użu minnhom u l-valur tal-investiment ta’ kull skema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li filwaqt li ma kienx hemm skemi ġodda varati mill-FES għal din is-sena, l-għadd ta’ studenti li għamlu użu mis-servizzi kurrenti ta’ Skolsajf, Childcare u Klabb 3-16 hu kif se nsemmi:
Skolasajf 2015 – studenti reġistrati: 12,388
Childcare – Settembru 2015 – 449
Klabb 3-16- studenti reġistrati – Ġunju 2015 – 1,988
Għawdex – Investiment infrastrutturali fi skejjel statali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien l-investiment infrastrutturali fl-iskejjel statali u istituzzjonijiet edukattivi oħra f’Għawdex mill-2013 ‘l hawn?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-investiment infrastrutturali fl-iskejjel statali u istituzzjonijiet edukattivi oħra f’Għawdex mill-2013 ‘l hawn kien ta’ €4,280,397.77.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ adulti li attendew inizjattivi ta’ qari organizzati mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta' adulti li attendew attivitajiet tal-qari minn mindu twaqqfet l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu f'Lulju 2014 sal-4 ta' Settembru 2015 meta spiċċat il-kampanja 'Aqra fis-Sajf' kien ta' 14,500 għall-programm 'Aqra Miegħi/Read with Me' li qiegħed isir bi sħab mal-entità tal-Libreriji Maltin, u 250 għall-programm Nwar, b'kollox 14,750 persuna.
Barra minn hekk, 100 persuna attendew għal 'Attivitajiet ta' Story Telling' li ġew organizzati fil-Librerija Pubblika Ċentrali.