Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #18461 Sitting 331 2015-11-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – Dipartiment tat-Teknoloġija Informatika

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f’liema sitwazzjoni l-amministrazzjoni preżenti sabet id-Dipartiment tat-Teknoloġija Informatika fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Jista’ jgħid x’qed isir fir-rigward ta’ dan?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi fil-prezent, għaddejja hidma u qed isir investiment fit-teknologija sabiex nghollu l-livell akkademiku tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Mal-bidla fl-amministrazzjoni tal-Gvern,f id-Dipartiment tat-Teknoloġija Informatika fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, sibna sitwazzjoni fejn ħafna mill-kompjuters kienu bla liċenzji u kienu qed joperaw bi programmi bla liċenzja wkoll, u fejn affaċċjajna diversi multi b’riżultat ta’ dan. B’negozjati b’għaqal u fit-tul, irnexxielna nikkonvinċu l-partijiet interessati dwar l-intenzjoni li nagħmlu riforma sħiħa fi ħdan l-Istitut sabiex ikun stabbilit bħala wieħed edukattiv kif suppost. Din il-problema illum qegħda tiġi solvuta u l-kompjuters kollha qegħdin jiġu liċenzjati bil-programmi b’kollox, bl-għajnuna tal-MITA illi hija agenzija tal-Gvern. Apparti dan, ġie ffirmat ftehim ma’ fornituri ta’ software ewlenin fl-Industrija tal-Lukandi illi se jinstallaw il-programmi tagħhom bla ħlas. B’hekk, ser inkunu nistgħu nittrenjaw lill-istudenti fuq l-istess programm li eventwalment ħa jsibu fil-post tax-xogħol. Dawn il-programmi ser jgħollu l-livell tall-Istitut bħala ċentru ta’ taħriġ għal min diġà qiegħed fl-industrija. Permezz ta’ dan ngħollu l-istandards tal-industrija b'mod ġenerali kif ukoll inkunu ta’ servizz aħjar għall-Industrija tat-Turiżmu fil-pajjiz. Il-management tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed ihares ukoll illi jawtomatizza l-proċessi kollha fis-sentejn li ġejjin sabiex il-funzjoni u t-tmexxija tal-Istitut tkun iżjed moderna u effiċjenti.
Leg 12 PQ #18462 Sitting 331 2015-11-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – ħlas għas-servizz tal-Internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien qed jiġi mħallas f’dawk li huma servizzi tal-internet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti? X’inbidel minn Marzu 2013 ‘il hawn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) għandu żewġ konnessjonijiet tal-internet. L-ewwel konnessjoni tiġi pprovduta mill-MITA, illi hija aġenzija tal-gvern. Dan it-tip ta’ servizz jagħmlu l-iżjed użu minnu l-għalliema tal-Istitut. L-Istitut għandu wkoll konnessjoni tas-servizz tal-internet ipprovduta mill-privat. Fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, is-servizz tal-WIFI u ta’ Web Filtering kien qiegħed jiġi pprovdut minn kumpanija privata Vanilla Telecoms Ltd. għas-somma ta’ €1,298 kull xahar, bi spiża illi tlaħħaq l-ammont ta’ €15,576 fis-sena. Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment kif ukoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni, x-Xogħol u l-Familja kienu approvaw biex ix-xogħol jingħata b’direct order lil din il-kumpanija. Fl-2013, l-amminstrazzjoni l-ġdida tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi stabbilixxiet li kien hemm bżonn ta’ bidla fis-servizz tal-WIFI għaliex l-Istitut kien qiegħed iħallas prezz esaġerat għal dan it-tip ta’ servizz. Kien għalhekk illi dan il-kuntratt ġie tterminat b’effett mill-aħħar ta’ Jannar 2015. Abbażi tal-kuntratt preżenti, sa minn Jannar din is-sena, is-servizz tal-internet qed jiġi pprovdut għal €125 fix-xahar, li jammonta għal €1,500 fis-sena. Fid-dawl ta’ dan, meta tikkompara l-ammont preċedenti ma’ dak preżenti, ifrankajna spiża sostanzjali ta’ €14,076 fis-sena.

Kunsilli lokali/reġjuni jew Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali – applikazzjoni għal kofinanzjament tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw kunsilli lokali/reġjuni jew Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali għall-kofinanzjament tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea matul l-aħħar sena, jiġifieri minn Ġunju 2014 sa Ġunju 2015? Jista’ jgħid kemm minnhom ibbenefikaw matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi talba li kienet irrifjutata minħabba nuqqas ta’ fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali/Reġjuni/Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għall-Ko-finanzjament tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea fil-perjodu bejn Ġunju 2014 u Ġunju 2015 hu kif ġej: Applikazzjonijiet li daħlu minn Ġunju 2014 – Ġunju 2015 Kwantitá Ibbenefikaw Irrifjutati minħabba nuqqas ta’ fondi Kunsilli Lokali 11 10 0 Reġjuni 0 0 0 Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali 11-il applikazzjoni 8 applikazzjonijiet 0 Hemm Kunsill Lokali li għadu ma ffirmax il-Kuntratt u għalhekk għadu ma bbenifikax minn dawn il-fondi. Nixtieq nieħu l-opportunità biex inħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-parti li ma tikkwalifikax għal fondi tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsilli Lokali jagħmlu użu minn dawn il-fond li l-Gvern Malti qed jalloka kull sena ħalli jgħin dejjem aktar lill-Kunsilli Lokali.

Kunsilli lokali – servizz ta’ kupuni b’xejn għall-persuni bil-kundizzjoni ta’ Coeliac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li kienu mitluba sabiex joffru s-servizz ta’ kupuni b’xejn mill-uffiċini tagħhom lil dawk il-persuni li għandhom kundizzjoni ta’ Coeliac (gluten-free)?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsilli Lokali li huma kollha joffru servizz ta’ kupuni b’xejn mill-uffiċini tagħhom lil dawk il-persuni li għandhom kundizzjoni ta’ Coeliac (gluten-free).

Kunsilli Lokali – skemi ta’ Life Long Learning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li mis-sena 2012 sal-2014 qegħdin jieħdu sehem fl-iskema tal-Life Long Learning? Liema huma dawn il-kunsilli lokali? Kemm hu l-ammont ta’ sussidju li qegħdin igawdu minnu l-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Kien hemm 25 Kunsill Lokali li ħadu sehem fl-iskema tal-Life Long Learning fis-sena 2012/2013 u kien hemm 1020 persuna li applikaw. Għal dawk li applikaw ġew organizzati 77 kors differenti. Il-lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ sussidju li ħadu l-Kunsilli Lokali bejniethom jammonta għal total ta’ € 23,317.00 Għas sena 2013/2014 kien hemm 23 Kunsill Lokali li ħadu sehem fl-iskema u 642 il-persuna li applikaw. Għal dawk li applikaw ġew organizzati 49 kors differenti. Il-lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ sussidju li ħadu l-Kunsilli Lokali bejniethom jammonta għal total ta’ € 16,010.00 Għas sena 2014/2015 kien hemm 22 Kunsill Lokali li ħadu sehem fl-iskema u 719 il-persuna li applikaw. Għal dawk li applikaw ġew organizzati 55 kors differenti. Il-lista ta’ dawk li applikaw għas sena 2014/2015 qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ sussidju li ħadu l-Kunsilli Lokali huwa ta’ € 15,278.00.

Kunsilli Lokali – Kunsill Skolastiku fl-iskejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom rappreżentant fil-Kunsill Skolastiku fl-iskejjel primarji tal-lokal tagħhom? Jista’ jgħid jekk hemmx xi ħadd minnhom li huwa wkoll il-President tal-Kunsill skolastiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli lokali – attivitajiet – aċċessibilità għal kulħadd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-attivitajiet li jorganizzaw il-kunsilli lokali humiex aċċessibbli għal kulħadd? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw inċentiv sabiex jorganizzaw dawn l-attivitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsilli Lokali jiġu mħeġġa dejjem sabiex l-attivitajiet organizzati minnhom ikunu aċċessibli għal kulħadd. Kważi kull Kunsill Lokali jipprovdi għal dan is-servizz pero’ hemm uħud minnhom li saħansitra jorganizzaw transport speċjali biex jinkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni. Hemm 4 Kunsilli Lokali li ipparteċipaw fil-proġett pilota għal persuni b’diżabilta, 18-il Kunsill li ipparteċipaw fl-iskema CIES u 31 Kunsill li pparteċipaw fl-iskema A+Accessibility Award. Il-Kunsilli Lokali jingħataw diversi inċentivi sabiex jorganizzaw attivitajiet fejn uħud minnhom huma immirati purament għal dan il-għan. Fost dawn insibu l-A+Accessibility Award, skema li tippromwovi l-ugwaljanza u id-diversita’ li qed isir b’koordinament mas-Segretarjat Parlamentari għad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita Attiva.

Kunsilli lokali – attivitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li matul is-sena 2012, 2013 u 2014 organizzaw attivitajiet sportivi fil-lokal tagħhom? Jista’ jgħid minn huma dawn il-kunsilli lokali u x’kienu l-attivitajiet li ġew organizzati?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul is-sena 2012--2013 kien hemm 26 Kunsilli Lokali li orgnaizzaw diversi attivitajiet sportivi. Il-Lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attivitajiet li kienu organizzati kienu jvarjaw u kienu jinkludu: Hip Hop, Table Tennis, Zumba, Aerobics, Pilates, Festa tfal & Sports fest, Fun Day, Walking Bus, Fitness Classes, Swimming u Half Marathon. Matul is-sena 2013-2014 kien hemm 36 Kunsilli Lokali li orgnaizzaw diversi attivitajiet sportivi. Il-Lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attivitajiet li kienu organizzati kienu jvarjaw u kienu jinkludu: Hip Hop, Table Tennis, Zumba, Aerobics, Pilates, Festa tfal & Sports fest, Fun Day, Walking Bus, Fitness Classes, Swimming, Half Marathon u Mixjiet fil-Kampanja. Matul is-sena 2014/2015 kien hemm 34 Kunsilli Lokali li orgnaizzaw diversi attivitajiet sportivi. Il-Lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attivitajiet li kienu organizzati kienu jvarjaw u kienu jinkludu: Hip Hop, Table Tennis, Zumba, Aerobics, Pilates, Festa tfal & Sports fest, Fun Day, Walking Bus, Fitness Classes, Swimming, Half Marathon, Mixjiet fil-Kampanja, Beginner Dive Courses, Water Fun Park u Self Defence for Children.

Kunsilli Lokali – skeda tal-pagamanent ta’ kull xahar fuq il-Website tad-dipartiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li matul is-snin 2012, 2013 u 2014 ma poġġewx l-iskeda ta’ pagamenti ta’ kull xahar u dokumenti oħrajn li huma obbligati li jpoġġu fuq il-website tad-dipartiment? Jekk huwa il-każ, x’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni li turi n-numru ta’ Kunsilli Lokali li ndikaw li saru l-uploads tad-dokumenti meħtieġa matul is-snin 2012, 2013 u 2014. Id-dokumenti elenkati juru l-iskedi tal-pagamenti xahar b’xahar, kif ukoll ir-rapporti ta’ kull kwart tas-sena, u anke l-estimi annwali, il-pjani ta’ ħidma, ir-rapporti amministrattivi u r-rapporti tal-awditur li jiġu uplaoded darba fis-sena. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi r-raġunijiet elenkati mill-Kunsilli għaliex ma għamlux l-uploads online, kif spjegati mill-Kunsilli Lokali nfushom.

Kunsill Lokali – Ftehim mal-Ministeru għas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kunsilli lokali li għamlu ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa dwar il-bereġ fil-lokalità tagħhom matul l-2013, l-2014 u fl-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul is-sena 2014 kienu sitta l-kunsilli lokali li raw dan il-proċess jiġi konkluż. Dan huma l-lokalitajiet ta’ l-Għarb u Kerċem f'Għawdex, u ż-Żurrieq, il-Kalkara, is-Siġġiewi u Ħal Tarxien f'Malta. L-Imsida kienet l-ewwel berġa f’Malta li bdiet topera minn ċentru ċiviku. Din ġiet inawgurata fl-14 ta’ Mejju 2015. Il-proċess miexi ġmielu wkoll fil-każ tal-kunsilli lokali ta' Ta' Xbiex, Ħal-Għaxaq, Ħaż-Żabbar u Santa Luċija, waqt li kollox jindika li ma jdumux ma jiftħu diskussjonijiet ukoll ma' numru ta' kunsilli lokali oħra.

Kunsilli Lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv u qegħdin jinqdew bis-servizz ta’ aġent Segretarju Eżekuttiv? Jista’ jgħid għaliex jeżisti dan in-nuqqas u x’qiegħed isir biex il-problema tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm tlettax-il Kunsill Lokali li bħalissa għandhom Aġent Segretarju Eżekuttiv. Dawn huma l-Kunsilli Lokali tal-Imdina, il-Birgu, Ħad Dingli, Floriana, il-Gudja, il-Gżira, Ħal Għargħur, il-Mosta, l-Imsida, in-Nadur, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar u Ta’ Xbiex. Il-liġi stess tistipula rigward ħatra ta’ Aġent jew Deputat Segretarju Eżekuttiv. Ikunu diversi l-fatturi li jinħatar l-Aġent jew Deputat. Fosthom ta’ min wieħed jinnota li s-Segretarji Eżekuttivi japplikaw għall-postijiet biex javanzaw fil-karriera tagħhom wara li jkunu kisbu l-esperjenzi meħtieġa fil-qasam lokali. Hemm min laħaq Direttur, kif ukoll Assistenti Diretturi fost karigi oħrajn. Hemm oħrajn li jiddeċiedu li jmorru f’Dipartimenti u/jew f’Ministeri oħrajn, kif ukoll li jsibu opportunità mal-privat.

Segretarju Eżekuttiv — kapaċitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jagħmel sabiex isaħħaħ il-kapaċitajiet tas-Segretarju Eżekuttiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, b’fondi mill-Fond Soċjali Ewropew – Proġett Numru 4.181, għadu kif temm tmien xhur ta’ taħriġ għas-Segretarji Eżekuttiv u għaxar uffiċjali tal-istess Dipartiment relatati ma’ 400 siegħa ta’ taħriġ li wassal għall-ewwel kors akkreditat f’Livell 5 MQF/EQF. Dan it-taħriġ hu speċifikat fuq l-operat tas-Segretarju Eżekuttiv u kien imqassam fi tmien modules u huwa l-ewwel taħriġ speċjalizzat tan-natura tiegħu fit-tmexxija u l-gvernanza tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Dan ifisser li llum, wara ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni li saret fit-30 ta’ Settembru, 2015, għandna Segretarji Eżekuttivi li għandhom kwalifika relatata direttament mal-ħidma tagħhom. Ta’ min wieħed jinnota li għall-ewwel darba fi 22 sena ta’ Kunsilli Lokali, is-Segretarji Eżekuttivi kollha ser ikunu ggradwati fuq livell ta’ Diploma. Hemm ippjanati inizjattivi oħra bil-għan li jsaħħu t-taħriġ fil-qasam tal-Governanza Lokali. Minbarra dan, is-Segretarji Eżekuttivi flimkien mas-Sindki, qed jipparteċipaw f’taħriġ professjonali ieħor permezz ta’ proġett li għalih inġiebu fondi Norway Grants 200-2014. Dan il-proġett, għandu wkoll il-parteċipazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u dik Norveġiża.

Kunsilli Lokali – laqgħat pubbliki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li m’għamlux il-laqgħa pubblika matul l-2012, l-2013 u l-2014? Jekk jirriżulta li kien hemm dan in-nuqqas jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni u x’azzjoni se jkun qiegħed jieħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onor. Interpellant li hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li m’għamlux il-Laqgħa Pubblika kif mitlub bil-liġi minħabba raġunijiet varji. 1) Fl-2012 kien hemm 7 ta’ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa pubblika; 2) Fl-2013 kien hemm 9 ta’ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa pubblika; 3) Fl-2014 kien hemm 8 ta’ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa pubblika; Minn dawn kien hemm ħames Kunsill Lokali li ma għamlux il-laqgħa fil-perjodu ta’ tliet snin. Żewġ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa għal sentejn u sitt Kunsilli Lokali li ma għamlux laqgħa f’sena waħda. Il-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali iġifieri 54 Kunsill Lokali dejjem organizzaw il-laqgħa pubblika. Dan il-Ministeru ħa jkompli jara li l-laqgħat isiru skont il-liġi. Jiena diġa infurmajt lid-Direttur għall Gvern Lokali sabiex jieħu l-mizuri kollha li hemm bżonn sabiex il-Kunsilli Lokali kollha jorganizzaw dawn il-laqgħat u fejn dan ma jsirx jittieħdu l-passi li hemm bżonn. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba Kunsill b’Kunsill.

Kunsilli lokali – Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea fis-sena 2012,2013 u 2014? Jista’ jgħid taħt liema programmi applikaw? Jista’ jgħid jekk l-applikazzjonijiet sarux bħala Lead Partners jew Partners biss? Jista’ jgħid kemm proġett ġew aċċettati minn dawn il-kunsilli lokali , mil-liema programm ibbenefikaw u jekk kenux bħala Lead Partners jew Partners? Jista’ jgħid x’kien it-titoli tal-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2012 kien hemm 20 kunsill lokali li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, fl-2013 kien hemm 30 kunsill lokali u fis-sena 2014 kien hemm 22 kunsill lokali. Dawn il-fondi jvarjaw mill-Fondi għall-Iżvilupp Rurali, Europe for Citizens, il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, l-ERASMUS, l-INTERREG, u l-Youth in Action. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali – talbiet għall-ħsarat fil-vettura minħabba ħofor fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li rċevew talbiet dwar ħsarat fil-vettura minħabba ħofor fit-toroq? Jista’ jgħid kemm tħallsu minn dawn it-talbiet u kemm minnhom ġew rifjutati? Jista’ jgħid jekk dawk li ma aċċettawx li jħallsu għall-ħsarat tawx raġuni biex ma jħallsux?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm 47 kunsill lokali li rċevew xi talba ta’ dan it-tip bejn is-snin 2012 u 2015. Qed inpoġġi d-dettalji mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali – proġetti tal-PPP tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm kunsilli lokali li għadhom għaddejjin bi proġetti tal-PPP tat-toroq liema skema kienet imnedija mill-Gvern preċedenti? Jista’ jgħid kemm għad hemm kunsilli lokali li baqgħalhom iħallsu kontijiet ta’ xogħlijiet li saru taħt din l-iskema? Jista’ jagħti l-ammont dovut ta’ kull kunsill lokali taħt din l-iskema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.

Kunsilli lokali/reġjuni u kumitati amministrattivi — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali/reġjuni u kumitati amministrattivi li mill-2009 sal-lum ma żammewx laqgħa kull xahar kif inhu stabbilit bil-liġi? Jista’ jgħid x’passi qed jieħu jew se jieħu jekk jirriżulta li kunsilli lokali ma żammewx il-laqgħa tagħhom kull xahar kif inhuwa mitlub fl-Att tal-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali jirriżulta li kien hemm 26 minn fosthom li ma żammewx laqgħa kull xahar xi darba jew oħra fil-perjodu msemmi. Mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kumitati Reġjonali jirriżulta li kien hemm tlieta minn fosthom li ma żammewx laqgħa kull xahar xi darba jew oħra fil-perjodu msemmi. Intant, mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kumitati Amministrattivi jirriżulta li kien hemm għaxra minn fosthom li ma żammewx laqgħa kull xahar xi darba jew oħra fil-perjodu msemmi. Il-Monitoring Unit fi ħdan id-dipartiment jitlob lil kull Kunsill Lokali sabiex jagħti raġuni għaliex dawn il-laqghat ma jkunux saru jew ma jkunux saru fil-perijodu stipulat bil-liġi. Fejn jirriżulta li l-Kunsill Lokali jibqa’ jippersisti b’dan in-nuqqas id-dipartiment iwissi lis-Segretarju Eżekuttiv u jekk tinħass il-ħtieġa, jibdew proċeduri ta’ dixxiplina. Qed inpoġġi d-dettalji fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli lokali – Childcare Centre — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kunsill lokali li għandhom Childcare Center? Jekk jirriżulta li hemm kunsill lokali li għandhom dan is-servizz, jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet ta’ dawn iċ-Ċentri u kif il-kunsill lokali qed jiffinanzja dan iċ-Ċentru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm tliet Kunsilli Lokali li qed joffru dan is-servizz. Dawn huma: 1) Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun li qed joffri servizz bi ħlas mis-6.00 am sal-4.00 pm. Infurmat mill-Kunsill taż-Żejtun li sakemm it-tfal ikunu fil-parametri tal-iskema u jikkwalifikaw għal child care b’xejn, ma jintalab l-ebda ħlas. Jekk kemm-il darba dan ma jkunx il-każ u l-ġenituri xorta juru x-xewqa li jibgġatu t-tfal tagħhom fiċ-ċentru, jintalbu ir-rati applikabbli. 2) Il-Kunsill Lokali tal-Għarb li qed joffri dan is-servizz mit-Tnejn sal-Gimgħa mis-7.30 am sas-2.30 pm u l-Kunsill ma joħrogx flus. Fil-fatt dan iċ-child care centre hu mmexxi minn terzi persuni u għalhekk il-Kunsill mhux involut fit-tmexxija u lanqas iżomm flus. 3) Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz li qed joffri dan is-servizz mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sas-1.00pm. Infurmat mill-Kunsill li dan iċ-child care centre mhux fl-iskema ta’ child care b’xejn bil-ħlas jintlaab skont il-price list li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 4) Imbagħad hemm il-Kunsill Lokali tax-Xewkija li joffri servizz ta’ żamma ta’ tfal żgħar (iżda mhux trabi) għal madwar tlett siegħat u nofs b’korsijiet apposta għalihom matul is-Sajf. Hawn it-tfal jagħmlu crafts fost l-oħrajn iżda ma jingħatux ikel eċċ bħal day centres.

Kunsilli Lokali — Day Centre għall-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għandhom Day Center għall-anzjani? Jekk dan huwa il-każ, jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet u kif il-kunsilli lokali qegħdin jiffinanzjaw dan id-Day Center?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-preżent hemm 21 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex li joffru s-servizz ta’ Day Care Centre għall-anzjani. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsill Lokali – PPP ta’ latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom PPP tal-latrini pubbliċi? Jista’ jgħid kif saret is-sejħa u kemm huwa s-sehem tal-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.