Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm hemm pensjonanti tal-Gvern li għandhom Pensjoni tas-Servizz li qed igawdu mill-€200 fis-sena kif tħabbret fil-Budget Speech 2017 paġna 20 tal-Ministru għall-Finanzi; b) kemm-il sena jrid ikollu pensjonant li rtira ta` 61 sena li kien fuq skala 7 tal-pagi fis-sena 2000 biex jieħu dak kollu li kien ikkomuta mill-Pensjoni; u c) biex wieħed jibda jgawdi minn parti ta' dawn il-€200 iridu jgħaddu diversi xhur għax ma jinħadmux malajr mill-ħaddiema tas-Servizz Soċjali u dawn il-flus jirċevuhom biss dawk li għandhom 'il fuq minn 72 sena? Għalhekk meta se jibdew jingħataw minn Jannar bħala kumpens tal-għoli tal-ħajja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: In-numru ta’ pensjonanti li għandhom pensjoni ta’ servizz li bbenefikaw mill-miżura tal-€200 matul is-sena 2016 kien ta’ 4,550. L-uniku tnaqqis li jsir mill-ammont ikkommutat mill-pensjoni ta’ servizz meta tkun qiegħda tiġi riveduta l-Pensjoni tal-Irtirar hu ta’ ħamsin fil-mija biss meta il-pensjonant jilħaq l-età ta’ 72 sena. Kull sena dawk il-każijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura tal-€200 normalment jibdew jinħadmu għal ħabta ta’ Marzu wara li jkun tlesta x-xogħol fuq il-kumpens tal-għoli tal-ħajja lil pensjonanti kollha. Minn April ’il quddiem jibdew ħerġin il-pagamenti lil kull min ikollu dritt għal din iż-żieda. Din il-miżura jista’ jibbenefika minnha kull pensjonant li jirċievi pensjoni ta’ servizz u mhux dawk biss li jkunu laħqu l-età ta’ 72 sena

Persuni mressqa l-Qorti fuq reati ta’ stupru

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30290 u jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' stupru matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016, tressqu għaxar persuni l-Qorti fuq akkużi ta’ stupru. Dawn kienu kollha rġiel, erbgħa ta’ nazzjonalita` maltija u sitta barranin. Kien hemm każ wieħed biss fejn persuna ta’ nazzjonalita` barranija li kienet imressqa, ġiet illiberata mill-akkużi, l-każijiet l-oħra għadhom sub-judice.

Persuni mressqa l-Qorti fuq reati ta’ vjolenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30291 u jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani matul l-2016 u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni mressqa l-Qorti fuq drink driving

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30295 u jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq drink driving f’Malta u f’Għawdex fl-2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2016 kien hemm total ta’ mitejn u tlett persuni li tressqu l-Qorti fuq drink driving f’Malta u f’Għawdex.
Leg 12 PQ #31298 Sitting 489 2017-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Baħrija – sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta s-sistema tad-drenaġġ għar-residenti tal-Baħrija se tkun qed tiffunzjona u tkun tista’ tintuża mir-residenti? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll biex qed isir dan il-proġett għall-Baħrija limiti tar-Rabat Malta iltaqgħux ma’ xi diffikultajiet u x’kienu dawn id-diffikultajiet? Jista’ jgħid kemm hu stmat li ser jiġi jiswa l-proġett tad-drenaġġ għall-Baħrija? Kemm intefqu s’issa u kemm hu stmat li jrid jintefaq fuq dan il-proġett?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-proġett tas-sistema tad-drenaġġ tal-Baħrija qiegħed fil-fażi finali tiegħu. Il-fatturi prinċipali li ostakolaw il-kors tax-xogħol kien hemm il-fatt li nstabu fdalijiet arkeoloġiċi fosthom oqbra, kif ukoll kien hemm tħaffir ta’ trinek ġot-tafal. Dan il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar 5 miljun ewro li minnhom s’issa intefqu 4.4 miljun ewro.

Kummissarju tad-Data – Sentenza — Notifika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta s-sentenza tal-Kummissarju tad-Data tal-21 ta’ Lulju 2016 kontra l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġiet notifikata lilha?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30523.
Leg 12 PQ #31023 Sitting 488 2017-02-28 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Test Strips lid-dijabetiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw test strips b’xejn lid-dijabetiċi li jieħdu l-insulina? Jista’ jgħid meta se jingħataw lancets biex jittaqbu u monitor li jaqbel mat-test strips?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Novembru tas-sena li għaddiet pazjenti dijabetiċi tat-tip 1 bdew jingħataw 4 test strips b’xejn kuljum filwaqt li dawk il-pazjenti dijabetiċi tat-tip 2 li huma fuq l-insulina ser ikunu qed jieħdu dawn it-test strips b’xejn minn aktar tard din is-sena.

Il-Mosta – Triq Dun Mikiel Scerri – wiċċ ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir il-wiċċ ġdid tat-Triq Dun Mikiel Scerri fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll taħt min taqa’ r-responsabilità tal-wiċċ ġdid ta’ din it-triq; jekk hux tal-Gvern Ċentrali jew tal-kunsill lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Aġenzija LESA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) li jaqgħu taħt is-Seg. Par. Responsabbli mill-Kunsilli Lokali kemm ħadu flus ras għar-ras għal kull Reġjun, kemm ilhom Reġjuni u sa meta bdiet tiffunzjona l-Aġenzija LESA (Local Enforcement System Agency) maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali – kirjiet ta’ siti minn fejn joperaw

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm jitħallsu kirjiet ta' siti minn fejn joperaw il-kunsilli lokali, u jekk minn dawn il-kirjiet jirriżultax li hemm konflitt ta' interess?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li ssottommettejt fit-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 28570.
Leg 12 PQ #30314 Sitting 487 2017-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Trabi — mwiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm trabi li twieldu mejta, li mietu fl-ewwel sebat ijiem ħajja jew li mietu bejn it-8 u t-28 ġurnata ħajja matul l-2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 20 tarbija li twieldet mejta bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru tal-2016. Matul dan l-istess perjodu, 18 il-tarbija mietet fl-ewwel sebat ijiem ħajja u 4 mietu bejn it-8 u t-28 ġurnata ħajja.
Leg 12 PQ #30315 Sitting 487 2017-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Trabi – ommijiet ta’ inqas minn 20 sena u aktar minn 40 sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi lill-ommijiet ta' inqas minn għoxrin sena u ta’ iktar minn erbgħin sena, matul l-2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar t’ Ottubru tal-2016 twieldu 129 tarbija lill-ommijiet ta' inqas minn għoxrin sena u 77 tarbija lill-ommijiet ta’ iktar minn erbgħin sena.
Leg 12 PQ #30316 Sitting 487 2017-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, li ddaħħlu għall-kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei minħabba inċidenti tat-traffiku fl-2016 xahar b'xahar? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant illi l-medja fix-xahar ta’ kemm kien hemm persuni li ddaħħlu għall-kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei minħabba inċidenti tat-traffiku fl-2016 kienet 168 filwaqt li ninfurmah ukoll illi l-iktar li ddaħħlu għall-kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza kienu dawk li kellhom bejn l-20 u 29 sena.

Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data — sentenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta s-sentenza tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tal-21 ta’ Lulju 2016 kontra l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġiet innotifikatha lilha?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mhijiex l-prassi tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li jiżvela pubblikament din it-tip ta’ informazzjoni li tirrigwarda terzi persuni. Madankollu jingħad illi, permezz ta’ email datata 30 ta’ Jannar 2017, l-Kummissarju diġa` pprovda l-informazzjoni mitluba lill-persuna li għamlet l-ilment, u dan sar esklussivament fuq is-saħħa tal-premessa illi, bħala persuna parti mid-deċiżjoni, għandu interess leġittimu li jsir jaf meta l-parti l-oħra ġiet notifikata bid-deċiżjoni.

Trasferiment tan-negozji tal-familja – Bidu fis-seħħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta ser tidħol fis-seħħ il-liġi ta’ trasferiment tan-negozji tal-familja? Għaliex hawn għidut li it is still on hold meta suppost din daħlet fis-seħħ minn Jannar tal-2017?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ligi Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap 565 tal-Ligijiet ta’ Malta) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.
Leg 12 PQ #30679 Sitting 487 2017-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – Segretarjat – overtime ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'overtime tal-ħaddiema li kienu jiffurmaw parti mis-Segretarjat tal-Ministeru għas-Saħħa bejn l-2012 u l-2013?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.
Leg 12 PQ #30308 Sitting 486 2017-02-21 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Persuni li mietu bil-kanċer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li mietu bil-marda tal-kanċer fl-2016? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kienet l-età tal-persuni li mietu? X'kienu t-tipi differenti ta' kanċer?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor.ċ Interpellant illi minn Jannar sa Settembru tal-2016 kien hemm total ta’ 710 pazjenti li mietu bil-kanċer, fosthom kien hemm 403 li kienu rġiel. Kien hemm pazjent 1 li kien taħt il-15 il-sena u kien hemm 51 pazjenti li kellhom 85 sena jew aktar. L-iktar mwiet li seħħew minħabba il-marda tal-kanċer kienu dawk li kellhom bejn l-65 u l-74 sena. Matul ix-xhur imsemmija, l-kanċer fil-pulmun kien l-iktar komuni fl-irġiel filwaqt li l-kanċer tas-sider kien komuni fin-nisa.
Leg 12 PQ #30309 Sitting 486 2017-02-21 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Persuni li ddaħħlu l-isptar kawża ta’ xorb eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ddaħħlu l-isptar kawża ta' xorb eċċessiv fl-2016? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? X’kienet l-età tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar kawża ta' xorb eċċessiv fl-2016 kien 388. Dawn il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji: Kategorija A : Sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta’ ‘withdrawal state’ minħabba li min jkun dipendenti fuq l-alkoħol jkun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10 codes F10.2, F10.3, F10.1 u F10.9) Kategorija B : Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda l-persuna ma kinetx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0) Kategorija C : Mard tal-fwied attribwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70) Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika l-eta’ u s-sess tal-persuni maqsumin skont il-kategorija, Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-ispta. Kategorija A Kategorija B Kategorija C Età Nisa Irġiel Total Nisa Irġiel Total Nisa Irġiel Total <15 5 4 9 15-24 25 33 58 25-34 1 6 7 10 39 49 1 1 35-44 6 16 22 8 38 46 5 5 45-54 2 13 15 12 29 41 4 4 55-64 6 10 16 12 31 43 4 9 13 65-74 3 14 17 2 16 18 11 11 75-84 1 7 8 1 1 >85 1 1 1 1 Mhux speċifikat 2 2 Total 18 59 77 75 200 275 5 31 36
Leg 12 PQ #30310 Sitting 486 2017-02-21 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Każijiet ta’ STDs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ sexually transmitted diseases (STD) fl-aħħar 10 snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mil-2007 sal-2016 ġew irrappurtati 2,578 każ ta’ mard trasmess sesswalment.