Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta – Triq Ġanni Chetcuti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Triq Ġanni Chetcuti li tiżbokka fi Triq il-Kbira Mosta hijiex triq pubblika jew privata, minħabba l-fatt li fejn hemm il-bini, ngħata wiċċ tat-triq u diġà saret il-bankina? Dan minħabba l-fatt li għadu mhux ċar mar-residenti li jgħixu f’din it-triq jekk din l-istess triq tikkwalifikax bħala triq pubblika? Jista’ jagħti risposta bil-miktub u jpoġġieha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Avviż Legali 29 tal-2010 triq pubblika hi definita bħala triq “li l-Awtorita’ jew Kunsill Lokali għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tagħha.” Għaldaqstant, u skont il-prattika kurrenti, ġaladarba t-triq hi skemata, iffurmata u ngħatat wiċċ, il-manutenzjoni tagħha waqgħet taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill u għalhekk saret pubblika.
Leg 12 PQ #18664 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema taċ-Ċivil rikolati minn Malta għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati ħaddiema taċ-Ċivil minn Malta għal Għawdex minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa, ġew relokati 326 ( tlett mija sitta u għoxrin ) ħaddiema taċ-Ċivil minn Malta għal Għawdex. Dan għamilnih biex inkomplu ntejbu s-servizzi mediċi u edukattivi f’Għawdex, b’mod partikolari. Minnhom hemm ukoll 29 Pulizija li ġibnihom Għawdex bil-għan li nżiedu s-sigurta’ fil-gżira tagħna.
Leg 12 PQ #18665 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Foreign Direct Investment

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm sar Foreign Direct Investment f'Għawdex bejn Settembru 1998 u Frar 2013, xahar b’xahar b’mod separat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ investiment dirett barrani approvat mill-2004 (minn meta il-Malta Enterprise ġiet imwaqqfa) għal Għawdex huma ta’ proġett 1 li ġie approvat fi 2005 u jopera fis-settur tal-inġenerija. Żewġ (2) proġetti oħra ġew approvati fi 2008 u wieħed (1) fi 2011 imma dawn mgħadhomx joperaw. Dan juri biċ-ċar il-faqar ta’ investiment barrani f’Għawdex taħt amministrazzjoni Nazzjonalista’.
Leg 12 PQ #18666 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – żieda ta’ turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda ta' turisti li Għawdex esperjenza minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Din iż-żieda ma’ ġietx mix-xejn imma rreġistrajna tali żieda għax dan il-Ministeru qed jaħdem bil-galbu u b’viżjoni.
Leg 12 PQ #18667 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – ftuħ ta’ lukandi u/jew boutique hotels

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm fetħu jew hemm pjan li jinfetħu, lukandi u/jew boutique hotels minn Marzu 2013 sal-lum? Kemm għalqu lukandi f'Għawdex bejn Settembru 1998 u Frar 2013 u liema kienu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ ta’ applikazzjojijiet għall-akkomodazzjoni li ġew sottomessi minn Marzu 2013 sal-lum. Bejn Marzu 2013 sal-lum infetħu żewġ stabilimenti: lukanda ta’ żewġ stilel u Guest house. Bejn Settembru 1998 u Frar 2013 għalqu 3 lukandi li kienu l-Andar (erba’ stilel), l-Imġarr (ħames stilel), kif ukoll l-Atlantis (tlett stilel). Fl-istess perjodu għalqu ħames Guest houses.
Leg 12 PQ #18668 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – programmi biex jiġi attirati turisti

Question

Jista' l-Ministru jelenka xi inċentivi jew programmi li vara jew se jvara biex attira/jattira aktar turisti lejn Għawdex? Jista' jgħid kif qed jikkumbatti l-problema tal-istaġjonalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex vara diversi inizjattivi biex jattira iktar turisti lejn Għawdex u jikkumbatti l-problema tal-istaġjonalita. Filwaqt li inżamm ir-reklamar fuq pubblikazzjonijiet prinċipali u speċjalizzati, sar sfors intensiv fuq il-midja diġitali, fejn qed isir kampanja ta’ reklamar diġitali ffinanzjata b’fondi mill-Unjoni Ewropeja. Sar reklamar ukoll fuq siti prinċipali tal-ivvjaġġar bħal Tripadvisor. Travelzoo, u Responsibletourism. Il-Ministeru ffoka wkoll fuq setturi relatati mal-adventure tourism, climbing u mixjiet, li huma l-iktar popolari fix-xhur tal-Ħarifa u tax-Xitwa. Il-Ministeru għandu l-ħsieb ukoll li jniedi skema li biha jkun jista’ jgħin d-Diving Centres f’Għawdex biex jipparteċipaw f’fieri speċjalizzati barra minn Malta, u biex jirreklamaw l-attivita’ tagħhom. Il-Ministeru ffoka wkoll l-isforzi tiegħu li jkompli jirreklama bis-sħiħ fuq livell internazzjonali l-attivitajiet kulturali prinċipali Għawdxin bħal-opri, il-festivals kulturali nternazzjonali, il-Milied u l-Karnival. Il-Ministeru pparteċipa wkoll f’fieri nternazzjonali barra minn Malta, u għen lill Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu biex tipparteċipa f’diversi fieri. Sar ukoll sforz intensiv fuq it-turiżmu domestiku bl-organizzazjoni ta’ diversi attivitajiet, u ta’ Travel to Gozo weekends fejn residenti f’Malta ġew inċentivati li jżuru lil Għawdex billi jiġu mogħtija nollijiet irħas fi żminijiet partikolari fejn l-attivita’ f’Għawdex tkun ġeneralment iktar batuta.
Leg 12 PQ #18669 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Industrija tal-Films

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu fil-qasam tal-industrija tal-films? Kemm hu kkalkolat li ħalla fl-ekonomija Għawdxija l-film ta' Brad Pitt u Angelina Jolie? Kif qed jippjana l-istess Ministeru li jisfrutta tali film?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-kumpanija inkarigat mill-film ta’ Brad Pitt u Angolina Jolie nefqet madwar Euro 12 miljun fuq il-produzzjoni tal-film, bil-filming isir kollu fuq il-gzira Għawdxija . Dan l-ammont jitla ħafna aktar meta wieħed jqis il-flus li l-crew tal-film nefqu meta kienu Għawdex, fosthom f’ħwienet u restoranti Għawdxin. Dan l-ammont ma jistax jiġi kwantifikat bi preċiżjoni, iżda l-indikaturi ekonomiċi juru li fil-perjodu tal-film ġiet ġenerata attivita’ ekonomika kbira. Il-film ħaddem mijiet ta’ nies , direttament mal-kumpanija tal-produzzjoni , u inderettament permezz ta’ servizzi varji li l-kumpanija kellha bżonn. Il-Ministeru flimkien mal-Film Commission qed jaħdmu sabiex jattiraw ħafna aktar produzzjonijiet lejn Għawdex.
Leg 12 PQ #18658 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet fiċ-Ċittadella

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħlijiet estensivi li qed isiru fiċ-Ċittadella? X'sar s'issa? Kemm hu proġettat li jiswa tali proġett?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet estensivi li saru fiċ-Ċittadella huma parti mill-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea intitolat ‘Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella ERDF 246. Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fi; · Restawr ta’ faċċati tal-binjiet storiċi fiċ-Cittadella · Riabilitazzjoni tal-foss biex jinbidel fi spazju rikreattiv · Tindif u konsolidazzjoni tar-rovini · Xogħlijiet infrastrutturali fit-triqat kollha ġoċ-Ċittadella u li jwasslu għaliha. Dawn jinkludu t-tqegħdid ta’ servizzi ġodda u pavimentar · Xogħlijiet fuq il-konverzjoni ta’ żewġ ġibjuni tal-ilma f’ċentru għall-viżitaturi · Xogħol fuq il-Mużew tal-Folklor biex jinbidel f’dar tal-periodu · Istallazzjoni ta’ sistema ġdida tad-dawl · Istallazzjoni ta’ lifting plarforms biex tiżdied l-aċċessibilta’ · Xogħijiet ta’ azzar f’diversi partijiet taċ-Cittadella · Espropjazzjoni ta’ rovini u ta’ dar li ser tintuża bħala uffiċini Dwar il-valur tal-proġett nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 22119
Leg 12 PQ #18659 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Marsalforn ––xogħlijiet fil-Menqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xoghol sar fil-Menqa ta' Marsalforn u kemm ġie jiswa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ix-xogħol fil-menqa kien jikkonsisti f’xogħolijiet fuq il-ħajt tal-menqa biex id-dgħajjes tas-sajjieda ikunu iktar protetti; rikostruzzjoni tas-Slipway; ftuħ ta’ landing office; titjib fid-dry standing area; installazzjoni ta’ Service Pillars; u tibdil tal-winch esistenti ma ieħor li hu iktar efficjenti. Il-proġett ġie jiswa madwar €789,000.
Leg 12 PQ #18660 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – profitti/telf

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm għamlet profitt jew telf il-kumpanija Gozo Channel f'dawn l-aħħar seba' snin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija elenkata fit-tabella hawn annessa u li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jinnota kif dawwarna r-rotta fil-Gozo Channel, minn telf qawwi fl-2012 u fl-2013 għal profit tas-sena 2015. Ta’ min jinnota wkoll kemm kienet tirċievi flus mill-PSO, il-Gozo Channel fis-snin tal-amministrazzjoni preċedenti u kemm qed tirċievi anqas illum wara r-revizjoni tal-PSO li saret taħt l-istess amministrazzjoni Nazzjonalista.
Leg 12 PQ #18661 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ pixxina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb għal pixxina li ilha snin sħaħ mistennija f'Għawdex? X'ġara taħt l-amministrazzjoni preċedenti dwar din il-pixxina?

Response (REFALO, ANTON)

Il-Ministeru għal Għawdex ikkonsulta ma’ dawk kollha nvoluti sabiex jassigura ruħu li jilħaq l-aspirazzjonijiet u l-esiġenzi kollha tas-soċjeta’ Għawdxija inġenerali. Il-Ministeru għamel ċert illi l-għaqdiet sportivi konċernati ikunu konsultati adegwatament sabiex jagħmel l-aħjar użu mill-fondi pubbliċi. Dan fl-ambitu illi aħna nemmnu bis-sħiħ illi proġett ta’ din id-dimensjoni jolqot kemm l-aspett sportiv kif ukoll dak soċjali taċ-ċittadini Għawdxin. Il-Ministeru għal Għawdex bil-maqlub ta’ Gvernijiet preċedenti ssottometta permezz ta’ RFP illi tagħlaq fl-aħħar ta’ Frar 2016 proġett fattibbli u vijabbli sabiex jagħmel ċert illi tali proġett ma jibqax biss fuq il-karta iżda jimmaterjalizza ruħu għall-ġid u benefiċċju ta’ wliedna, tal-anzjani tagħna, taż-żgħazagħ tagħna u kif ukoll l-isportivi tagħna. Għalkemm l-amministrazzjoni preċedenti kienet ilha twiegħed dan il-proġett għal diversi snin kull ma sar huwa li ġiet magħżula l-lokazzjoni u nġab il-permess tal-MEPA.
Leg 12 PQ #18662 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – mużew ta’ storja u heritage

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb għall-Mużew li jinkorpora kull mhu ta' storja u heritage Għawdxi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Ministeru bi ħsiebu jinawgura Mużew t’ Għawdex li ser ikopri l-aspetti kollha ta’ l-istorja u l-kultura ta’ Għawdex. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-temi ġenerali li ser jiġu eżebiti f’dan il-mużew. Aktar informazzjoni tingħata fil-gimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #18663 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Bini ta’ Qorti ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb għal bini ta' Qorti ġdid f'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nikkonferma li l-bini ta’ qorti ġdid għal Għawdex hu wieħed mill-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern. Qeghdin fil-fasi finali sabiex nottjenu l-permess relattiv minghand il-MEPA.
Leg 12 PQ #18652 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – ħolqien ta’ xogħol bil-ftuħ ta’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jiddeskrivi l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex fir-rigward tal-ħolqien tax-xogħol, fid-dawl tal-ftuħ f’Għawdex tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-viżjoni inter alia hija li: · Għawdex ma jibqax ta’ piż għal Malta imma jsir mutur tal-ekonomija nazzjonali · Nattiraw investiment barrani dirett lejn din il-gżira · Noħolqu identita’ ekonomika li tagħmel sens lill-gż ira Għawdxija · Inwettqu l-programm tal-SME’s biex dil-ħolma ta’ l-fuq minn kwart ta’ seklu, issir realta’ · Inkomplu nsaħħu t-turiżmu u nagħmluh aktar sostenibli u responsabli, dejjem taħt il-kappa ta’ Eko-Għawdex · Nistudjaw b’kull mod u mezz l-aċċessibilita’ ta’ din il-gżira · Nikkrejaw xogħol Għawdex għall-Għawdxin · Neliminaw il-burokrazija.
Leg 12 PQ #18653 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ix-Xewkija – Triq l-Imġarr - pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan hemm għas-sit preċedentament okkupat minn Malta Dairy Products fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija u dak magħruf bħala Tal-Ħofra fl-istess lokalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa ġie spjegat l-esperjenza tal-passat urietna li dak li hu tajjeb ghal Malta mhux necessarjament tajjeb ghal Ghawdex. Nahseb naqblu li Ghawdex m’ghandu qatt jigi kkunsidrat bhala annex jew backyard ta’ Malta. Hu proprju ghalhekk li gew identifikati dawn is-siti tant importanti sabiex nikkreaw creative u digital hubs u iehor ghal SMEs rispettivament minflok il-Malta Dairy Products u f’tal-Hofra, limiti tax-Xewkija.
Leg 12 PQ #18654 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – uffiċċji li joffru servizzi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jelenka x'uffiċċji li joffru servizzi pubbliċi nfetħu f’Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn u nofs, u xi rwol għandhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #18655 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għajnsielem – Xogħlijiet fuq id-dar għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministeru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar għall-anzjani f'Għajnsielem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li nħarget is-sejħa għall-Bini ta’ dar ġdida għall-anzjani u x-xogħol tal-bini mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #18656 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jelenka x’xogħlijiet infrastrutturali u f'kemm-il triq u pjazza saru, jew qed isiru taħt din l-amministrazzjoni? Xi flus intefqu u għal kemm-il kilometru jammontaw tali xogħlijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-lista relattiva hija hawn annessa u qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jinnota illi t-toroq li tlestew fl-aħħar sentejn u nofs huwa bil-wisq aktar minn dawk li tlestew fl-aħħar ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti. A rigward, l-ispejjez involuti fil-bini ta’ dawn it-toroq, nistqarr illi din se tingħata f’seduta oħra, peress illi qed isir il-kalkolu ezatt tagħhom.
Leg 12 PQ #18657 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pipeline bejn il-Qala u s-Sannat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir u x'sar fir-rigward tal-proġett tal-pipeline bejn il-Qala u s-Sannat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellantil l-proġett tal-Pipeline f’Għawdex bidel il-main tal-ilma minn Ħondoq ir-Rummien fil-Qala sa Ta’ Ċenċ fis-Sannat, liema main kien ilu ma jinbidel madwar 40 sena u kien jinsab fi stat ħażin ħafna. F’dan il-proġett se jkun qed isir resurfacing tat- toroq ikkonċernati, liema toroq se jkunu qed jikkaverjaw medda ta’ madwar 10 Kilometri ta’ tarmac. Ix-xogħol miexi u wasalna fl-aħħar fażijiet. Ġie mibdul u ġie ikkonnetjat il-main ta’ l-ilma minn Ħondoq ir-Rummien, Qala sa ta’ Ċenċ, Sannat. Dan il-main ġie ittestjat u beda jiffunzjona. Ingħata tarmac f’diversi toroq fil-Qala, fix-Xewkija u f’ ta’ Sannat. Din il-ġimgħa se jitkompla x-xogħol fuq l-“storm water culvert” neċessarja fi Triq Gruwa f’ Ta’ Sannat u wara jingħata t-tarmac tul it-triq kollha. Jifdal biss l-istorm water culvert fil-Qala eżatt fi Triq il- Kunċizzjoni, liema culvert se jibda x-xogħol fuqha eżatt kif jitlesta l-culvert f’ Ta Sannat. Apparti dan ix-xogħol kollu, ġew installati sistemi ta’ pajpijiet għall-ilma tax-xita u fejn kien hemm il-bżonn, ġew ikkoreġuti ukoll l-livelli tat-toroq biex l-ilma tax-xita ma jinġemax f’għadajjar. Barra minn hekk fejn inqala l-bżonn li tinbena t-triq bħal fil-każ tal-Qala, dan sar ukoll. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #18646 Sitting 358 2016-02-17 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – impjegati – kundizzjonijiet u pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji kif ġew ingaġġati u b’liema kundizzjonijiet u pakkett finanzjarju, it-tliet persuni ewlenin li huma impjegati ta’ entitajiet pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u li d-dettalji tagħhom ħarġu fil-media, u li allegatament kienu qed joħorġu informazzjoni sensittiva?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi - Fil-każ tal- NSO l-persuna kien ‘detailed’ lill-NSO mis-Servizz Pubbliku b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002. Fl-1 ta’ Jannar 2012 il-persuna ġiet appuntata bħala Director of Business Statistics mal-NSO u wara li għalaq il-kuntratt ta’ tliet snin bħala Direttur ingħata kuntratt indefinit bħala maniġer fl-istess organizzazzjoni mis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Il-pakkett finanzjarju ta’ din il-persuna jikkonsisti: Salarju annwali € 32,500 Performance Bonus 0-15% Communication Allowance € 350 Masters degree allowance € 702 Din il-persuna ssottometiet ir-riżenja tagħha b’riżervi b’ittra lid-Direttur Ġenerali tal-NSO, fl-14 ta’ Jannar 2016, mingħajr ma jitnaqqas l-ebda drittijiet. Fil-każ tal- Bank Ċentrali ta’ Malta , il-persuna kien ingaġġat bħala Trainee Economic Officer fil-21 ta’ Diċembru 2000 (bi prova għal sena) wara sejħa pubblika b’dan il-pakkett finanzjarju: Salarju annwali Lm 6,106 Qualification and Performance Allowance Lm 818 Din il-persuna rriżenjat mill-Bank Ċentrali b’effett mit-3 ta’ Settembru 2015. Fil każ tal- MFSA l-persuna kellha kuntratt man-National Euro Changeover Committee bħala Executive Tech Preparations Officer sakemm l-NECC ġiet abolita wara l-addozzjoni tal-ewro. Minn dakinhar sa qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013 il-persuna kienet ingaġġata fis-segretarjat tal-Ministru Responsabbli mill-Finanzi ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Tonio Fenech. Fis-6 ta’ Marzu tal-2013, jiġifieri tliet itjiem qabel l-elezzjoni, il-Prim Ministru ta’ dakinhar approva li jiġi detailed mal-MFSA fis-skala ta’ salarju ta’ Maniġer II b’kuntratt indefinit fil-Communications Unit tal-MFSA fejn għadu hemm sal-lum. Il-pakkett finanzjarju ta’ din il-persuna jikkinsisti: Salarju annwali € 31,141 Health insurance € 928.80