Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumitat għall- Immaniġġjar tat-Traffiku — kompożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x inhi l-funzjoni tal-Kumitat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku u minn min hu kompost dan il-Kumitat ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-funzjoni tal-Kumitat tat-Traffiku hi li jiddiskuti dawk it-talbiet li jikkonċernaw u/jew li se jaffettwaw it-traffiku fit-toroq. Dan il-Kumitat jiltaqa’ regolarment matul ix-xahar u hemm każijiet fejn jiġu mistiedna uffiċċjali mill-Kunsilli Lokali u/jew minn entitajiet pubbliċi/parastatali/privati sabiex jiġi diskuss xi proġett partikolari. Il-Kumitat huwa kompost minn uffiċjali mid-Dipartiment tal-Immaniġġar tat-Traffiku, mid-Dipartiment tat-Trasport Pubbliku u d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta, il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, u l-Pulizija.

Toroq Rurali minn Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm toroq rurali li bbenefikaw mill-Fondi Ewropej? Meta qed jippjana il-Gvern biex ix-xogħol fuq dawn it-toroq jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fiż-żoni rurali li kienu qed isiru minn Transport Malta taħt il-programm iffinanzjat mill-EU (EAFRD 2007-2013) ‘M125 Infrastructure related to the development & adaptation of agriculture’, tlestew skont il-pjan. It-toroq li bbenefikaw kienu 80.

Toroq — spiża u ammont ta’ toroq li sarilhom patching jew resurfacing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu t-toroq li minn Marzu 2013 ‘l hawn sarilhom major patching jew resurfacing? F’liema lokalità huma dawn it-toroq u x’kienet l-ispiża biex sar dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22060.

Junction tal-Kappara — bidu ta’ proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara? Ladarba dan il-proġett ikun lest, kif ser ikun strumentali biex il-problema tat-traffiku titnaqqas f’din il-parti tal-pajjiż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġà bdiet għaddejja b’diversi xogħlijiet f’toroq fl-inħawi ta’ madwar l-istess junction u dawn ix-xogħlijiet ivarjaw minn tibdil tal-wiċċ tat-triq sa’ rikostruzzjoni fejn l-istess toroq ikollhom ħsarat strutturali. Dawn it-toroq qed jiġu mtejba biex iservu bħalha rotot alternattivi għas-sewwieqa tul l-andament tal-proġett. Ix-xogħol fuq il-junction innifisha mistenni jibda matul ix-xahar t’April u mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena 2017. Il-proġett tal-Kappara Junction se jkun qed itaffi l-konġestjoni f’din ir-rotta importanti li hija wkoll parti mit-Trans European Network. Għalhekk, il-proġett se jtejjeb din il-junction f’waħda iktar effiċjenti, se jnaqqas il-queues twal li bħalissa jakkummulaw mar-roundabout eżistenti, u għaldaqstant is-sewwieqa jkunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom f’inqas ħin.

Junction tal-Kappara — toroq alternattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm pjan ta’ immaniġġjar għat-traffiku f’toroq alternattivi ġaladarba jibda x-xogħol fil-junction tal-Kappara?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 18849.

Triq il-Kosta — Cycle Lane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid li ġaladarba tkun lesta Triq il-Kosta, hux ser ikun hemm lane li tista’ tintuża miċ-ċiklisti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġor parti tax-xogħlijiet fuq Triq il-Kosta huma lesti u lane għaċ-ċiklisti ġiet inkluża fejn l-wisa’ tat-triq kienet tippermetti tali nklużjoni.

Skola Nazzjonali tal-Isport — Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li qed isir ġewwa Pembroke?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħol fl-imsemmija skola jinsab fl-istadju finali tiegħu. Ix-xogħol li għad fadal huwa l-parquet li se jiġi installat fil-multi purpose hall. Dan ix-xogħol għadu ma tlestiex minħabba li t-tender rigward dan ix-xogħol kellha tiġi ppubblikata darbtejn peress li fl-ewwel sejħa ma kien hemm ħadd konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba fit-tender. L-evalwazzjoni tat-tieni tender li nħarġet qegħda fl-istadju finali.

Refund tat-taxxa tal-VAT fuq reġistrazzjoni tal-karozzi — numru ta’ benefatturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li bbenefikaw sa issa mir-refund tat-taxxa tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi u kemm tħallsu flus lura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2014 kien hemm 29,126 persuna li ħadu pagament ta’ Ewro 110 jew ta’ Ewro 55 bħala refund ex-gratia ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. Fis-sena 2015 kien hemm 3,336 persuna li ħadu l-ħlas kollu dovut bħala refund ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi reġistrati bejn l-1 ta’ Mejju u Diċembru 2004. L-ammont totali ta’ persuni li mistennija jibbenefikaw minn din l-iskema jkun magħruf fis-sena 2019 meta jiġu eżawriti l-iskemi kollha. L-ammont totali li ngħata lura fi flus s’issa kien ta’ Ewro 3,274,480.00 fis-sena 2014, filwaqt li fis-sena 2015 ngħataw l-ammont ta’ Ewro 2,315,847.57. Transport Malta għandha wkoll allokat baġit ta' Ewro 4.3 miljun għall-għotjiet li ser jitħallsu fil-2016 għal sidien ta’ vetturi li rreġistraw vettura fl-2005.

Transport Malta — sigurtà fil-baħar għall-għawwiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir minn Transport Malta fuq l-infurzar biex tkompli tiżdied is-sigurtà fl-ibħra tagħna, speċjalment għall-għawwiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ħadd ma jista’ jassigura sigurta’ lil dawk li jużaw id-dgħajjes u lanqas lill-għawwiema f’kull ħin, biss l-Awtorita’ tagħmel dak kollu possibli biex tgħin sew lill-baħħar biex jidentifika dawk iż-żoni riservati għall-għawwiema, li minnhom issa hawn 49 imferrxin mal-gżejjer Maltin. Fl-istess waqt tappella lill-għawwiema biex kemm jista’ jkun jgħumu ġewwa dawn iż-żoni. Għas-sigurta’ tal-għawwiem, l-Awtorita’ wkoll installat 40 speed marker buoy biex tindika lill-baħħar x’veloċita’ massima jista’ jsuq id-dgħajsa tiegħu f’żona hekk indikata. Biex tara li r-regolamenti tal-baħar jiġu osservati, uffiċċjali mit-taqsima marittima ta' l-infurzar mid-Direttorat tal-Ports & Yachting jagħmlu patrols matul ix-xtut u l-portijiet fuq bażi regolari u jieħdu azzjoni kif meħtieġ kontra min jabbuża. L-Awtorita’ tagħmel ukoll kampanji edukattivi rigward dan kollu msemmi biex twassal messaġġ qawwi lill-baħħar biex ma’ jkunx ta’ periklu għall-għawwiem.

Sigurtà fit-Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu sabiex tiżdied is-sigurtà fit-toroq tagħna minn Marzu 2013 ‘l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta, b’kollaborazzjoni mal-Malta Road Safety Council (MRSC), f’dawn l-aħħar xhur nehdiet kampanja estensiva ta’ informazzjoni u edukazzjoni mmirata lejn il-pubbliku li tirrigwarda sigurta’ fit-toroq. Permezz ta’ programmi ta’ filgħodu fuq ir-radju u mobile phone application, sewwieqa qed jiġu nfurmati rigward kundizzjonijiet tat-toroq attwali, kundizzjonijiet tat-traffiku, għeluq ta’ toroq kif ukoll inċidenti. B’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, l-MRSC beda eżerċizzju sabiex jinġabru ideat u prioritajiet f’dak li jirrigwarda sigurta’ fit-toroq mill-istess kunsilli li jixtiequ li jiġu mplimentati. Wara li tinġabar din l-informazzjoni, dawn l-ideat se jiġu evalwati u possibilment implementati fejn hu vijabbli. Hemm ukoll ippjanat li titnehda skema għat-tfal mill-ħruġ tagħhom mill-iskejjel. Din għandha tinkludi miżuri ta’ arranġamenti tat-traffiku adekwat inkluż miżuri li jassiguraw li t-tfal jitgħabbew fuq it-trasport provdut b’mod iktar sikur. L-MRSC hija wkoll involuta fil-formulazzjoni ta’ Pjan Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu, permezz tal-Bicylcle Advisory Group li huma parti mill-kunsill. Qed issir promozzjoni ta’ road sharing speċjalment f’akwati fejn il-preżenza ta’ ċiklisti hija iktar evidenti, kif ukoll huwa maħsub li titniehda kampanja għaċ-ċiklisti, sewwieqa in ġenerali u dawk ta’ vetturi ta’ roadside assistance sabiex jiġi promoss l-użu ta’ lbis high visibility. Biex tikkumplimenta din l-inizjattiva, l-MRSC huwa wkoll impenjat li jippromwovi kampanja t’edukazzjoni li tindirizza mhux biss sewwieqa ta’ vetturi, mututi u ċiklisti, iżda wkoll il-pubbliku in ġenerali fuq il-kunċett ta’ road sharing. Apparti minn hekk, l-MRSC flimkien ma’ Transport Malta, qed ikomplu jikkollaboraw ma’ entitajiet u dipartmenti oħra f’kampanji fuq skala nazzjonali bħalma huma “Don’t Drink and Drive Campaign” kif ukoll jipprovdu sapport għal inizzjattivi ta’ taħriġ fl-ewwel għajnuna (first aid) għal sewwieqa sabiex jipprovdu assistenza neċessarja f’każ ta’ bżonn ta’ inċidenti fit-triq. Qed tiġi wkoll proposta sistemata’ red light cameras, li huma mmirati sabiex jipprovdu statisttika fuq movimenti ta’ vetturi kif ukoll sabiex jindirizzaw il-problema t’abbuż fl-użu ta’ traffic lights kemm minn sewwieqa u pedonali. Din il-proposta għadha qed tiġi evalwata u hekk tiġi mplimentata għandha tgħin fil-viġilanza tat-traffiku u għal iktar sigurta’fit-toroq.

Problema ta’ Traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir, kemm fuq bażi short-term kif ukoll long-term, biex tittaffa l-problema tat-traffiku mit-toroq tagħna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul din il-leġislatura, Transport Malta ħadmet fuq diversi proġetti, inizjattivi kif ukoll studji sabiex tindirizza din il-problema. Fir-rigward ta’ proġetti infrastrutturali ġie komplut il-proġett ta’ Triq il-Kosta u bħalissa għaddejjin il-preparamenti għall-proġett tal-Kappara Junction. Permezz ta’ dawn il-proġetti fuq toroq arterjali huwa mistenni li titjieb l-effiċjenza tat-triq u junctions kruċjali sabiex iservu b’mod aktar effiċjenti volum ikbar ta’ traffiku. F’dan ir-rigward, qed isiru wkoll l-istudji u l-preparamenti neċessarji għal proġett ieħor nazzjonali tal-Junction tal-Marsa. Fuq bażi iktar lokalizzata ġew identifikati l-aktar postijiet kruċjali madwar Malta fejn ikun hemm konġestjonijiet tat-traffiku u saru traffic surveys u analiżi tad-disinn tat-toroq u junctions rispettivi. Apparti minn hekk, għaddejjin xogħlijiet biex fil-futur qrib tibda titħaddem sistema ta’ tidal traffic system fil-lokalita’ ta’ Raħal Ġdid, li għandha tgħin biex fl-immaniġġjar iktar effiċjenti tal-fluss tat-traffiku f’ħinijiet peak tal-ġurnata. F’dawn l-aħħar xhur ġew imnedija inizzjattivi li jippromwovu mezzi alternattivi tat-trasport, bħalma hija l-miżura li tinċentiva l-użu ta’ muturi b’qawwa ta’ mhux iktar minn 125cc, kif ukoll inċentiv ta’ kreditu fuq tal-linja card sabiex tħajjar lill-pubbliku in ġenerali jagħmel użu mit-trasport pubbliku u jesperjenza r-rotot il-ġodda li ġew implimentati wara perjodu ta’ konsultazzjoni estensiva u dan bil-għan li l-pubbliku jkun moqdi aħjar. Transport Malta qed tipprovdi wkoll s-sapport tagħha għall-inizzjattivi bħalma huma Bum-a-Lift li hija mmirata għall-ġenituri li jwasslu t-tfal l-iskola, u qed taħdem sabiex tippromwovi l-kunċett ta’ car pooling / sharing fuq skala nazzjonali. Flimkien ma’ dan kollu, tkompla x-xogħol fuq sistema tal-Intelligent Traffic Management System liema sistema hija maħsuba, fost oħrajn, sabiex tiffaċilita l-andament tat-traffiku permezz ta’ Variable Message Signs li se jipprovdu informazzjoni attwali lis-sewwieqa fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku. Fuq bażi iktar long-term, Transport Malta wkoll tinsab fil-fażi li tiffinalizza l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport (National Transport Strategy and Master Plan) li parti minn din l-istrateġija għandha l-ħsieb li tindirizza problemi ta’ konġestjoni tat-traffiku b’mod ħolistiku u permezz ta’ proposti għall-implimentazzjoni ta’ proġetti u miżuri għall-futur.

Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq — kompo¿izzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-funzjoni tal-Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq u minn min hu kompost dan il-Kunsill?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Road Safety Council ġie mwaqqaf f’Mejju 2015 u jinkludi rappreżentanti minn dawn l-entitajiet: - Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura - Transport Malta - Intelligent Transport Systems Malta - Protezzjoni Ċivili - Malta Insurance Association - Korp tal-Pulizija - Dipartiment tas-Saħħa - Dipartiment tal-Edukazzjoni - Federazzjoni taċ-Ċiklisti - Kummissarju għat-Tfal - Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali - 2 Wheels Foundation - Malta Motorsport Federation - Red Cross Malta - Driving Instructors Association - Kummissjoni Nazzjonal Persuni b’Diżabilita’ - Għaqda Żwiemel u Kultura Dan il-Kunsill ġie mwaqqaf bil-għan li jlaqqa’ flimkien l-entitajiet u stakeholders oħra li huma b’xi mod involuti fil-qasam tat-trasport, sabiex jaħdmu għal aktar sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan il-Kunsill qed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikun hawn nfurzar ikbar tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll jaħdem biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali għas-sigurta’ fit-toroq.

Pixxina Nazzjonali — Ħlas ta’ rapporti u studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport u/jew studju saru matul dawn l-aħħar għaxar snin dwar l-istat tal-Pixxina Nazzjonali? Jista’ jgħid kemm kien il-ħlas fuq kull studju u x'azzjoni ttieħdet wara kull studju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar għaxar snin saru diversi studji u ttieħdu azzjonijiet dwar l-istat tal-Pixxina Nazzjonali fosthom: 1. 2006 – Testijiet fuq il-kundizzjoni tal-Pixxina li saret mill-kumpanija Solidbase għall-prezz ta’ LM 19,966.19 (c. €46,508) 2. 2006 - Tiswijiet strutturali u rinfurzar tal-istruttura tal-Pixxina liema xogħol sar mill-kumpanija E.M.M. Ltd għall-prezz ta’ LM 27,843 (c. €64,857) 3. Awwissu 2009 – Rapport investigattiv mill-Perit Joe Bugeja dwar l-istruttura tal-Plantroom 4. 2009 – Xogħlijiet strutturali varji mill-kumpanija Polidano Brothers għall-prezz ta’ €17,306.50 5. Awwissu 2011 – Rapport Investigattiv dwar l-istruttura tal-Plantroom – Perit John Attard 6. Mejju 2013 – Rapport mill-Perit William Lewis dwar is-sitwazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali 7. Lulju 2013 – Rapport mill-Perit William Lewis dwar l-istat tal-ġibjun fil-parkeġġ tal-pixxina 8. Novembru 2014 – Rapport mill-Perit William Lewis dwar l-istat strutturali tas-South Block 9. Diċembru 2014 - Testijiet fuq il-kundizzjoni tal-Pixxina li saret mill-kumpanija Terracore għall-prezz ta’ € 7,611 10. Jannar – Mejju 2015 – Xogħol ta’ ristrutturazzjoni tas- South Block ġewwa l-Pixxina Nazzjonali - €800,000 11. Novembru – Diċembru 2015 – Xogħol ta’ refurbishment komplut tal-Plantroom - €16,000 Ma' din il-lista wieħed jista’ jżid ir-rapporti kontinwi mill-Periti ta’ SPORTMALTA, li għandhom ingaġġ fuq bażi ta' retainer, u d-diversi xogħlijiet ta’ valur żgħir li komplessivament tejjbu l-istruttura tal-bini.

Pixxina Nazzjonali — Flus f’manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f`manutenzjoni fil-Pixxina Nazzjonali, sena b`sena, mis-sena 2000 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-flus li ntefqu f'manutenzjoni fil-Pixxina Nazzjonali mill-2004 sal-2015 huma kif se nsemmi: 2004 €18,293.99 2005 €388,811.27 2006 €87,177.74 2007 €96,729.62 2008 €84,868.96 2009 €76,783.19 2010 €276,796.84 2011 €93,344.74 2012 €203,993.46 2013 €79,166.17 2014 €40,329.82 2015 €1,559,427.81 Il-figuri kkwotati huma mingħajr VAT. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport beda jopera mis-sena 2003.

Pixxina Nazzjonali — użu minn anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li għamlu użu mill-Pixxina Nazzjonali sena b`sena, mis-sena 2000 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li hemm disponibbli hija mis-sena 2012 minn meta beda l-programm SWIM FIT li hija skema fejn l-anzjani jużaw il-pixxina mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 ta’ filgħodu u nofsinhar. Mill-2014 din l-iskema ġiet estiża sal-4 ta’ wara nofsinhar bejn Lulju u Settembru. Intant, il-figuri disponibbli huma kif ġej: 2012 - 1253 2013 - 638 2014 - 514 2015 - 237 2016 - 34 (sa Jannar)

Marsa Sports Ground — Espressjoni ta’ Interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet l-aħħar espressjoni ta` interess għall-Marsa Sports Ground, kemm kienu dawk li wrew interess u x`sar minnha din is-sejħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-Marsa Sports Ground ma kien tefagħha ħadd u allura ġiet ikkanċellata. Però, dak iż-żmien, il-KMS kien qed jaħdem fuq abbozz ġdid wara li kien iltaqa' ma' dawk li kienu xtraw id-dokument.

White Rocks Sports Village — Konferenza Stampa - spiża ta’ disinni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x`ġara wara l-Konferenza Stampa li kienet saret f’Kastilja mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u li fiha kien ġie varat il-proġett Sports Village fil-White Rocks? Kemm kienet l-ispiża biex kienu saru d-disinni li ġew ippreżentati b`mod tant pompuż fl-istess Konferenza Stampa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li l-ispiża b’rabta mal-Isports Village fil-White Rocks kienet tammonta għal €465,701.47. Il-ħlasijiet saru bejn Novembru 2010 u l-aħħar tas-sena 2012. Infurmat ukoll li fil-Ministeru tiegħi ma hemm ebda referenza għall-Konferenza Stampa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Segretarjat Parlamentari għall-Isport — informazzjoni dwar festini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f‘festini fil-leġiżlatura preċedenti mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Isport u jelenka x`kienu l-okkażżjonijiet li għalihom saru l-istess festini?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li l-ispiża fuq festini organizzati mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Isport fil-leġiżlatura preċedenti kienet kif se nsemmi: 2009 - €1,968.89 2010 - €1,175.30 2011 - €1,243.63 2012 - €1,891.35

Kunsill Malti għall-Isport — Sitwazzjoni Finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x`inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Malti għall-Isport u kif kienet taħt l-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li SportMalta spiċċat is-sena 2014 b’surplus ta’ EUR1,762,617 filwaqt li fis-snin ta’ qabel kienet għamlet deficit ta’ EUR1,379,825 fis-sena 2013 u ta’ EUR 700,181 fis-sena 2012. Dan ifisser li f’sena waħda SportMalta mhux biss irkuprat id-dejn li kellha imma wkoll għamlet surplus biex b’hekk tkun f’pożizzjoni b’saħħitha biżżejjed biex tidħol għal proġetti ġodda fil-qasam sportiv. Ta’ min jirrimarka li dan kollu sar mingħajr l-ebda tnaqqis fil-programmi sportivi li fil-fatt komplew jikbru minn sena għal oħra.

Għaqdiet Sportivi Maltin — għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed isir xi ħaġa biex l-għaqdiet sportivi Maltin jissaħħu finanzjarjament u l-attività tagħhom issir waħda aktar sostenibbli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern għadu kemm ħareġ White Paper dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi. Din ser tibqa’ miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta’ Marzu. Din il-white paper hija għodda sempliċi iżda effettiva li permezz tagħha l-organizzazzjonijiet sportivi jistgħu jindirizzaw il-mod tad-dħul finanzjarju tagħhom billi jwettqu attività kummerċjali fil-faċilitajiet sportivi tagħhom.