Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta’ parkeġġ ġewwa Santa Margherita f’Bormla għadux se jsir? Jista’ jgħid jekk hemmx xi problemi partikulari, u jekk hemmx jew kienx hemm interess mis-settur privat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ħarget ir-rikjesta għall-proposti, daħħlu żewġ offerti, sar l-evalwazzjoni u beda n-negozjar mal-bidder preferut. In-negozjati jinsabu fi stat avvanzat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persons of trust impjegati mal-Malta Enterprise bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jekk iva min kienu u x’kien il-pakkett sħiħ ta’ rimunerazzjoni li kienu jirċievu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persons of trust impjegati mal-Malta Enterprise bejn Marzu 2008 u Marzu 2013.
Dawn l-aħħar ġranet bdew jiġu introdotti numru ta’ rotot ġodda, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew imfassla dawn ir-rotot u kemm swiet din il-konsultazzjoni, jekk kien hemm? Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ġiet tiswa l-konsultazzjoni fuq ir-rotot qabel bdiet topera l-kumpanija Arriva f’pajjiżna ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013 kienet tnehdiet konsultazzjoni wiesgħa kemm mal-Kunsilli Lokali kollha kif ukoll mal-pubbliku in ġenerali. Wara li smajna is-suġġerimenti kollha li wasluna, team ta’ uffiċċjali minn Transport Malta analizza dawn is-suġġerimenti u, sa fejn kien possibbli, fassal in-network il-ġdid tat-trasport pubbliku sabiex dan ikun jista’ jilħaq l-esiġenzi tal-poplu li jużah.
It-tfassil tan-network sar kompletament minn uffiċċjali li jaħdmu ġewwa l-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura u Transport Malta u għaldaqstant, ma' saru l-ebda spejjeż f'dak li jirrigwarda konsulenzi. Mill-banda l-oħra, fit-tfassil tan-network li kien daħal fis-seħħ f’ Lulju tal-2011, jiġifieri meta bdiet topera il-kumpanija Arriva, kienu ntefqu madwar miljun Ewro fi spejjeż relatati ma’ konsulenzi.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li tliet lifts barra l-bini tal-Parlament il-ġdid għadhom mhumiex funzjonabbli? Min se jkun jista’ juża dawn il-lifts?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellent li wara li kien hemm xi problemi tekniċi fuq xogħolijiet mekaniċi u li issa ġew kjarifikati, x-xogħol reġa’ tkompla.
Il-lift fuq in-naħa ta’ San Ġakbu ser ikun immexxi mill-Parlament u ser ikun jista’ jintuża kemm mill-Membri Parlamentari kif ukoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali.
Kemm il-lift tan- naħa ta’ St. John’s kif ukoll il-lift li jagħti fid- ditch (inclined lift) ser jintużaw mill- pubbliku in ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb wara l-proġett ġewwa Ta’ Liesse, x’finanzjament qed tagħmel il-Grand Harbour Regeneration Corporation għal dan il-proġett, u jekk il-Kurja hijiex se tikkontribwixxi xi forma ta’ għajnuna? Kemm hu proġettat li jiswa x-xogħol ta’ modernizzar ta’ dan il-post? Meta ħa jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Liesse jikkonsisti fir-rinovazzjoni tal-post, alterazzjonijiet interni, xogħol ġdid ta’ dawl u ilma, introduzzjoni ta’ lift u xogħol ġdid ta’ madum, kisi u żebgħa. Dan kollhu ser isir fil-binja li tmiss mal-knisja u mhux ġewwa l-knisja. Il-GHRC ser tiffinanzja dan ix-xogħol għal spiża ta’ madwar € 300,000 eskluż il- VAT. Ix-xogħolijiet bdew wara sejħa ghall-offerti u mistennija jitlestew lejn l-aħħar nofs ta’ din is-sena. L-International Transport Workers Federation ser tiffinanzja parti mill-għamara u fixtures oħra. Dan il-post ser ikun iċ-Ċentru għall-Baħħara.
Proġett ta’ Pjazza Kastilja – sejba ta’ fdalijiet arkeologiċi
Question
Jista’ l-Ministru jelenka x’fdalijiet arkeoloġiċi nstabu waqt il-progett ta’ Pjazza Kastilja u x’sar minnhom? Jista’ jagħti dettalji dwar kemm-il silo reġa nkixef u kemm kien hemm oriġinarjament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt ix-xogħol tal-proġett ta’ Kastilja instabu fdalijiet tal-wiċċ antik ta’ Triq San Pawl, munita ta’ żmien il-Gran Mastru Alof De Wignacourt u fdalijiet ta’ fuħħar tal-perjodu tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dawn l-oġġetti qegħdin miżmuma għand is-Supretindenza tal-Kultura (SCH). Inkixxfu 9 silos .B’kollox kien hemm 15-il silo.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pannelli tal-injam li twaħħlu mat-Teatru Miftuħ, kemm u għaliex twaħħlu, min ippropona li jitwaħħlu u kemm ġew jiswew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-panelli ta’ l-injam kienu parti mid-disinn oriġinal fil-proposta ta’ Renzo Piano u huma intenzjonati biex is-sistema ta’ sound tinstema aħjar, magħrufa bħala ERES system. Dawn il-panelli kollha jistgħu jinqalgħu u jinħażnu. Il-prezz ta’ dan il-kuntratt kien ta’ €236,977.89 eskluż il- VAT u l-kuntrattur intagħżel wara sejħa għall- offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Klabb tal-Boċċi ta’ Paola Schreiber se jkollu jitlaq minn hemm? Jista’ jgħid fejn ser imur? Jista’ jgħid jekk sarx xi ftehim mal-membri biex ikunu jistgħu jkomplu jippratikaw l-isport favorit tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Klabb ta’ Paola Schrieber se jkollu jiċċaqlaq minn fejn qiegħed illum minhabba li f’dal-post ser jinbena l-Health Hub ġdid mill-Ministeru ta’ Saħħa u l-Enerġija. Sar ftehim mal-Klabb tal-Boċċi biex temporanjament joħroġ minn dan il-bini u jibda jopera mill-Klabb tal-Paola Wolves ġewwa Raħal Ġdid. Meta titlesta l-parti tal-ġnien ta’ dan il-proġett, il-Klabb ta’ Paola Schrieber ser jinghata klabb ġdid fi Schrieber.
Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm persuni b’diżabilità li qegħdin jużaw il-tallinja card? X’inhuma l-benefiċċji li dawn il-persuni għandhom fl-użu ta’ tallinja card?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku hemm total ta’ 1,671 persuna li għandhom Blue Badge u Special Identity Card maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ u li għandhom tallinja card.
Dawn il-persuni jibbenifikaw minn nollijiet orħos meta jivvjaġġaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Persuni b’diżabilità li għandhom tallinja card iħallsu €0.25 għal biljett ta’ sagħtejn minflok €0.75 u dan sa massimu ta’ €0.50 f’ġurnata jew €2.00 fil-ġimgħa.
Ta’ min wieħed jinnota li sa ftit żmien ilu persuni li ma kellhomx il-Blue Badge ma’ kinux jibbenefikaw minn nollijiet irħas. Din is-sitwazzjoni ġiet indirizzata, u llum persuni li għandhom l-Special Identity Card qegħdin ukoll jibbenifikaw minn nollijiet irħas.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku żdiedux jew naqsu minn meta daħal fis-seħħ is-servizz il-ġdid fl-ewwel ta’ Lulju li għadda? Jista’ jgħid ukoll jekk in-numru huwiex inqas jew iżjed minn meta bdiet topera f’Malta l-Arriva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, l-istess operatur jistima li bejn l-2014 u l-2015 kien hemm żieda ta’ madwar 7% fin-numru ta’ passiġġieri li għamlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku.
Infurmat ukoll li dan in-numru ta’ passiġġieri huwa għola minn dak ta’ meta bdiet topera f’Malta il-kumpanija Arriva.
Trasport Pubbliku — bendy buses fuq ir-rotot ta’ San Ġiljan u tas-Sliema
Question
Jista’ l-Ministru jiċħad jew jikkonferma rapporti li ħarġu f’midja soċjali, li l-kumpanija tat-trasport pubbliku għandha l-ħsieb li tintroduċi numru ta’ bendy buses biex joperaw fuq ir-rotot ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan?
Response (MIZZI, JOE)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li m' hemm l-ebda ħsieb li jerġgħu jiġu ntrodotti il-karozzi tal-linja tat-tip bendy buses.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi tal-linja ġodda mill-kumpanija Spanjola minflok dawk second-hand?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena li għaddiet, l-Malta Public Transport impurtat total ta’ 143 karozza tal-linja ġdida. Hemm ukoll il-ħsieb li matul din is-sena l-istess kumpanija se tkun qiegħda timporta aktar karrozzi tal-linja ġodda sabiex dawn jaħdmu fuq is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet fejn bdew joperaw ir-rotot il-ġodda, minbarra Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid meta se jidħlu fis-seħħ ir-rotot il-ġodda f’lokalitajiet oħrajn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tibdil kollu li kien maħsub li jidħol fuq in-network il-ġdid tat-trasport pubbliku ġie ntrodott fit- 22 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra. B’kollox iddaħħlu 24 rotta ġdida filwaqt li saru modifiki fuq 43 rotta oħra. L-introduzzjoni tan-network il-ġdid fisser żieda medja ta’ madwar 400 vjaġġ kuljum u żieda ta’ 2.5 miljun kilometru fis-sena.
Fil-preżent qiegħed isir eżerċizzju ta’ fine tuning fuq ir-rotot fejn fis-6 ta’ Marzu ta’ din is-sena ġew indirizzati r-rotot li jgħaddu mill-Isptar Mater Dei. Hemm ippjanat li fis-17 t’ April jsir aktar fine tuning fuq ir-rotot fejn fost oħrajn se jiġu ntrodotti rotot ġodda li jservu il-lokalita’ ta’ San Ġwann, kif ukoll se tiżdied il-frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku minn u lejn l-inħawi ta’ tal-Qroqq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters ġodda u kemm kien hemm bus shelters li ġew irranġati minn Marzu 2013 ‘l hawn u f’liema lokalitajiet saru dawn il-bus shelters?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 twaħħlu żewġ canopies kbar fejn wieħed ikun jista’ jistkenn mill-elementi waqt li jkun qiegħed jistenna il-karrozzi tal-linja. Dawn il-canopies twaħħlu ġewwa l-Isptar Mater Dei u fil-Ferry Terminal taċ-Ċirkewwa.
Infurmat ukoll li twaħħlu 16-il bus shelter ġdid fil-lokalitajiet sussegwenti:
Fgura
2
Marsaskala
2
Marsa
1
Qawra/ Bugibba
1
Birkirkara/ Fleur De Lys
3
Sliema
4
Ta’Xbiex
1
Mtarfa
1
Qrendi
1
Triq il-Kosta — Miżuri għas-saħħa u s-siġurtà tas-sewwieqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta’ Triq il-Kosta jaħsibx għall-miżuri biex jitħares is-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa? Jekk fl-affermattiv, x’ inhuma dawn il-miżuri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-proġett ta’ Triq il-Kosta kien sa mill-bidu tad-disinn ppjanat li jkollu diversi aspetti li jħarsu b’mod aħjar is-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa u nies oħra li jużaw it-triq. Dawn jinkludu d-disinn innifsu ta’ allinjament tat-triq, livelli, karreġġjati, safety barriers, tabelli tat-traffiku, pedestrian crossings, u linji u sinjali tat-traffiku.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ inhu jsir mill-Gvern preżenti biex jippromwovi mezzi alternattivi tat-trasport, fosthom dak bil-baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin ittieħdu diversi miżuri u inizjattivi u fejn jidħlu mezzi oħra ta’ trasport alternattiv inkluż varji proġetti u proġetti pilota li saru fl-aħħar xhur in konnessjoni mal-attivitiajiet tal-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità u l-kampanja Do The Right Mix. Dawn il-proġetti pilota għadhom fi stadju ta’ implimentazzjoni f’dawk il-lokallijiet li diversi Kunsilli Lokali applikaw għad-diversi skemi rispettivi, fosthom l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ Transport on Demand għall-anzjani.
Ninforma wkoll li Transport Malta qiegħda fi studju ta’ riċerka għall-possibilita tal-introduzzjoni ta’ Mass Transort System għal-gżejjer Maltin kif ukoll bi preparament għal proġetti varji li se jiġu sottomessi għall-finanzjament tal-Fondi Strutturali Ewropej 2014-2020. Dawn jinkludu:
Numru ta’ Proġetti Ġodda
1. Proġett Nazzjonali għall-introduzzjoni tal-kunċett ta’
Electric Bicycle Sharing.
2. Disa’ proġetti pilota li jagħmlu parti minn sottomissjoni għal Fondi Ewropej taħt il- programm CIVITAS fosthom li jinkludu ġarr ta’ merkanzijja organizzata fil-Belt Valletta b’użu ta’ vetturi elettriċi u proġett pilota li jagħmel użu minn
mini buses
li jiġu kkonvertiti biex jaħdmu bil-gass u ttestjar ta servizz ċirkulari urban.
3. Riċerka u studju għal progett li jtejjeb l-aċċess minn Marsamxett għaċ-Ċentru Storiku tal-Belt Valetta għal min juża s-servizz tat-trasport pubbliku tal-baħar minn tas-Sliema għall-Belt
4. Proġett sabiex titkompla l-installazzjoni tan-
Network
ta’
Charging Points
madwar il-pajjiż kollu għall-użu tal-Vetturi Elettriċi li jlaħħaq l-ammont indikat mid-direttiva Ewropea rispettiva, inkluż l-installazzjoni tal-aħħar
Rapid Charging Stations
li hawn fis-suq suq b’kapaċita’ li jiċċarġjaw l-aħħar vetturi elettriċi fis-suq f’anqas minn 30 minuta.
5. L-introduzzjoi ta’ diversi
Sustainable Intermodal Transport
Hubs
f’diversi żoni madwar il-portijiet rispettivi.
6. Tfassil tat-tieni fażi għall-installazzjoni ta’ aktar miżuri magħrufa bħala
Intelligent Transport Systems,
inkluż aktar b
oards
elettroniċi, xogħol fuq in-
network
ta’
CCTV cameras
fit-toroq kollha arterjali u distributorji kif ukoll f’siti u infrastruttura relatati mas-servizzi tat-trasport pubbliku kif ukoll miżuri oħra li jtejbu s-saħħa u s-sigurta fir-toroq kif ukoll miżuri addizzjonali għat-titjieb fl-immaniġġar tat-traffiku (it-tieni fażi).
7. Tfassil ta’ proġett pilota għall-introduzzjoni ta’ użu tal-gass idroġenu bħala
fuel
alternattiv għat-trasport, bi proġett pilota li jinkludu
hydrogen station
u vetturi li jaħdmu b’din it-teknoloġija.
Introduzzjoni ta’ Sevizzi Ġodda
Tfasslet ukoll policy interna u sejħa għall-offerti għall-introduzzjoni tal-kunċett ta’ car sharing madwar il-pajjiż kollu kif ukoll inċentivi għall-kumpaniji li jippromwovu il-kunċett ta’ car pooling.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għall-miżuri addizzjonali mħabbra fl-aħħar budget, inkluz id-diversi grants li se jingħataw kemm lill-individwi kif ukoll NGOs u kumpanniji privati għal min juza vetturi li jagħmlu użu minn forom nodfa ta’ trasport.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-vetturi li jistgħu jagħmlu użu mill-priority lane?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vetturi li jistgħu jużaw il-priority lane huma muturi, taxis, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi LPG, roti, vetturi tat-trasport pubbliku u vetturi bi tlieta minn nies jew aktar ġo fihom.
Tallinja card — persuni li jużaw il-card frekwentament
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li llum qegħdin jużaw il-tallinja card? Għandu informazzjoni jekk minn dawn, kemm hemm persuni li jużaw il-tallinja card aktar minn darba?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku jirriċulta li hemm ‘il fuq minn 230,000 persuna li għandha tallinja card.
Infurmat ukoll li madwar 185,000 passiġġier għamlu użu minn tallinja card għal aktar minn darba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ilmenti li jidħlu kuljum fuq it-trasport pubbliku żdiedux jew naqsux sa minn meta daħal fis-seħħ is-servizz il-ġdid immexxi mill-kumpanija Spanjola?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta wieħed jikkumpara n-numru ta’ lmenti li daħlu għand Transport Malta fl-ewwel sena ta’ servizz ipprovdut mill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku, jiġifieri fl-2015, ma’ l-aħħar sena li fih ipprovdiet is-servizz il-kumpanija Arriva, jiġifieri fl-2013, l-ilmenti li jirrigwardjaw ir-rotot u x-xufiera naqsu b’63%.