Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja

Question

B’referenza għall-wegħda elettorali li l-gvern għamel li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mar-Russja, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir ma’ dan il-pajjiż l-aktar minħabba s-sanzjonijiet imposti fuqu mill-Unjoni Ewropea?

Response (VELLA, GEORGE)

Kif kien imwiegħed fil-Manifest Elettorali, il-gvern impenjat li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mar-Russja. Permezz tal-ħidma tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska, il-Gvern Malti jżomm djalogu regolari fuq diversi livelli mal-Gvern Russu. Waqt li Malta timplimenta s-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fuq il-Federazzjoni Russa, hemm livell ta’ kooperazzjoni tajba f’diversi oqsma ta’ interess komuni mhux milquta mis-sanzjonijiet. F’dan il-kuntest, nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex infakkar li, fl-24 t’April 2013 ġew iffirmati l-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, kif ukoll Protokoll għall-istess Konvenzjoni. Fit-28 ta’ Frar 2015 iffirmajna Ftehim dwar il-ħlas pendenti min-naħa tal-Federazzjoni Russa għar-Repubblika ta’ Malta. Fis-16 ta’ Settembru 2015 ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa bejn il-Ministeru ghall-Enerġija u s-Saħħa tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tas-Saħħa tal-Federazzjoni Russa. Fir-rigward ta’ laqgħat ta’ livell għoli bejn iż-żewġ pajjiżi, f’Settembru 2013 iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu l-E.T. Sergey Lavrov matul it-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York fejn iddiskutejna l-potenzjal u t-tisħiħ tal- kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin l-E.T. Aleksei Meshkov ġie Malta f’Diċembru 2013 u kellna l-opportunità li niddiskutu diversi oqsma ta’ interess komuni. Il-Viċi Ministru għall-Finanzi Sergei Storchak żar Malta fl-1 ta’ Awwissu 2014. Waqt żjara uffiċjali f’Settembru 2015, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, l-Onor. Konrad Mizzi kellu diskussjonijet mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Federazzjoni Russa u l-Assoċjazzjoni tal-Intraprendituri ta’ Moska, fejn iż-żewġ naħat iddiskutew opportunitajiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Fit-22 ta’ Settembru 2015, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżu Żgħar, l-Onor. Chris Cardona inawgura il-Malta Day Business Forum li saret fil-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Federazzjoni Russa. Il-Forum laqqa’ flimkien madwar 200 persuna minn Malta u r-Russja. Fl-ewwel ġimgħa ta’ April ta’ din is-sena, id-Direttur Ġenerali għall-Politika fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, żaret Moska għal taħdidiet politiċi. Iltaqgħet, fost oħrajn, mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin l-E.T. Aleksei Meshkov u ġew diskussi firxa ta’ oqsma bilaterali u multilaterali. Wara stedina tal-Kunsill tal-Federazzjoni tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa, din is-sena għandu jkun hemm ukoll żjara minn delegazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Il-Prim Ministru u jien ukoll qed nippjanaw żjara uffiċjali fir-Russja aktar tard din is-sena. Din għandha tkun okkażjoni importanti biex niddiskutu temi bilaterali u multilaterali ta’ interess komuni, bħas-sitwazzjoni fil-Libja, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa. Din il-laqgħa taħbat ukoll qabel il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Golf

Question

Peress li fil-Manifest Elettorali tiegħu l-gvern wiegħed li ser isaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ pajji¿i tal-Golf, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret u li hija ppjanata li ssir ma’ dawn il-pajjiżi?

Response (VELLA, GEORGE)

Kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-pajjiżi tal-Golf ingħataw spinta f’dawn l-aħħar tliet snin, kemm fuq livell politiku u diplomatiku, kif ukoll fuq livell ekonomiku u kulturali. Xhieda ta’ dan it-tisħiħ huwa rifless fil-ftuħ ta’ għadd ta’ Ambaxxati f’Malta kif ukoll fil-pajjiżi tal-Golf. Infatti, fl-2013 infetħet Ambaxxata Maltija fil-Kuwajt; fl-istess sena, il-Kuwajt u l-Istat tal-Qatar fetħu l-Ambaxxati tagħhom ġewwa Malta. Nixtieq insemmi wkoll li għaddejjin preparamenti sabiex tinfetaħ Ambaxxata Maltija ġewwa Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Magħquda. F’Jannar 2015, ġie inawgurat il-Konsulat ta’ Malta fil-Kuwajt. Fuq nota simili, fis-6 ta’ Ottubru 2015, inħatar Konslu Onorarju ta’ Malta ġewwa s-Saltna tal-Oman bħala l-ewwel pass sabiex tissaħħaħ il-preżenza ta’ Malta ġewwa dan il-pajjiż. Dan juri biċ-ċar kif il-politika barranija qed tħares lejn il-Golf u kif il-preżenza fiżika tal-Ambaxxati qiegħdin ikomplu jtejbu r-relazzjonjiet politiċi u kummerċjali ma’ dawn il-pajjiżi. Nixtieq insemmi wkoll, li wara l-ftehim li ntlaħaq bejn il-pajjiżi magħrufa bħala l-E3/EU+3 u l-Iran fuq il-programm nukleari, Malta, mhux biss laqgħat b’sodifazzjon il-ftehim li seħħ, imma ukoll rat kif mill-ewwel taħseb biex iġġedded ir-relazzjonijiet mal-Iran. B’hekk il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħatar lis-Sur Joseph Mangion bħala Ambaxxatur mhux Residenti għar-Repubblika Iżlamika tal-Iran li ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President Iranjan l-E.T. Dr Hassan Rouhani fil-21 ta’ Diċembru 2015. Ir-relazzjonijiet bilaterali ġew imsaħħa wkoll bl-għadd ta’ laqgħat li kelli mal-Ministri tal-Affraijiet Barranin ta’ dawn il-pajjiżi u biż-żjarat li għamilt fil-pajjiżi tal-Golf: 1. Waqt il-laqgħa Minsiterjali tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u l- Gulf Cooperation Council (GCC) li saret il-Baħrejn f’Ġunju 2013, iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Qatar, l-E.T. Khaled bin Al-Attiyah u kelli laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Baħrejn, l-E.T. Sheikh Khalid al-Khalifah u ddiskutejna t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u dawn iż-żewġ pajjiżi. Iddiskutejna ukoll l-aħħar żviluppi fir-reġjuni tal-Mediterran u l-Golf. Kelli ċ-ċans niltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdita l-Altezza Reali Tiegħu Faisal al-Saud u ddiskutejna il-koperazzjoni fis-setturi tal-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-edukazzjoni u l-investiment. Għamilna ukoll l-ewwel kuntatti mas-Segretarjat tal-GCC. 2. Fl-aħħar ta’ Settembru 2013, fil-marġini tat-tmienja u sittin Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York, kelli laqqħat mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt u tal-Baħrejn. Iltqajt ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda, l-A.T. Sheikh Abdullah Bin Zayed Al Nahyan fejn ġew diskussi numru ta’ suġġetti ta’ natura bilaterali kif ukoll l-investiment tal-Emirati f’Malta. Tajjeb insemmi wkoll li, l-Onor. Joseph Muscat iltaqgħa mal-Emir tal-Qatar l-E.T. Sheikh Tamim bin Hamad Al-Thani fejn iddiskutew it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewg pajjiżi u l-aħħar żviluppi reġjonali. 3. F’Mejju tal-2014 żort numru ta’ pajjiżi tal-Golf: il-Baħrejn, il-Qatar, l-Oman u Emirati Għarab Magħquda fejn iltaqajt mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ dawn il-pajjiżi u ma’ bosta uffiċjali għolja oħra. 4. F’Settembru 2014, il-Prinċep tal-Arabja Sawdita, l-Altezza Rjali Tiegħu Khaled Bin Alwaleed Bin Talal Bin Abdulaziz Al Saud iltaqgħa mal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat f’Malta fejn iddiskutew it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll l-oqsma tal-investiment u tal-ekonomija. Il-Prinċep Khaled kien qed jirraprezenta il-Prinċep Alwaleed Bin Talal Bin Abdullaziz Al Saud, il-President tal-kumpanija Kingdom Holding . F’Diċembru 2014, l-A.R.T il-Prinċep Alwaleed bin Talal bin Abdulaziz Alsaud żar Malta fejn kellu laqgħa mal-Prim Ministru l-Onor Joseph Muscat u ġie maħtur, mill-President ta’ Malta, fuq il-parir tal-Prim Ministru, Kumpann Onorarju tar-Repubblika ta’ Malta. 5. F’Jannar 2015, għamilt żjara fil-Kuwajt sabiex kif semmejt aktar qabel inawgurajt il-ftuħ tal-Konsulat ta’Malta. 6. F’Marzu 2016, jiena stess għamilt żjara uffiċċjali fl-Iran fil-5 u 6 ta’ Marzu 2016. Matul din iż-żjara kelli laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-E.T. Mohammad Javad Zarif, kelli laqgħat ukoll mal-Ministru tat-Toroq u ¯vilupp Urban, Abbas Ahmad Akhoundi, mal-Ministru tal-Industrija u Kummerċ, Mohammad Reza Nematzadeh, mal-Ispeaker tal-Assemblea Konsultattiva Iżlamika (il-Parlament) Ali Larijani kif ukoll mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Iranjana, Mansour Khansari. Ma’ dawn kollha sħaqna fuq il-ħtiega li inssaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u dawk kulturali. Il-frott tal-ħdima u koperazzjoni li saret mal-pajjiżi tal-Golf matul dawn l-aħħar snin ġie msarraf f’għadd ta’ ftehim u Memoranda: - Memoranda dwar Konsultazzjonijiet Politiċi ġew iffirmati mal-Baħrejn (2013), l-Oman (2014), l-Emirati Għarab Magħquda (2014) u l-Iran (2016); - Memorandum ta’ koperazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika ġie ffirmat mal- Emirati Għarab Magħquda (2016); - Ġie ffirmat Programm ta’ Koperazzjoni bejn l-Akkademja Meditteranja għall-Istudji Diplomatiċi tal-Universita ta’Malta (il- MEDAC ) u l-Institut għall-Istudji Diplomatiċi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdita (2015); - Ftehim dwar Servizzji tal-Ajru ġie ffirmat mal-Kuwjat (2013) l-Oman (2014) u l-Arabja Sawdita (2015); - Ftehim dwar Visa Waiver għall-Passaporti Diplomatiċi ġie ffirmat mal-Oman (2014) u mal-Iran (2016); - Aktar tard din is-sena, għandu jiġi ffirmat ftehim ta’ koperazzjoni fil-qasam tat-transport marittimu mal-Arabja Sawdita. Sabiex inkomplu nsaħħu l-ekonomija u nattiraw l-investiment u l-kummerċ: - Fid-19 ta’Marzu 2014, l-Onorevoli Dr. Christian Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi, żar il-Qatar, akkumpanjat minn delegazzjoni li kienet tikkonsisti minn uffiċċjali tal- Malta Enterprise , Finance Malta u l-Kunsill tal-Kummerċ tal-Lvant Nofsani u kellhom diversi laqgħat ma’ uffiċċjali għolja ta’ diversi entitajiet. - F’Settembru 2014 żaret il-Kuwajt delegazzjoni magħmula minn uffiċċjali għolja tal- Malta Enterprise , Finance Malta u l- MIMCOL , fejn kellhom diversi laqgħat ma’ uffiċċjali ta’ entitajiet ta’ oqsma ikkonċernati. - Bejn it-12 u l-15 ta’ Jannar 2015, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkordina żjara minn delegazzjoni mill-Oman li kellha numru ta’ laqgħat, fosthom mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża Maltija, mal- Malta Enterprise u mal- MFSA . Ukoll, bejn is-16 u 17 ta’ Novembru 2015, il-Kamra tal-Kummerċ tellgħet numru ta’ kumpaniji lokali għall- Business Opportunities Forum bil-għan li jistabbilixxu u/jew isaħħu negozju ma’ dan il-pajjiż. - Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat minn delegazzjoni kummerċjali żar l-Oman fit-22 ta’ April 2015 fejn ġew iffirmati Memorandum of Uunderstanding bejn Malta Enterprise u Bank Muscat u Memorandum of Understanding bejn il-Kamrar tal-Kummerċ taż-żewġ pajjiżi. - F’Mejju tal-2015, saret it-tieni laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta tal-Kummerċ f’Riyadh. Iż-żewġ naħat qablu fuq numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex jikkontribwixxu għal aktar żvilupp ekonomiku u għal-aktar qsim ta’ esperjenzi fuq livell politiku u kummerċjali. - Żjara minn delegazzjoni mill-Oman b’rappreżentanza ta’ Bank Muscat f’Riyada (l-Awtorita’ għall-Iżvilupp tal-Industrija Żgħar u Medja) żaret Malta fid-29 ta’ Novembru 2015. Delegazzjoni kummerċjali ta’ nisa Maltin għall-ewwel darba żaret l-Oman fejn il-membri tad-delegazzjoni attendew Forum dwar Intrapriżi Żgħar u Medji kif ukoll attendew laqgħat bilaterali ma’ kumpaniji mill-Oman u instituzzjonijiet oħra. Din il-ħidma qiegħda ssir f’setturi oħra fosthom l-edukkazjoni, l-awkwakultura, it-transport u l-qasam marittimu. Importanti li nsemmi il-preżenza dejjem tikber ta’ studenti mill-pajjżi tal-Golf fl-Universita’ ta’ Malta fejn illum hemm taħlita ta’ studenti mill-Oman, l-Arabja Sawdita u l-Kuwajt barra nazzjonalitajiet oħrajn.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet mal-Istati Uniti tal-Amerika

Question

Peress li fil-Manifest Elettorali tiegħu l-gvern wiegħed li ser isaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti tal-Amerika, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret u li hija ppjanata li ssir biex jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż?

Response (VELLA, GEORGE)

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti tal-Amerika huma sodi u tajbin ħafna. Dan huwa wkoll grazzi għall-ħidma eżemplari min-naħa tad-Dipartimenti tal-Gvern kif ukoll l-interazzjoni eżistenti bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta kif ukoll il-ħidma li qed issir mill-Ambaxxata ta’ Malta f’Washington D.C. Malta ħatret Ambaxxatur ġdid, is-Sur Pierre-Clive Agius, li ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika Barack Obama fit-2 ta’ Marzu 2016. Min-naħa l-oħra, l-Ambaxxatriċi l-ġdida Amerikana Glenna Kathleen Hill ippreżentat il-kredenzjali lill-E.T. il-President Marie Louise Coleiro Preca fil-25 ta’ Frar 2016. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ laqgħat ta’ livell għoli, fid-9 ta’ Ottubru 2014, jiena ltqajt mal-Viċi Assistent Segretarju tal-Istat Julieta Van Noes. Din kienet okkażjoni biex niddiskutu modi kif insaħħu l-kooperazzjoni bilaterali kif ukoll dik f’fora multilaterali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet u l-isfidi preżenti. Fis-16 ta’ Ġunju 2015, kelli laqgħa mal-Viċi Assistent Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u Ażjatiċi Amanda Sloat, fejn fost affarijiet oħra ddiskutejna s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’Malta. L-aħħar żjara ta’ livell għoli f’Malta seħħet fid-9 ta’ Marzu 2016 meta jiena ltqajt mal-Assistent Segretarju tal-Istat Victoria Nuland, li ssottolinjat ir-rieda tal-Istati Uniti li jintensifikaw aktar il-kooperazzjoni ma’ Malta f’diversi oqsma. Il-Gvern ta’ Malta jisħaq li jżomm djalogu regolari u kif meħtieġ mal-awtoritajiet Amerikani dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku u komuni, kemm jekk ikunu kwistjonijiet bilaterali kif ukoll jekk ikunu ta’ importanza reġjonali u internazzjonali, bħall-iżviluppi fil-Libja, il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni politika madwar il-Mediterran, inkluża s-Sirja, bil-għan li nkomplu dejjem nibnu fuq il-kooperazzjoni u l-fehim eżistenti bejn iż-żewġ pajjiżi. Eżempju ċar tar-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi huwa l-fehim min-naħa tal-Istati Uniti għas-sitwazzjoni partikolari ta’ Malta fil-kuntest tal-immigrazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa importanti li nfakkru li mill-bidu ta’ din il-leġislatura ġew rilokati 1574 persuna li kienu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Malta għall-Istati Uniti. Ta’ min insemmu wkoll li f’Ġunju tal-2014, flimkien mal-Istati Uniti u pajjiżi oħra, ġie inawgurat l-International Institute of Justice and the Rule of Law f’Malta. L-Istitut kompla jgħolli l-profil ta’ Malta fil-politika internazzjonali partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran. Fis-16 ta’ Diċembru 2014 ġie ffirmat il-Foreign Account Tax Compliance Act li kien pass ieħor importanti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’qasam tant importanti.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Question

Peress li fil-Manifest Elettorali tiegħu l-gvern wiegħed li ser isaħħaħ ir-relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret u li hija ppjanata li ssir biex jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż?

Response (VELLA, GEORGE)

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina huma ikkunsidrati storiċi mhux biss għaliex kienu imnedija f’mument ġeo-politiku uniku fl-aqwa tal-Gwerra l-Bierda iżda ukoll għaliex baqgħu jissaħħu matul is-snin f’rabtiet dejjem aktar fejjieda f’rispett reċiproku għas-sovranità tal-Istat u f’għajnuna reċiproka għall-iżvilupp paċifiku taż-żewġ pajjiżi. Il-Gvern għaraf mill-ewwel il-potenzjal kbir li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu isarrfu għal Malta speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika b’saħħitha ta’ dan il-pajjiż ġgant Asjatiku. Bi pjan studjat għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bilaterali f’oqsma diversi ta’ interess għal pajjiżna, fid-9 ta’ Lulju 2014 id-Deputat Prim Ministru ikkonkluda iċ-Ċina ftehim ta` kooperazzjoni fuq pjan ta’ ħames snin li jkopri s-setturi tal-infrastruttura, servizzi finanzjarji, enerġija, avjazzjoni, sport u kultura fost l-oħrajn. Dan il-ftehim mhux biss huwa ewlieni fost il-pajjiżi tal-UE imma ukoll daqstant varjat fuq medda ta’ żmien medju, li għandu jappoġġja b’mod pragmatiku l-politika tal-Gvern Malti għal benefiċċju tal-Maltin. Dan il-qafas tal-ftehim jagħti oppurtunita’ għal koperazzjoni prattika bħalma hija s-sigurta’ tal-enerġija. Il-parteċipazzjoni strateġika tax-Shanghai Power Electric fil-produzzjoni ekoloġika tal-enerġija hija garanzija għas-support sostenibbli tal-industrija u l-konsum domestiku Malti kif ukoll għal prospetti għal proġetti simili bi sħab f’pajjiżi oħra anki taħt profil kummerċjali internazzjonali li Malta qed takkwista. L-istess jista’ jingħad bit-tnedija tal-Kummissjoni Konġunta għall-Koperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali bejn Malta u ċ-Ċina li twaqqfet sabiex jisfruttaw il-potenzjal kollu ta’ attivià ekonomika u ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi għal aktar tkattir ta’ produzzjoni u servizzi. L-istima speċjali li ċ-Ċina għandha għal pajjiżna twassal għal koperazzjoni f’setturi oħra li Malta qed tinvesti bis-sħiħ fihom fi pjan ta` diversifikazzjoni ekonomika f’kuntest dejjem aktar globalizzat u diġitali. Il-profil ekonomiku u soċjali ta` Malta fiċ-Ċina telgħa ‘l fuq aktar bi preżenza konsulari kemm f’Beijing kif ukoll f’Shanghai. F’diskors li kont tajt fl-Istitut Ċiniż għall-Istudji Strateġiċi, kont argumentajt li l-iżvilupp ekonomiku pożittiv li Malta rreġistrat f’dawn l-aħħar snin flimkien mal-istabbilita` politika u ekonomika jagħmel minn Malta pajjiż ta’ opportunita` ekonomika kbira. Dan, iċ-Ċina għarfitu sew. Ta’ min iżid li Malta wkoll għarfet il-potenzjal taċ-Ċina u tar-reġjun Asjatiku u kienet fost il-membri fundaturi tal-Bank Asjatiku għall-Investiment fl-Infrastruttura. F’Lulju 2015 mexxejt delegazzjoni uffiċċjali fiċ-Ċina. Waqt din iż-żjara, kelli laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż, kif ukoll wettaqt żjara ta’ korteżija lill-Viċi President Ċiniż l-E.T. Li Yuanghao. Kelli laqgħa ukoll mad-Deputat President tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Kungress Nazzjoni Ċiniż. Matul iż-żjara sar il-ftuħ uffiċċjali tal-Konsolat il-ġdid Malti f’Shanghai. Fi żmien qasir il-Gvern Malti irnexxilu jikkonkludi seba’ ftehim maċ-Ċina, li d-dettalji tagħhom jidru hawn taħt: Isem Data 1 Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Aeronawtiċi ta’ Malta u ċ-Ċina. 12 ta’ Diċembru 2014 2 Ftehim bejn l-Enemalta u x-Shangai Power Electric. 12 ta’ Diċembru 2014 3 Ftehim bejn il-Public Broadcasting Services (PBS) u ċ-China Central Television (CCTV). 25 ta’ Diċembru 2014 4 Memorandum ta’ Ftehim dwar il-koperazzjoni fl-isport bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għar-Repubblika ta’ Malta u l-Amministrazzjoni għall-Isport tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. 19 ta’ Marzu 2015 5 Memorandum ta’ Ftehim Dwar il-Koperazzjoni fil-Qasam tal-Proprjetà Intellettwali bejn id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Entrapriżi tar-Repubblika ta’ Malta u l-Uffiċċju tal-Propjetà Tar- Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. 20 ta’ Lulju 2015 6 Memorandum ta’ Ftehim ta’ Koperazzjoni fil-qasam tal-films. 27 ta’ Lulju 2015 7 Memorandum ta’ Ftehim bejn L-MCAST u l-Ministeru tax-Xjenza u Teknoloġija tar- Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.. 28 t’ Awwissu 2015 Dan juri l-ħeġġa kbira li biha ż-żewġ pajjiżi jridu ikomplu jikkoperaw u jiżviluppaw ir-relazzjonijiet għaż-żmien li ġej, dejjem f’kuntest paċifiku globali, stabilita` u sigurta` interreġjonali, ħbiberija u produttivita` bilaterali li pajjiżi oħra, anki tal-UE, qed jippruvaw jagħmlu f’kuntest komunitarju Ewropew.

State visits barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ State Visits li saru barra minn Malta bejn Marzu 2013 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-Żjarat Statali li saru barra minn Malta bejn Marzu 2013 u Marzu ta’ din is-sena huma: L-Awstrija 21 ta’ Jannar 2014 – Il-President George Abela għamel Żjara Statali fl-Awstrija fejn iltaqa’ mal-President Heinz Fisher. Is-Slovakkja 23 ta’ Jannar 2014 – Il-President George Abela għamel Żjara Statali fis-Slovakkja fejn iltaqa’ mal-President President tas-Slovakkja, l-E.T. Ivan Gašparovič. Il-Ġermanja 11 ta’ Marzu 2014: Saret Żjara Statali mill- E.T. il-President George Abela. Santa Sede 22 ta’ Marzu 2014: L-E.T. il-President George Abela, kien milqugħ mill-Q.T. il-Papa Franġisku. Id-delegazzjoni Maltija iltaqgħet mas-Segretarju tal-Istat il-Kardinal Pietro Parolin, li kien akkumpanjat mis-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, l-Arċisqof Dominique Mamberti. F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi fosthom l-imigrazzjoni irregolari, l-instabbilta’ fl-Afrika ta’ fuq u l-valuri tal-familja. 29 ta’ Settembru 2014: L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca għamlet Żjara Uffiċċjali fil-Vatikan, fejn intlaqgħet mill-Q.T. il-Papa Franġisku. Id-delegazzjoni Maltija kellha diversi laqgħat oħra fosthom ma’ l-għola awtorita’ fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan. Il-Slovenja 23-24 ta’ Frar 2015: L-E.T. il-President Marie-Louise Coleiro Preca għamlet Żjara Statali fis-Slovenja. Waqt din iż-żjara kien iffirmat Ftehim ta’ Koperazjoni bejn l-Akkademja Mediterranea għall-Istudji Diplomatiċi fi ħdan l-Università ta' Malta (MEDAC) u l-Akkademja Diplomatika fis-Slovenja. L-Alġerija 20-21 ta’ Jannar 2016: L-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, għamlet Żjara Statali li serviet biex jkomplu jissaħħu relazzjonijiet bilaterali, b’mod partikulari fil-qasam ekonomiku. L-E.T. iltaqgħet mal-President tal-Alġerija , l-E.T. Abdelaziz Bouteflika. Il-Kosovo 16 ta’ Frar 2016 – L-E.T. il-President Marie-Louise Coleiro Preca għamlet Żjara Statali fil-Kosovo fejn iltaqħet mal-President tar-Repubblika tal-Kosovo l-E.T.Atifete Jahjaga L-Albanija 17 u 18 ta’ Frar 2016 – L-E.T. il-President Marie-Louise Coleiro Preca għamlet Żjara Statali l-Albanija fejn iltaqħet mal-President tar-Repubblika tal-Albanija, l-E.T. Bujar Nishani Jien akkumpanjajt lill-E.T. il-President Abela u lill-E.T. il-President Coleiro Preca f’dawn iż-żjarat Statali, ħlief għal dik tal-Kosovo peress li kelli nattendi għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fi Brussels.

State visits li saru minn mexxejja barranin f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ State Visits li saru minn mexxejja barranin f’Malta bejn Marzu 2013 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Iż-Żjarat Statali li saru f'Malta bejn Marzu 2013 u Marzu 2016 huma: Il-Greċja 13-14 Frar ta' 2014 : Żjara Statali mill-E.T. Karolas Papoulias, President tal-Greċja, fejn iltaqa' mal-President ta' Malta l-E.T. Dr George Abela Ordni Ospitallier Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalem, ta’ Rodi u ta’ Malta. 15-17 ta' April 2015 : L-E.Għ.T. Fra' Matthew Festing, Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni Ospitallier Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalem, ta’ Rodi u ta’ Malta ġie Malta fuq Żjara Statali Il-Ġermanja 29-30 ta' April 2015 : Żjara Statali mill-President tal-Ġermanja l-E.T. Joachim Gauck, fejn iltaqa' mal-President ta' Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru l-Onor. Dott. Joseph Muscat, l-Ispeaker tal-Kamra l-Onor. Dott. Anġlu Farruġia, u mal-Kap tal-Oppożizzjoni l-Onor. Dott. Simon Busutil.

Żjarat uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista’ ta’ żjarat uffiċjali li għamel barra minn Malta bejn Marzu 2013 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid ma’ liema Ministri u uffiċjali tal-Gvern tal-pajjiżi li żar, iltaqa’?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għamilt dawn iż-żjarat barra minn Malta bejn Marzu 2013 u Marzu 2016: L-Albanija 17-18 ta’ Frar 2016: Akkumpanjajt lill-E.T. Il-President Marie Louise Coleiro Preca waqt Żjara Statali fl-Albanija fejn iltaqgħat mal-President tar-Repubblika tal-Albanija, l-E.T. Bujar Nishani. L-Alġerija 18 ta’ Novembru 2015: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru fuq żjara fl-Alġerija fejn saru laqgħat mal-Prim Ministru tal-Alġerija u ma’ numru ta’ membri tal-Kabinett Alġerin bil-għan li l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi terġa’ tissaħħaħ f’diversi oqsma fosthom immaniġġjar tat-turiżmu, is-saħħa, ir-relazzjonijiet marittimi u l-enerġija konvenzjonali u rinnovabbli. 20-21 Jannar 2016: akkumpanjajt lill-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, fuq Żjara Statali li serviet bħala strument biex jkomplu jissaħħu relazzjonijiet bilaterali, b’mod partikulari fil-qasam ekonomiku. L-Awstrija 21 ta’ Jannar 2014: Akkumpanjajt lill-E.T. Il-President George Abela waqt Żjara Statali fl-Awstrija fejn saru laqgħat mal-President tar-Repubblika Federali tal-Awstrija, l-E.T. Heinz Fisher. Il-Baħrejn 30 ta’ Ġunju 2013: Ħadt sehem fil-Laqgħa Ministerjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni tal-Golf, fejn kelli laqgħat bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni tal-Golf, u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Qatar, il-Baħrejn u l-Arabja Sawdija. 26 ta’ Mejju 2014: Iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sheik Khalid Al Khalifa, kif ukoll mal-Prim Ministru, l-Altezza Reali Tiegħu l-Prinċep Khalifa Bin Salman Al Khalifa. Il-Belġju 16 ta’ Diċembru, 2013: Waqt il-Kunsill Ewropew għall-Affarijiet Barranin ipparteċipajt fil-laqgħa Ministerjali tal-Med 7 fejn ġie deċiż li dan il-grupp jissejjaħ MedGroup. 2-3 ta’ April 2014: Ipparteċipajt f’Summit bejn l-UE u l-Afrika. 9 ta’ Ġunju, 2015 Ipparteċipajt fil-laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u Ċentrali (CELAC). Il-Belt tal-Vatikan 24 ta’ Ġunju 2013: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja għal udjenza privata mal-Papa Franġisku. Matul din iż-żjara kien hemm ukoll diskussjonijiet mal-Kardinal Tarcisio Bertone. 20 ta’ Marzu 2014: Akkumpanjajt lill-E.T. Il-President George Abela fil-Vatikan. 29 ta' Settembru 2014: Akkumpanjajt lill-E.T. Il-President Marie-Louise Coleiro Preca fi Żjara Statali li kellha mal-Q.T. il-Papa Franġisku fl-Istat tal-Vatikan. Iċ-Ċina 27 ta’ Lulju, 2015: Għamilt żjara fiċ-Ċina fejn kelli laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, mal-Viċi President u mad-Deputat Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Kungress tal-Poplu. Ċipru 19 ta’ Marzu 2015: Fuq stedina uffiċjali tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiprijott, għamilt żjara ġewwa Ċipru, fejn saret laqgħa bilaterali mal-Ministru għal-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru, l-E.T Ioannis Kasoulides. Fl-istess laqgħa, l-E.T. Igor Lukšiæ, Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro, ingħaqad miegħi u mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru f’laqgħa trilaterali fejn iddiskutew l-proċess ta’ adeżjoni għal-UE tal-Montengro. 25-26 ta’ Frar 2016: Ħadt sehem fil-laqgħa Ministerjali tal-Med 7, fejn ġiet diskussa il-kriżi tas-Sirja u r-riperkussjonjiet fuq l-pajjiżi ġirien bħal-Lebanon u u l-Ġordan; il-Libja; tensjonjiet fil-Golf; l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi Għarab. Commonwealth Secretariat (COMSEC) 24 ta’ Frar 2016 : Ipparteċipajt fil-Commonwealth Ministerial Action Group (CMAG) f’Malborough House. 28-30 ta’ Marzu 2016 : Attendejt kkommemorazzjoni tal-ħidma tas-Segretarju Generali preċedenti tal-Commonwealth, l-E.T Kamalesh Sharma, f’Marlborough House, u għamilt diskors f’King’s College dwar l-irwol ta’ Malta bħala Chair-in-Office tal-Commonwealth. Emirati Għarab Maqgħuda 28 ta’ Mejju 2014: Iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Altezza Reali Tiegħu Sheikh Abdullah Bin Zayed Al Nahyan. Franza 23 – 24 ta’ April 2013: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru d-Deputat Prim Ministru għal żjara uffiċjali fi Franza. Matul din iż-żjara id-delegazzjoni Maltija kellha taħdidiet mal-President tar-Repubblika Franċiża, François Hollande. 20 ta’ Frar 2015: Ipparteċipajt fil-laqgħa tal-‘Med 7’. Il-Ġeorġja 25 ta’ April 2014: Kelli laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru tal-Ġeorġja, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u mal-Ispeaker, inawgurajt ukoll Ċentru għat-Taħriġ tad-Diplomatiċi f’Tbilisi. Il-Ġermanja 11 ta’ Marzu 2014: Akkumpanjat lill-E.T. il-President George Abela waqt żjara statali. 4 ta’ Frar 2015: Akkumpanjat lill-Prim Ministru waqt żjara uffiċċjali għal taħdidiet mal-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel fil-Ġermanja. Il-Ġordan 27 ta’ Ottubru 2014: Kelli laqgħat bilaterali mal-Prim Ministru u l-Ispeaker. L-Iran 5-6 ta’ Marzu 2016: Għamilt żjara uffiċjali fl-Iran fejn iltqajt mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, mal-Ministru tat-Toroq u Żvilupp Urban, Abbas Ahmad Akhoundi, mal-Ministru tal-Industrija u Kummerċ, Mohammad Reza Nematzadeh, ma l-Ispeaker tal-Assembleja Konsultattiva Islamika (il-Parlament) Ali Larijani kif ukoll mal-Presdient tal-Kamra tal-Kummerċ Iranjana, Mansour Khansari fejn sħaqt il-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq livelli politiċi, ekonomiċi u kulturali. L-Italja 15 ta’ Lulju 2013: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru għal taħdidiet mal-Prim Ministru Enrico Letta f’Ruma. 16 ta’ Ottubru 2014: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru fis-Summit bejn l-Ewropa u l-ASEM. 17 ta' Frar 2015: Kelli żjara f’Ruma għal laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan l-E.T. Paolo Gentiloni. 16 ta' Lulju 2015: Akkumpanjat lill-Prim Ministru meta attenda Jum Malta fl-EXPO ta' Milan. 13 ta’ Diċembru 2015: Ipparteċipajt f’konferenza f’Ruma dwar id-Djalogu Mediterranju li ttrattat it-theddid u l-isfidi reġjonali fosthom is-sigurtà fil-Mediterran, il-prevenzjoni tar-radikalizazzjoni, l-enerġija u l-istabbilità fil-Libja. L-Iżrael 15-16 ta’ Ottubru 2013: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru fl-ewwel zjara f’Iżrael fejn fost oħrajn ġie ffirmat ftehim dwar koperazzjoni fil-qasam tas-saħħa għas snin 2013-18, u Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni tal-Manifattura f’Iżrael. Delegazzjoni kummerċjali kienet parti minn din id-delegazzjoni. 30 ta’ Ottubru 2014: Kelli laqgħat bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, mal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Knesset. L-Iżvizzera 4 ta’ Novembru 2014: Għamilt żjara uffiċjali fl-Iżvizzera għal taħdidiet mal-President tal-Konfederazzjoni Żvizzera u Kap tad-Dipartiment Federali għall-Affarijiet Barranin, l-E.T. Didier Burkhalter. Tul iż-żjara ġie iffirmat Memorandum ta’ Qbil bejn il-Ministeri għall-Affarijiet Barranin rispettivi. Il-Kosovo 1-3 ta’ Frar 2016: Kont mistieden nindirizza l-Konferenza tal-Germia Hil dwar is-Sigurtà fix-Xlokk tal-Ewropa. Fil-Kosovo iltqajt mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kosovo, l-E.T. Hashim Thaci, mal-Ministru tal-Integrazzjoni Ewropea, Bekim Collaku, mal-President tar-Repubblika, l-E.T. Atifete Jahjaga, mal-Prim Ministru, l-E.T. Isa Mustafa, kif ukoll mal-Kap tal-Missjoni EULEX, Gabriele Meucci. Matul din iż-żjara ffirmajt ftehim ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ Ministeri għall-Affarijiet Barranin mal-Ministru Thaci. Il-Kuwajt 21 ta’ Jannar 2015: Kelli laqgħat bilaterali mal-Emir tal-Istat tal-Kuwajt, mal-Prim Ministru, mal-Ewwel Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, u mal-Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ. Inawgurajt wkoll il-Konsolat Malti fil-Belt tal-Kuwajt. Il-Latvja 22 ta’ Mejju 2015: Ipparteċipajt fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (Eastern Partnership). Il-Libja 23 ta’ Ġunju 2013: Akkumpanjat lill-Prim Ministru f’laqgħa mal-E.T. Ali Zeidan, il-Prim Ministru tal-Libja. Il-Liechtenstein 3 ta’ Novembru 2014: Għamilt żjara uffiċċjali f’Liechtenstein għal taħdidiet mal-E.T. Aurelia Frick, Ministru għall-Affarijiet Barranin, Edukazzjoni u Kultura. Din kienet l-ewwel żjara ta’ din ix-xorta bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Litwanja 6-7 ta’ Settembru 2013: Ipparteċipajt fil-Laqgħa Informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE. F’din il-laqgħa ġew diskussi t-tħejjijiet għad-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sigurtà u d-Difiża, is-Sħubija għal-Lvant (Eastern Partnership) u s-Sirja. Il-Ministri kellhom ukoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry. Il-Lussemburgu 20 ta’ April 2015: Ħadt sehem f’laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin bi tħejjija għas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (Eastern Partnership). 5-6 ta’ Novembru 2015: Ipparteċipajt fit-tnax-il-laqgħa Ministerjali bejn l-Ewropa u l-Asja, magħrufa bħala l-‘ASEM’ li saret fil-Lussemburgu. Kelli wkoll numru ta’ laqgħat bilaterali, fosthom mal-Mongolja, il-Każakistan, il-Vjetnam, iċ-Ċina u Singapore. Id-diskussjoni ma’ dawn il-pajjiżi kienet ta’ natura bilaterali u dwar l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali. Il-Marokk 6 ta’ Ottubru 2015: Ipparteċipa fil-laqgħa Ministerjali tal-‘5+5’. Il-Mawritanja 16 ta’ April 2013: Ipparteċipajt fl-Għaxar Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri tal-5+5 li ġiet organizzata mill-Mawritanja. Il-Moldova 1 ta’ Settembru 2014: Kelli laqgħa bilaterali mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, fejn ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil dwar il-Gvern Diġitali. L-Olanda 5 ta’ Frar 2016: Ħadt sehem fil-laqgħa informali tal-Gymnich, fejn ġiet diskussa l-istrateġija globali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-politika barranija u s-sigurtà, kif ukoll l-Iran. L-Oman 29 – 30 ta’ Mejju 2014: Għamilt żjara uffiċjali fl-Oman fejn iltqajt mas-Segretarju Ġenerali fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Oman, mad-Deputat Prim Ministru tal-Oman, il-Minsitru tad-Diwan tal-Qorti Rjali tal-Oman, il-Ministru għall-Edukazzjoni Għolja tal-Oman u s-Sotto-Segretarju tal-Ministeru tal-Patrimonju Storiku u l-Kultura. L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann 17 ta' Frar 2015: Waqt iż-żjara tiegħi f’Ruma kelli laqgħa mal-Gran Kanċillier tal-Ordni l-E.T. Albrecht Freiherr von Boeselager dwar il-preparamenti għaż-Żjara Statali mill-Gran Mastru f'April 2015. OSCE 5-6 ta’ Dicembru 2013: Attendejt il-laqgħa annwali Ministerjali tal-Organizzazjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) f’ Kiev, l-Ukrajna. Waqt din il-laqgħa ġew addottati numru ta’ Deċiżjonijiet tal-OSCE. Kelli wkoll taħdidiet mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Moldova u Monaco dwar l-irwol ta’ Malta fit-tmexxija tal-Forum għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa. Malta mexxiet dan il-Forum permezz tar- Rappreżentant Permanenti fi Vjenna bejn Jannar u April tal-2014. Il-Palestina 17 ta’ Ottubru 2013: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru fl-ewwel żjara fil-Palestina minn Prim Ministru Malti, fejn ipparteċipajt f’laqgħat bilaterali u ltqajt ukoll ma’ rappreżentanti tas-soċjeta civili. Waqt din iż-żjara, l-Prim Ministru ħabbar li Malta kienet ser tagħti s-somma ta’ €101,800 għal ghajnuna umanitarja u boroż ta’ studji. Delegazzjoni kummerċjali ifformat parti minn din id-delegazzjoni. 30 ta’ Ottubru 2014: Kelli laqgħat bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija, mal-Prim Ministru, u l-President Mahmoud Abbas. Il-Portugall 22 ta’ Mejju 2014: Ipparteċipajt fil-laqgħa Ministerjali tal-‘5+5’ fejn ġiet diskussa, fost l-oħrajn, is-sitwazzjoni fil-Libja. Il-Qatar 24 ta’ Mejju 2015: Ipparteċipajt fl-24 Laqgħa tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Golf Għarbi. 2 ta’ Ġunju 2014: Iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Altezza Reali Tiegħu Khalid Bin Mohamed Al Attiyah. Ir-Rumanija 15-16 ta’ Marzu 2016: Fuq stedina uffiċjali tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Rumanija, għamilt żjara ġewwa r-Rumanija fejn iltqajt mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Lazãr Comãnescu, mas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Affarijiet Ewropej, Christian Marius Badescu, kif ukoll mal-President tal-Kamra tad-Deputati Parlamentari, Valeriu Zgonea. Is-Serbja 4 ta’ Diċembru 2015: Attendejt il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Fil-marġini tal-laqgħa, kelli laqgħat bilaterali mal-Ministri tal-Albanija, tal-Ażerbajġan, tat-Turkija, tal-Awstrija u tal-Montenegro. Is-Slovakja 23 ta’ Jannar 2014: Akkumpanjajt l-E.T. George Abela waqt Żjara Statali fejn iltaqa’ mal-President President tas-Slovakja, l-E.T. Ivan Gašparoviè. Slovenja 23-24 ta’ Frar 2015: Akkumpanjat lill-E.T. il-President Marie-Louise Coleiro Preca waqt Żjara statali, li matulha kien iffirmat Ftehim ta’ Koperazjoni bejn l-Akkademja Mediterranea għall-Istudji Diplomatiċi fi ħdan l-Università ta' Malta (MEDAC) u l-Akkademja Diplomatika fis-Slovenja. Spanja 18 ta’ Ġunju 2013: Għamilt żjara uffiċċjali f'Madrid għal-diskussjonijiet fuq stedina tal-E.T. Jose Margallo, Ministru għall-Affarijiet Barranin Spanjol. 16 ta’ April, 2014: Ipparteċipajt fil-laqgħa Ministerjali tal-Med 7, li saret ġewwa Alicante, fejn ġew diskussi proġetti għall-iżvilupp tal-pajjiżi tan-naħa t’isfel; l-immigrazzjoni rregolari; l-Ukranja u l-Libja. 13 ta’ April 2015: Ipparteċipajt fil-laqgħa bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewropej u dawk tal-Viċinat tan-Nofsinhar, fejn ġie diskuss il-futur tal-Politika mal-Viċinat Ewropew. Kelli wkoll laqgħat bilaterali mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Eġittu. 26 ta’ Novembru 2015: Ipparteċipajt fil-laqgħa Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran. It-Tuneżija 8 ta’ Settembru 2014: Attendejt għall-Konferenza "Invest Tunisia - Start-up Democracy". 12 ta’ Mejju 2015: Kelli laqgħat bilaterali mal-President, mal-Prim Ministru, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-President tal-Parlament. Ukrajna 4 ta’Settembru 2013: Akkumpanjajt lill-Prim Ministru waqt żjara fl-Ukrajna fejn ġie ffirmat Ftehim dwar il-Ħelsien mit-Taxxa Doppja u l-Prevenzjoni tal-Evażjoni Fiskali mit-Taxxi tad-Dħul. UNGA Mit-23 sas-27 ta' Settembru 2013: Akkumpanjajt lill- Onor. Prim Ministru waqt iż-żjara annwali f’New York għall-ftuħ tat-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda. Matul l-Assemblea Ġenerali kelli diversi laqgħat bilaterali ma’ Ministri tal-Affarijiet Barranin. Mis-16 sas-26 ta’ Settembru 2014: Akkumpanjajt lill-Onor. Prim Ministru waqt iż-żjara annwali f’New York għall-ftuħ tad-69 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda. Waqt l-Assemblea Ġenerali kelli laqgħat bilaterali ma’ Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ diversi pajjiżi.

Żjarat uffiċjali li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin għamlu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista’ ta’ żjarat uffiċjali li għamlu Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi esteri f’Malta bejn Marzu 2013 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Marzu 2013 u Marzu 2016, żaru Malta dawn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi oħra: Andorra 23 ta’ Lulju 2015: Kelli laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Prinicpalita` ta' Andorra, l-E.T. Gilbert Saboya Sunye waqt żjara uffiċjali li għamel f’Malta. L-Arabja Sawdija 12 ta’ April 2013: Iltqajt mas-Sottosegretarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Kulturali fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija li mexxa d-delegazzjoni Sawdita fl-ewwel Kummissjoni Maqgħuda bejn Malta u l-Arabja Sawdija. CHOGM 24 ta’ Novembru 2015: Waqt iċ-CHOGM kelli laqgħat mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin tal-Lesoto, fejn iffirmajna ukoll Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjonijiet Politiċi. Fl-istess okkażjoni, flimkien mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin tal-Ghana, iffirmanja l-minuti maqbula tal-Kummissjoni Konġunta li saret fil-11 ta’ Settembru 2015. 25 ta’ Novembru 2015: Kelli laqgħa ukoll mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Mozambique, li kien jinsab f’Malta ghaċ-CHOGM, fejn esprimejna u ddiskutejna interessi fil-kooperazjoni tal-pajjiżi taghna fl-oqsma tan-negozju u tal-edukazzjoni terzjarja. 27 ta’ Novembru 2015: saret laqgħa flimkien mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin rispettivi tal-Olanda u tas-Slovakkja bħala parti mid-diskussjonijiet ta’ preparazzjoni għat-Trio tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. 30 ta’ Novembru 2015: Iltqajt mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Kummerċ tal-Barbados, fejn ġew diskussi ċ-CHOGM 2015, il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea u kollaborazzjoni dwar tnaqqis ta’ burokrazija. Iċ-Ċina 8 ta’ Mejju 2014: Kelli diskussjonijiet mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin l-E.T. Wang Chao. Franza 11–12 Mejju 2015: Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, iltqajt mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej ta’ Franza, l-E.T. Harlem Desir. Il-Ġermanja 29 ta’ Mejju 2015: Żjara uffiċċjali f’Malta mill-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, l-E.T. Michael Roth. Il-Ghana 12 ta’ Settembru 2013: Iltqajt mal-E.T. Hanna Seerwah Tetteh, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin. L-Indja 7-10 ta’ April 2013: Il-Ministru Indjan tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, l-Onor. Sinjura Preneet Kaur għamlet żjara uffiċjali f’Malta. F’din l-okkażjoni kellha taħditiet separati mal-Prim Ministru u miegħi. L-Italja 12 ta’ Jannar 2016: Saret laqgħa mas-Sotto Segretarju Taljan għall-Affarijiet Ewropej, l-E.T. Sandro Gozi. 10 ta’ Marzu 2016: Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, l-E.T. Paolo Gentiloni, kien Malta għall-taħdidiet uffi ċjali li saru fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Il-Kosovo 16 ta’ Diċembru 2013: Iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kosovo, l-Eċċellenza Tiegħu Enver Hoxhaj. 1 ta' Ġunju 2015: Kelli laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kosovo, l-E.T. Hashim Thaci. Waqt il-laqgħa ddiskutejna kif Malta tista' tkun ta' għajnuna sabiex il-Kosovo jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu fl-UE. Il-Libja 21-22 ta’ Novembru 2013: ikkopresedejt is-27 Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Libja mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan Mohamed Abdel Aziz, f’Malta. 26 ta’ Frar 2014: Ilqajt lill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja, Dott. Abdul-Razzaq al-Greidi. 2 ta’ Lulju 2015: kelli laqgħa mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan Hasan Al-Sayyir fejn iddiskutejna l-aħħar żviluppi fil-Libja. Il-Moldova 11 ta’ April 2014: Ilqajt lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tal-Moldova, Natalia Gherman. Il-Montenegro 5-6 ta’ Ġunju 2013: l-Onorevoli Igor Lukic, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro, għamel żjara uffiċċjali f’Malta. New Zealand 26-28 ta’April 2013: L-E.T. Murray McCully, Ministru għall-Affarijiet Barranin, Sport u Rikreazzjoni ta’ New Zealand għamel żjara f’Malta u kellu taħditiet separati mal-Prim Ministru u miegħi. In-Norveġja 29–30 ta’ Ottubru 2015: Kelli laqgħa mas-Segretarju tal-Istat għar-relazzjonijiet mal-UE tan-Norveġja, l-E.T. Elsbeth Tronstad. Ordni Ospitallier Militari Sovran ta’ San Gwann ta’ Gerusalem, ta’ Rodi u ta’ Malta. 7 ta' Settembru 2015: Kelli laqgħa ta’ korteżija mal-E.T. Albrecht Freiherr von Boeselager, Kanċillier tal-Ordni ta' San Ġwann waqt il-Kommemorazzjoni tal-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir. Il-Palestina 27 ta’ Ġunju 2013: Ilqajt lill-E.T. Riad Malki, Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Palestina u tħejjiet l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Politiku Konġunt. Iddiskutejna l-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u l-koperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Palestina. 29 ta Settembru 2014: Kelli żjara mid-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin. 2 ta’ Mejju 2015: Kelli żjara mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Palestinjan fejn ġie inawgurat il-Kumitat Intergovernattiv Konġunt u ġie ffirmat ftehim bilaterali għal Kooperazzjoni fl-Industriji Żgħar u Medji. Il-Polonja 25–26 ta’ Ġunju 2015: Żjara uffiċċjali f’Malta mis-Sottosegretarju għall-Politika Ewropeja tal-Polonja, l-E.T. Henryka Mościcka-Dendys. Ir-Renju Unit 18-19 ta' Frar 2015: L-E.T. Philip Hammond, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth tar-Renju Unit għamel żjara f'Malta fejn kellu laqgħat mal-Onor. Dott. Joseph Muscat, Prim Ministru, mal-Onor. Louis Grech, Deptutat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali kif ukoll miegħi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Ir-Rumanija 8-9 ta’ Mejju 2015: L-E.T. George Ciamba, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej ġie Malta għal taħdidiet miegħi. Ir-Russja 20 ta’ Diċembru 2013: Ilqajt lill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Aleksey Meshkov. San Marino 19–21 ta’ Ġunju 2014: Iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Eċċellenza Tiegħu Pasquale Valentini. Is-Slovakkja 10 ta’ Ottubru 2014: Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Slovakkja, l-Eċċellenza Tiegħu Miroslav Lajčák ġie Malta fuq żjara uffiċċjali. 11 ta’ Jannar 2016: Kelli taħdidiet uffiċjali mas-Segretarju tal-Istat tar-Republika Slovakkja, l-E.T. Ivan Korcok fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej. L-Istati Uniti 17 Mejju ta’ 2013: Ilqajt lill-E.T. Ms Kathleen A. Doherty, Viċi Segretarju tal-Istat Amerikan fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Ewropej u Euro-Asjatiċi. Fid-9 ta’ Marzu 2016 iltqajt mal-Assistent Segretarju tal-Istat Victoria Nuland, li ssottolinjat ir-rieda tal-Istati Uniti li jintensifikaw aktar il-kooperazzjoni ma’ Malta f’diversi oqsma. It-Turkija 9-10 ta’ Marzu 2015: Kelli laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija, l-E.T. Mevlüt Çavuşoğlu, waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna. Valletta Summit 11 ta’ Novembru 2015: Waqt il-Valletta Summit, kelli laqgħat bilaterali mal-Ministri għall-Affarjiet Barranin tal-Marokk, is-Sudan, u l-Kosta tal-Avorju. 12 ta’ Novembru 2015: Waqt il-Valletta Summit, kelli laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin tal-Eġittu. 11–12 ta’ Novembru 2015: Iltqajt mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Olanda, l-E.T. Bert Koenders li ġie Malta biex jattendi l-Valletta Summit. L-Iżvizzera 9 ta’ Marzu 2016: Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Isvizzera, l-E.T. Dider Burkhalter, kien Malta għall-taħdidiet uffiċjali li saru fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – xogħol għall-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li għamel u biħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħu fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ser ikun qed jiffoka fuq l-iżviluppi li jikkonċernaw il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u l-politika dwar l-iżvilupp internazzjonali u l-assistenza umanitarja, kif ukoll isegwi mill-qrib, u f’ħafna istanzi, imexxi laqgħat tal-Unjoni Ewropea mmirati lejn dawn iż-żewġ fergħat tal-politika barranija. Sabiex jintlaħaq dan l-oġġettiv, uffiċjali tal-Ministeru kellhom diversi laqgħat ta’ diskussjoni mal-pajjiżi tat-Trio, jiġifieri l-Olanda kif ukoll is-Slovakkja, fuq kull livell - minn dak Ministerjali sa dak uffiċjali - sabiex jintlaħaq qbil fuq l-abbozz tal-programm għat-tmintax-il xahar tat-Trio, liema perjodu beda nhar l-1 ta’ Jannar 2016 bil-Presidenza Olandiża. Il-Ministru u l-uffiċjali tal-Ministeru ltaqgħu ukoll ma’ uffiċjali mis-Servizz Estern tal-Unjoni Ewropea (l-EEAS), ma’ uffiċjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ uffiċjali fil-Kummissjoni Ewropea. Bosta uffiċjali fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġew ukoll esposti għal taħriġ (f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali) dwar kif wieħed għandu jmexxi l-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma (working groups) fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Taħriġ iktar intensiv huwa mistenni li jsir fix-xhur li ġejjin, saħansitra anke fuq livell ta’ Ministri, kif ukoll għas-Segretarji Permanenti. Taħriġ ta’ dan it-tip qed isir bil-għan li kull uffiċjal li se jkun involut direttament fil-Presidenza ikun imħarreġ biżżejjed dwar x’tirrikjedi din l-esperjenza. Il-Ministeru mistenni jospita erbatax-il laqgħa informali b’konnessjoni mal-politika barranija u mal-politika għall-iżvilupp internazzjonali u l-assistenza umanitarja, li normalment isiru fil-pajjiż tal-Presidenza, inkluż kors għal diplomatiċi minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom. Fost dawn il-laqgħat insibu wkoll il-Gymnich(Laqgħa "informali" li tlaqqa’ l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-pajjiżi kandidati). Il-Ministeru wettaq ukoll Needs Assessment mal-Ambaxxati ta’ Malta, fosthom mar-Rappreżentanzi Permanenti ta’ Malta fi New York, Ġinevra, Londra, Ruma, The Hague, Vjenna u Strasburgu, sabiex ikun identifikat x’riżorsi umani u loġistiċi jeħtieġu bi preparazzjoni għal u matul il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill Ewropew. F’dan ir-rigward il-Ministeru kellu wkoll taħditiet ma’ Ministeri oħra sabiex dawn il-bżonnijiet jiġu ndirizzati speċifikament f’oqsma partikolari bħall-kummerċ, il-politika marittima, il-politika agrikola, il-politika finanzjarja u s-saħħa fost l-oħrajn. F’dan ir-rigward, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qiegħed jassisti mill-qrib lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali sabiex wieħed jara li kull attività multilaterali tiġi ndirizzata kif meħtieġ f’dan il-perjodu ta’ preparazzjoni qabel il-bidu tal-Presidenza Maltija. Il-ħtieġa ta’ riżorsi umani inħasset ukoll fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Għal dan il-għan, il-Ministeru nieda u kkonkluda bosta eżerċizzji fejn identifika uffiċjali fi ħdan il-Ministeru, mis-servizz pubbliku kif ukoll permezz ta’ sejħa pubblika biex iservu ta’ Policy Officers u Senior Policy Officers fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qabel u matul il-Presidenza. Dan l-ingaġġ għandu jikkumplimenta is-sezzjonijiet tal-Loġistika, tal-Amministrazzjoni u tal-Protokoll, kif ukoll id-Direttorati li jieħdu ħsieb il-politika barranija. Reklutaġġ ieħor ta’ Policy Officers bħalissa jinsab fi stadju avvanzat. L-espansjoni fir-riżorsi umani fissret ukoll ħtieġa ta’ spazju ikbar għal uffiċċji minn fejn jitmexxa x-xogħol. Għaldaqstant, il-Ministeru mistenni jagħmel użu minn binja fil-Floriana biex tkun tista’ takkomoda uffiċjali oħra. Matul l-2015 sar eżercizzju flimkien mal-Ambaxxati u l-Konsolati Maltin fejn ġew identifikati attivitajiet kulturali li jistgħu jittellgħu mill-Ambaxxati matul ix-xhur tal-Presidenza sabiex dawn iservu ta’ vetrina tal-kultura Maltija fil-pajjiżi ta’ rappreżentanza tagħhom. Uffiċjal mill-Ministeru qed jagħmel parti minn Grupp ta’ Ħidma għall-Programm Kulturali matul il-Presidenza, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali u l-Kunsill Malti tal-Arti, sabiex isir l-ahjar użu mill-Ambaxxati Maltin f’dan ir-rigward. Naturalment, l-ebda attività ma tista’ tkun suċċess jekk ma jkunx hemm il-fondi allokati għaliha. Għal dan il-għan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin identifika il-baġit meħtieġ sabiex jagħmel tajjeb għall-attivitajiet u l-bżonnijiet kollha marbuta mal-Presidenza. Dan il-baġit ġie ppreżentat lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali sabiex jiġi mgħoddi, flimkien mal-bagit ta’ Ministeri oħra lill-Ministeru għall-Finanzi.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – xogħol għaċ-CHOGM

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li għamel u biħsiebu jagħmel il-Ministeru tiegħu fl-organizzazzjoni tal-Commonwealth Heads of Government Meeting (iċ-CHOGM) li għandha ssir f’pajjiżna aktar tard din is-sena?

Response (VELLA, GEORGE)

Bi pjaċir, nerġa naqsam mar-Rappreżentanti ta’ din il-Kamra x-xogħol li wettaq il-Ministeru tiegħi fl-organiżżazzjoni taċ-CHOGM li beda eżatt wara ċ-CHOGM tal-2013 li kien sar f’Colombo fis-Sri Lanka, fejn Malta kienet ħabbret l-interess li tospita iċ-CHOGM 2015. L-ewwel pass li għamilna kien li saħħaħna il-Commonwealth Unit fid-Direttorat tal-Global Issues fi ħdan il-Ministeru, kif ukoll, bagħtna uffiċjal diplomatiku fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra f’Jannar 2015, bl-irwol speċifiku sabiex jassigura li jkun hemm sinerġija kontinwa mal-ComSec u mal-pajjiżi tal-Commonwealth akkreditati f’Londra. Mill-aspett organizzativ, il-Ministeru kellu rwol importanti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħol konsolari u ta’ protokoll. Il-Ministeru kien ukoll responsabbli sabiex jagħti appoġġ u konsulenza dwar dawn l-aspetti liċ-CHOGM Taskforce, liema aspetti kellhom impatt importanti fl-organizzazzjoni ta’attivitajiet, trasport u logistika. Mil-lat konsolari, il-Ministeru daħal f’arranġamenti informali ma’ pajjizi tal-Unjoni Ewropeja sabiex l-Ambaxxati jew Konsolati ta’ ċerti pajjiżi membri taż-Żona Schengen joħorgu viżi għal delegati taċ-CHOGM li kienu ġejjin minn pajjiżi fejn Malta m’għandhiex rappreżentanza diplomatika jew konsolari. B’hekk il-Ministeru għen ukoll sabiex jaccerta illi d-delegati kollha u ta’ kull pajjiż tal-Commonwealth setgħu jivvjaġġaw lejn Malta, kemm għal-laqgħat tal-Ministri, għas-Summit innifsu, kif ukoll għal fora li saru fil-ġranet ta’ qabel iċ-CHOGM. Waqt li minn perspettiva ta’ loġistika, il-Ministeru ħadem id f’id maċ-CHOGM Task Force fuq il-programm u l-arranġamenti loġistiċi relatati maċ-CHOGM, ix-xogħol tal-Ministeru tiegħi kien prinċipalment iffukat fuq l-aspett politiku tal-Commonwealth. Għaldaqstant xtaqt nispjega bi ftit dettal fuq ix-xogħol ta’ xejra politiku u preparatorju li wassal għall-adozzjoni mill-Kapijiet tal-Commonwealth ta’ diversi decizjonijiet u dokumenti, fosthom: - Il-Communique` finali; - Il-Leaders’ Statement; u - Il-Leaders’ Statement on Climate Action Tajjeb li jingħad li l-abbozz ta’ dawn it-tlett dokumenti finali u li kienu diskussi fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth, li kelli l-unur u l-privileġġ li nippresedi, kienu suġġett ta’ ħidma sfieqa u ta’ attenzjoni speċjali mill-Ministeru tiegħi minn diversi xhur qabel. Fil-fatt, il-Communique` finali kien ilu jinħema bosta xhur qabel iċ-CHOGM. Wieħed japprezza li meta tiddiskuti ma` 53 pajjiż u trid issib qbil ma’ kulħadd, mhijiex l-iktar ħaġa faċli li wieħed jista’ jwettaq. Madankollu, sforz ix-xogħol kostanti u bla heda li wettaq il-Ministeru tiegħi, irnexxielna naslu għall-abbozz tajjeb. Xogħol kruċjali f’dan ir-rigward seħħ tul żewġ laqgħat importanti – il-Commonwealth Foreign Affairs Ministers Meeting (CFAMM) li nzamm fi New York fl-24 ta’ Settembru 2015, fil-margni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, u l-Committee of the Whole (CoW) li tlaqqa’ f’Londra bejn il-21 u 23 ta’ Ottubru 2015. Fil-laqgħa ta’ New York, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin iddiskutew il-progress li kien sar fuq numru ta’ mandati li kienu adottati fiċ-CHOGM tal-2013 li sar fi Sri Lanka, u kif ukoll fuq il-Communique’ finali tal-istess CHOGM. Is-Segretarja Permanenti, l-E.T. Fiona Formosa, u l-Ambaxxatur Saviour Borg, assistew lil On. Luciano Busuttil li attenda minfloki ghall-okkażjoni. Importanti wieħed isemmi ukoll ix-xogħol siewi tad-delegazzjoni Maltija fil-laqgħa ta’ Londra, fejn flimkien mal-Ambaxxatur Saviour Borg, li ppreseda wkoll l-aħħar laqgħa uffiċjali tar-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Commonwealth qabel iċ-CHOGM ta’ Malta f’Novembru li għadda. L-elementi finali taċ-CHOGM ġew konklużi f’Malta waqt laqgħat tal-uffiċċjali għolja tal-Commonwealth li saru qabel il-Summit innifsu. Irrid insemmi, li d-delegazzjonijiet barranin apprezzaw ferm il-fatt li l-abbozz tal-Communique’ kien iffinaliżżat fil-Laqgha ta’ Londra ftit gimghat qabel ic-CHOGM u li dan ippermettielna li jkollna ħin biżżejjed sabiex waqt iċ-CHOGM niffukaw fuq d-diskussjonijiet bejn il-Ministri nfushom kif ukoll fid-djalogu mas-soċjeta’ ċivili. Il-Ministri kellhom wkoll l-opportunita’ li jilqgħu r-rapporti tal-laqgħat tal-Fora li saru f’Malta qabel iċ-ĊHOGM, jiġifieri il-Commonwealth Youth Forum, il-Commonwealth Women’s Forum, il-Commonwealth Business Forum u l-Commonwealth People’s Forum. Interessanti ħafna d-djalogu li nżamm mill-Ministri mar-rappreżentanti ta’ dawn il-Fora tant li saret proposta biex il-ħin għal dan id-djalogu ikun jista’ jiżdied fiċ-ĊHOGM li jmiss. Għalkemm iċ-CHOGM beda fis-27 ta’ Novembru, fil-fatt il-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin bdiet jumejn qabel, jiġifieri fil-25 ta’ Novembru. L-għan ta’ dan il-pre CHOGM meeting kien li l-Ministri jwittu t-triq għal laqgħat tal-kapijiet tal-Gvern. Fil-fatt, d-diskussjonijiet dwar il-Communique’ saru fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin u kif diġa semmejt, minħabba x-xogħol siewi li twettaq qabel iċ-CHOGM, dawn mxew ħarir. Fil-fatt, il-Communique kien approvat u adottat mill-Kapijiet ta’ Gvern b’numru ta’ tibdil aġġornat biex jieħu in konsiderazzjoni 1-iżviluppi fix-xena internazzjonali li kienu diskussi specjalment waqt l-irtir tagħhom li nżamm fil-Forti Sant Anglu. Fl-istess laqgħat tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin, tajt mandat lil grupp ta’ esperti, fosthom tnejn Maltin, is-Sur Michael Zammit Cutajar, Konsulent tal-Prim Ministru, li ippreseda l-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja fuq id-Dokument dwar l-Azzjoni Klimatika u l-ET Simone Borg, Ambaxxatriċi għall-Azzjoni Klimatika, li kienet il-Kap tad-delegazzjoni Maltija waqt din il-laqgħa li seħħet fil-25 sa 26 ta’ Novembru. Ta’ min wieħed isemmi, li din il-laqgħa kienet kruċjali ħafna għall-fatt li innegozzjat il-Leaders’ Statement on Climate Action, li eventwalment ġie adottat mill-Kapijiet tal-Gvern fis-Sessjoni Speċjali Eżekuttiva dwar l-Azzjoni Klimatika li saret fis-27 ta' Novembru 2015. F’din il-Sessjoni, ħadu sehem il-Kapijiet tal-Gvern tal-53 pajjiż, u fejn, fuq l-istedina tal-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat, hadu sehem ukoll il-President Franċiż, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda u l-Prinċep ta’ Wales. Dawn id-diskussjonijiet ma kienu faċli xejn, iżda wara ħafna xogħol u ħin twil ferm ta’ negozzjati fejn jiena stess kelli kuntatti u laqgħat kontinwi sabiex jiġu megħluba l-problemi li kien hemm, wasalna għal dokument li kien maqbul bejn kulħadd għajr delegazzjoni waħda. Wasalna iżda għal qbil unanimu, inkluż tal-pajjiż li kellu riservi dwar ċertu artikli, li npoġġu referenza fid-dokument stess għall-dawn l-istess riservi. Dan ippermettielna sabiex d-Dikjarazzjoni fuq l-Azzjoni Klimatika setgħat tiġi preżentata lil u addottata mill-Kapijiet ta’ Gvern waqt is-Sessjoni Speċjali. Din hi l-istess Dikjarazzjoni li l-Onor. Prim Ministru kellu l-unur li jippreżenta lill-mexxejja tad-dinja waqt il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda fuq it-Tibdil fil-Klima (COP-21) għan-nom tal-Commonwealth u bħala kontribut tal-Commonwealth u li skont l-esperti, għenet ferm fid-diskussjonijiet ġewwa Pariġi peress li daħlet idejat ġodda u utli li jgħinu fil-ġlieda kontra it-tibdil klimatiku. Iċ-CHOGM kien jikkomprendi xogħol sħiħ fuq dokument ieħor li jissejjaħ il-Leaders’ Statement. Din hija dikjarazzjoni li tiġbor fiha l-ispirtu tad-diskussjonijiet li ssir bejn il-Kapijiet ta’ Gvern u li l-Ministeru ikkontribwixxa bis-sħiħ għall-abbozz tieghu. Din id-diskussjoni misset ħafna temi fosthom l-paċi u s-sigurta’ globali, l-immigrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima, u t-tiġdid tal-Commonwealth. Diskussjonijiet bħal dawn jgħinu sabiex il-pajjiżi membri tal-Commonwealth jifhmu aħjar il-pożizzjonijiet ta’ xulxin u sabiex jaħdmu flimkien biex jipprovaw jilħqu soluzzjonijiet komuni. Bħala riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-Kapijiet tal-Gvern qablu fuq Dikjarazjoni finali li ukoll ġiet adottata unanimament. F’għeluq iC-CHOGM, Malta ħadet sehem ukoll Fil-Commonwealth Ministerial Action Group - CMAG - fejn Malta bħala Chair-in-Office għas-sentejn li gejjin, u jien bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin ser ikun Membru ex Officio f'dan il-Grupp Ministerjali. Qabel ma’ nispiċċa, ta’ min wieħed isemmi l-għexieren ta’ laqgħat bilaterali li żamm kemm il-Prim Ministru kif ukoll jiena ma’ ħafna delegazzjonijiet u li grazzi ukoll għalihom nispera li pajjiżna ikompli jgawdi iktar frott f’termini ta’ relazzjonijiet politiċi ma’ dawn il-pajjiżi, kif ukoll ekonomiċi. Ma nkun qed niżvela xejn meta’ ngħid li x-xogħol ta’ Malta kien apprezzat ferm mid-delegazzjonijiet barranin. Fi kliem is-Segretarju Ġenerali, iċ-CHOGM kien suċċess kbir u rċevejna kummenti sbieħ u nkoraġġanti mingħand sħabna l-pajjizi tal-Commonwealth fir-rigward ta’ Malta. Dan huwa suċċess li fuqu l-Ministeru tiegħi qed ikompli jibni fit-twettiq tal-politika barranija ta’ Malta.

First time offenders in possession of drugs — cases

Question

To ask the Minister, how many cases have been presented before the Commissioner of Justice in terms of Chapter 537 for first time offenders who are in possession of drugs, since the coming into force of this law?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Każijiet ppreżentati lit- Tribunal bejn Sep 2015 u Mar 2016 Nmu ta’ każijiet First time Offenders Maltin 258 First time Offenders Barranin 86 Total Cases 344

Drug Offenders Rehabilitation Board – second time offenders

Question

To ask the Minister, whether there have been any second time offenders who had already appeared before the Drug Offenders Rehabilitation Board, and if so, have any decisions been given?

Response (BONNICI, OWEN)

S'issa kien hemm każ wieħed li ser jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-Bord ta’ Riabilitazzjoni nhar is-27 ta’ April, 2016.

Non resident persons in Malta who were fined

Question

To ask the Minister whether there have been any habitually non-resident persons in Malta who were fined in terms of Article 4(5) of Chapter 537 and if so, how many, and were the payments inflicted, always made?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill- Onor Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt: No Value Non-Residents Fined 76 €5,378.00 Out of which paid 30 €2,675.00 Outstanding Fines 46 €2,703.00

Courts of Magistrates — cases

Question

To ask the Minister how many cases have there been before the Courts of Magistrates whereby the court converted itself into a Drug Court in terms of Article 8(1) of Chapter 537?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-2015 kien hemm 60 talba għal konverżjoni u sa issa 12 ġew riferuti lil-Bord. Fl-2016 kien hemm 20-il talba u tlieta minnhom ġew riferuti għall-Bord. S’issa kien hemm 5 każi fejn il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ikkonvertiet f’Qorti dwar id-droga.

Drug Offenders Rehabilitation Board

Question

To ask the Minister whether there have been any recommendations by the Drug Offenders Rehabilitation Board to the Courts of Magistrates on the rehabiltation of an offender?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-każi li ġew referuti lil Bord, il-Bord tar-Rijabilitazzjoni irrakkomanda trattament ta’ rijabilitazzjoni li ġie aċċettat mill-individwi. F’każ wieħed biss, l-individwu rrifjuta assistenza mingħand il-Bord tar-Rijabilitazzjoni.

Tmexxija tal-Malta Enterprise – investiment lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-perjodu li fih il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat dam imexxi l-Malta Enterprise x’kien il-valur tal-investiment li nġieb lejn Malta, imqabbel mal-valur ta’ investiment li nġieb lejn pajjiżna bejn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn 2009 u 2012 il-valur tal-investiment li nġib lejn Malta kien jammonta ta' 269.52 miljun ewro fi zmien tlett snin. Ma dan l-ammont hemm inkluż il-17.8 miljun ewro ta' TRC Entertainment li l-Gvern kien investa fiha (equity) u issa għalqet. Barra minnhekk inkuż ukoll hemm investiment ta' 80 miljun ewro ta' kumpanija fis-settur tal-enerġija li din qatt ma bdiet l-operat tagħha. Bejn Marzu 2013 u Settembru 2015, il-valur ta' nvestiment approvat jammonta għal 222.4 miljun ewro fi żmien tlett snin mistennija jiġġeneraw 3,433 mpjieg ġdid. Barra dawn hemm ukoll investiment marbut ma proġetti oħra li nġibu Malta bil-ħidma tal-Malta Enterprise imma l-investiment tagħhom mhux inkluż għax ma talbux għajnuna diretta mill-Korporazzjoni. Eżempju huwa il-każ ta’ Barts School of Medicine and Dentistry / Queen Mary University of London, liema proġett huwa orjentat lejn is-suq barrani.

Proġett tal-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar fiex wasal il-proġett tal-White Rocks u x’effett mistenni jkollu dan il-proġett fuq l-ekonomija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett tal-White Rocks Malta wasal fl-istadju ta’ evalwazzjoni tal-Proposti sottomessi għar-Request for Proposals (‘RFP’) relattiv. L-effett li dan il-proġett se jkollu fuq l-ekonomija jkun magħruf meta l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposti jkun ġie konkluż.