Għajnuna lil Malta rigward l-immigrazzjoni rregolari
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li qed iwettaq il-Ministeru tiegħu biex jittieħdu miżuri biex Malta tingħata l-għajnuna meħtieġa fir-rigward tal-immigrazzjoni rregolari?
Response (VELLA, GEORGE)
Tajjeb li nippreċiża li s-suġġett tal-migrazzjoni għandu żewġ aspetti li x-xogħol fuqhom jinqasam bejn il-Ministeru tiegħi u l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Il-Ministeru tiegħi huwa impenjat f’dak li jikkonċerna l-qasam barrani tal-migrazzjoni, jiġifieri dik l-azzjoni li Malta tieħu b’mod bilaterali fuq ħidma ta’ ritorn u ri-ammisjoni kif ukoll ħidma fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implimentata politika ta’ trażżin ta’ dan il-fenomenu. L-aspett intern huwa responsabbilta’ tal-Ministeru tal-Intern u Sigurta’ Nazzjonali.
Tajjeb li l-ewwelnett naġġorna lill-Kamra fuq ix-xogħol utli ħafna li sar fil-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni li għalih Malta ħadmet bis-sħiħ kif ukoll dwar l-aħħar żviluppi pożittivi li kellna. Matul is-Summit ġew maqbula d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni li għandu jwitti t-triq għal dik l-azzjoni li ser tittieħed f’pajjiżi ta’ oriġini sabiex tittaffa din il-problema. Matul is-Summit twaqqaf it-Trust Fund għall-Afrika li jikkonsisti f’finanzjament ta’ €1.8 biljun minn fondi Ewropej u madwar €82 miljun ieħor, ammont li jista’ jkompli jikber, li ġejjin minn Stati Ewropej jew Stati li qed jipparteċipaw f’dan it-Trust Fund, għall-proġetti ta’ żvilupp fil-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-proċessi ta’ Khartoum u ta’ Rabat.
Bħalissa l-Ministeru qed jaħdem fi ħdan l-istrutturi Ewropej fuq l-implementazzjoni tal-proġetti kemm jista’ jkun malajr kif maqbul waqt is-Summit. Dawn il-proġetti jridu jitwettqu sa’ tmiem l-2016 u se jibdew jagħtu prijorità lill-kawżi tal-problema, kif ikkonfermat mill-Pjan ta’ Azzjoni.
F’dan ir-rigward, għandi pjaċir ngħid li l-ewwel proġett tat-Trust Fund ġie ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2015 u ser jitwettaq f’erba reġjuni tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-Etjopja bi spiża ta’ madwar €20 miljun. Dan huwa l-ewwel proġett minn għaxra oħra b’budget totali ta’ €253 miljun li ġew maqbula mill-Fond Operattiv tat-Trust Fund u li kull proġett ser jindirizza l-qasam tal-immigrazzjoni irregolari mill-Afrika sub-Saħarjana. Ġew identifikati wkoll proġetti oħra għas-Somalja, l-Uganda u s-Sudan ta’ Isfel, kif ukoll 20 miżura oħra biex jgħinu lir-reġjuni tas-Sahel u Lake Chad.
Malta qegħda tikkontribwixxi €250,000 għat-Trust Fund, maqsuma f’ammont ugwali bejn il-Horn of Africa u t-Tramuntana tal-Afrika.
Sadanittant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kompla jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi Afrikani. Din il-ħidma tkompliet partikolarment fil-qasam tal-immigrazzjoni rregolari. Waqqafna relazzjonijiet diplomatiċi mas-Somalja, il-Burundi, it-Tanzanija u l-Kosta tal-Avorju. Il-Ministeru jinsab ukoll f’ħidma biex jitwaqqfu relazzjonijiet diplomatiċi ma’ Cape Verde.
Waqt il-Valletta Summit u ċ-CHOGM, kelli numru ta’ laqgħat bilaterali mal-awtorijtajiet tas-Sudan, l-Kosta tal-Avorju, l-Mozambique u l-Ghana.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin saħħaħ ukoll il-koperazzjoni tiegħu ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (l-IOM) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (il-UNHCR) biex inkomplu niġbdu l-attenzjoni għas-sitwazzjoni fil-Mediterran. Fil-fatt, kelli taħditiet f’Malta kemm mad-Direttur Ġenerali tal-IOM William Lacey Swing kif ukoll mal-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati Antonio Guterres.
Malta u l-IOM ikkollaboraw fuq numru ta’ proġetti, fosthom tnejn li għadhom għaddejjin sal-lum - RESTART (2009), fejn l-IOM assistiet fir-ritorn volontarju ta’ immigranti, kif ukoll programm ta’ taħriġ kontra t-traffikar ta’ bnedmin (2015 – 2016). L-IOM kellha wkoll rwol ċentrali fi proġetti ewlenin bħall-COMAM (Co-operation between Malta and African countries to enhance migration dialogue and development) I u II, u aktar riċenti COMAM III (2014 – 2015). L-għan ta’ dawn il-proġetti hu li jgħinu lil Gvern Malti fil-ħidma tiegħu biex ifassal u jimplementa miżuri ta’ ritorn volontarju filwaqt li jippromwovu l-koperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini fl-Afrika.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ipparteċipa wkoll fil-MAREMCA I u II (Strengthening Malta's Long-Term Return Management Capacities), imnedija bil-għan li jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta’ kapaċitajiet fit-tul fil-qasam tar-ritorn tal-immigranti. Saru numru ta’ laqgħat ma’ uffiċjali għolja minn Ministeri varji bil-għan li jkunu stabiliti relazzjonijiet ma’ pajjiżi Afrikani oħra u biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-identifikazzjoni u l-akkwist ta’ passaporti. Memoranda ta’ Ftehim ta’ koperazzjoni li jipprovdu għar-ripatrijazzjoni ta’ immigranti rregolari f’Malta ġew iffirmati mal-Burkina Faso, in-Niġerja u l-Gambja.
Qed ikunu kkunsidrati wkoll Memoranda ta’ Ftehim fuq Kwistjonijiet ta’ Migrazzjoni mal-Ghana, il-Mali, in-Niġer u l-Kosta tal-Avorju.