Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #19231 Sitting 386 2016-05-09 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għas-Saħħa

Operazzjoni tal-kataretta — pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti jistennew biex issirilhom l-operazzjoni tal-kataretta minn Ottubru sa Diċembru ta’ kull sena tas-snin 2013, 2014 u 2015?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2013, 2014 u 2015 l-istennija ta’ pazjenti biex issirilhom l-operazzjoni tal-kataretta naqqset drastikament kif muri fit-tabella ta’ hawn taht. Number of Open Cases (Catarects) End of 20133580 End of 20142531 End of 20151231

Dar tal-Anzjani –kiri ta’ sodod minn kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-kumpaniji li qed joffru servizz ta’ Dar tal-Anzjani lill-Gvern, u li ġew mikrija sodod mingħandhom matul is-snin 2013, 2014 u 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu, għas-snin imsemmija, tinsab fit-tabella t’hawn taħt: 2013 2014 2015 Sa Marzu 2016 CareMalta Ltd CareMalta Ltd CareMalta Ltd CareMalta Ltd Caring First Ltd Caring First Ltd Caring First Ltd Caring First Ltd Age Concern Ltd Age Concern Ltd Age Concern Ltd Age Concern Ltd Archidiocese of Malta Archidiocese of Malta Archidiocese of Malta Archidiocese of Malta Gozo Health Services Ltd Gozo Health Services Ltd Casa Francesco Ltd Casa Francesco Ltd

Djar tal-Anzjani – kiri ta’ sodod u servizzi minn kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-persentaġġ ta’ kull kumpanija li l-gvern kera s-sodod u s-servizzi tal-anzjani mingħandha meta mqabbel mal-ammont kollu li l-Gvern jikri kull sena għas-snin 2013, 2014 u 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persentaġġ ta’ kull kumpanija li l-Gvern kera s-sodod u s-servizzi tal-anzjani mingħandhom, meta mqabbel mal-ammont kollu li l-Gvern jikri kull sena fis-snin 2012, 2013, 2014, 2015, 2016 huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt: 2012 2013 2014 2015 2016 Total ta’ sodod mikrija 246 352 352 643 643 Care Malta Ltd 53.25% 43.18% 43.18% 53.34% 53.34% Age Concern Ltd 16.26% 19.89% 19.89% 10.89% 10.89% Caring First Ltd 14.23% 19.89% 19.89% 14.46% 14.46% Archidiocese of Malta 16.26% 17.04% 17.04% 14.31% 14.31% Gozo Health Services Ltd 3.11% 3.11% Casa Francesco Ltd 3.89% 3.89%

Djar tal-Anzjani – kiri ta’ sodod — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern biex ġew mikrija sodod għall-anzjani mill-privat u kemm hija din in-nefqa meta kkalkulata bħala proporzjon tal-ispiża li ssir mill-Ministeru għas-snin 2013, 2014 u 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Djar tal-Anzjani – Kiri ta’ Sodod - Nefqa 2013 € 2014 € 2015 € Spiża Globali (inkluż nefqa ta' SVPR) 66,433,794 76,994,220 84,921,553

Anzjani fil-komunità — sapport mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Ministeru tiegħu offra servizzi matul is-snin 2013, 2014 u 2015 bħala sapport għall-anzjani biex dawn jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita` offra servizzi varji matul is-snin imsemmija, bħala sapport għall-anzjani, biex dawn jibqgħu jgħixu fil-komunita` permezz tas-servizzi indikati hawn taħt: · Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar ( Home Help ) - Kullimkien f’Malta · Servizz ta’ Handyman – Kullimkien f’Malta · Servizz tal-Inkontinenza – Kullimkien f’Malta · Roħs fuq il-Kera tat-Telefown – Kullimkien f’Malta · Kartanzjan – Kullimkien f’Malta · Ċentri ta` Matul il-Jum – f’diversi postijiet mifruxa f’Malta · Is-Servizz tal- Meals on Wheels – Kullimkien f’Malta · Telecare – Kullimkien f’Malta · Telecareplus – Kullimkien f’Malta · Night Shelters ġewwa ż-Żejtun, Mellieha, Ħamrun, u r-Residenza San Vinċenz de Paule · Night Shelter ġewwa Għajnsielem Għawdex · Servizz ta’ Social Work – Kullimkien f’Malta · Servizz ta’ Respite ġewwa Casa Leone · Servizz ta’ Respite ġewwa r-Resideza San Vinċenz de Paule · Servizz ta’ Respite ġewwa Villa San Lawrenz Għawdex · Domiciliary Care – Kullimkien f’Malta u Għawdex · Servizz ta’ Outreach – Kullimkien f’Malta · Dementia Activity Centre ġewwa r-Resideza San Vinċenz de Paule · Dementia Activity Centre ġewwa Għajnsielem Għawdex · L-Iskema tal- Live-in-Carer – Kullimkien f’Malta

Anzjani fil-komunità — servizzi użati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani għamlu użu minn servizzi li l-Gvern ipprovda matul is-snin 2013, 2014 u 2015 biex ikunu ta’ sapport lilhom ħalli jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar tal-Anzjani – linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux linji gwida dwar standards fid-Djar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-linji gwida dwar standards fid-Djar tal-Anzjani huma kif dokumentat fid-dokument uffiċċjali ntitulat National Minimum Standards for Care Homes for Older People maħruġ u ppublikat mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, f`Settembru 2015. Dan ir-rapport huwa aċċessibli minn fuq is-sit elettroniku activeageing.gov.mt.

Strategic and Priorities Unit

Question

Fid-dawl tal-fatt li kien biss fl-aħħar sentejn li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista saret konxja ħafna tal-meritokrazija, jista’ l-Ministru jsemmi l-kwalifiki u l-esperjenza tal-persuni li nħatru fl-iStrategic and Priorities Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-persuni li nħatru fl-iStrategic and Priorities Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi għandhom esperjenza kbira ta’ għexieren ta’ snin fid-diplomazija. L-Ambaxxatur Saviour Borg ilu jservi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għal kważi 38 sena. Huwa serva bħala Rappreżentant Permanenti għal aktar minn erba’ snin fi New York kif ukoll għal erba’ snin oħra f’Ġinevra. F’dawn iż-żewġ postijiet serva wkoll f’karigi oħra għal diversi snin. Huwa kien ukoll Rapporteur tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet Inaljenabbli tal-Poplu Palestinjan kif ukoll Deputat Rappreżentant għall-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda. Serva wkoll bħala Rappreżentant Permanenti għall-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda fi Vjenna u għall-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) u l-Għaqda Dinjija għall-Kummerċ (WTO). Għandu wkoll esperjenza vasta fuq il-Commonwealth. Is-Sur Borg kien Ambaxxatur għaċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea u r-Reppubblika Demokratika tal-Korea. Illum huwa Ambaxxatur mhux residenti għall-Isvizzera, l-Liechtenstein u l-Bosnia Herzegovina. L-Ambaxxatur Alfred Zarb serva għal erba’ snin fir-Rappreżentanza Permanenti fi New York u għen sabiex titwaqqaf l-Ambaxxata f’Washington, l-Istati Uniti u r-Rappreżentanza Permanenti f’Ġinevra. Huwa kien appuntat ambaxxatur għall-Alġerija, it-Tunezija u l-Marokk, kif ukoll Rappreżentant ta’ Malta għal-Lega ta’ l-Istati Għarab. Fl-istess waqt kien Direttur tar-Relazzjonijiet Bilaterali. L-Ambaxxatur Zarb għandu esperjenza dwar il-Mediterran u serva bħala Rappreżentant ta’ Malta fil-Proċess ta’ Barcelona (il-Euro Med), il-Mediterranean Forum, kif ukoll għall-Western Mediterranean Dialogue (il-5+5). Huwa kien ko-ordinatur fid-delegazzjoni ta’ Malta li ħadmet sabiex titwaqqaf l-Assemblea Parlamentari tal- Mediterran (il-PAM) li għandha il-kwartieri tagħha f’Malta. Ħadem ukoll sabiex kien stabbilit f’Malta l-Uffiċċju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab (l-ECLASLO). L-Ambaxxatur Zarb innegozja ukoll it-twaqqif f’ Malta tal-Institute of Justice and Rule of Law (l-IIJ). Bħalissa qed iservi bħala Ambaxxatur mhux residenti ghall-Kroazja u s-Slovenja. Huwa wkoll membru tal-Board tal-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi (il-MEDAC), l-Institute of Justice and Rule of Law u l-iSteering Committee tal-ECLASLO. F’Jum ir-Repubblika 2015 kien onorat mill-E T il-President tar-Repubblika bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fl-okkażjoni tal-ħamsin sena ħidma kontinwa tiegħu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. L-Ambaxxatur Joseph Mangion ilu jservi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin mill-1976. Huwa ħadem f’diversi sezzjonijiet tal-Ministeru, li jkopru r-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali, u serva f’diversi karigi f’Ambaxxati barra minn Malta. L-Ambaxxatur Mangion serva fl-Ambaxxata Maltija fi Tripli u fil-Kajr kif ukoll kien Uffiċċjal Diplomatiku fl-Uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rapprezentanti. L-Ambaxxatur Mangion attenda diversi konferenzi kemm fuq livell governattiv kif ukoll fuq livell Parlamentari u kellu sehem dirett fit-twaqqif tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran f’Malta. Huwa għandu esperjenza u għarfien konsiderevoli tad-Dinja Gharbija u bħalissa qieghed iservi bħala Ambaxxatur mhux residenti għall-Oman u l-Iran kif ukoll bhala Special Envoy tal-Ministru ghall-Affarijiet Barranin fuq il-Libja. Fuq kollox, huma persuni integri, leali u għandhom dedikazzjoni kbira lejn is-servizz. Nassigura lill-Onor. Interpellant li għandi l-ikbar rispett u l-aħjar relazzjonijiet mal-membri kollha tal-Ministeru li għandhom dawn il-kwalitajiet, irrispettivament mit-twemmin politiku tagħhom. Kif jista’ jara l-Onor. Interpellant, ma jidhirlix li wieħed jista’ jiddubita li d-deċiżjoni li ħadt li naħtar lil dawn il-persuni fl-iStrategic and Priorities Unit hija bbażata fuq il-meritokrazija.

Adozzjonijiet ta’ tfal barranin minn koppji Maltin

Question

X’ħidma qed iwettaq il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sabiex isir ftehim għall-adozzjoni ta’ tfal barranin minn koppji Maltin? X’għajnuna qed joffri l-Ministeru lill-koppji Maltin li jmorru f’pajjiżi barranin għal dan l-iskop?

Response (VELLA, GEORGE)

It-tema tal-adozzjonijiet ta’ tfal barranin minn koppji Maltin hija sensittiva ħafna u delikata. Għaldaqstant jien u l-Ministeru tiegħi nagħtu prijorità kbira lil dan l-aspett tal-ħidma bilaterali tagħna biex fejn hu possibli jiġu ffirmati trattati li joffru qafas legali u proċeduri li jirregolaw dan il-proċess. L-għan aħħari huwa li jiġi assigurat l-aħjar interess tat-tfal. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin iżomm kuntatt mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali f’kull stadju ta’ din il-ħidma. In-negozjati dwar dawn it-trattati m’humiex sempliċi għax ħafna drabi wieħed irid jassigura li dan il-proċess ikun ħieles minn kull forma ta’ abbuż. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni wkoll aspetti kulturali u reliġjużi tal-pajjiż li miegħu nkunu qegħdin ninnegozjaw. Fis-sena 2014 ġie iffirmat Protokoll ta’ Koperazzjoni bejn id-dipartimenti rispettivi ta’ Malta u tal-Islovakkja. Dan il-Protokoll daħal fis-seħħ fl-istess sena. Fl-2015 bdejna l-proċess biex nirrevedu il-ftehim mal-Albanija, biex fi Frar ta’ din is-sena l-Onor. Michael Farrugia kellu laqgħat mal-Ministru Albaniż ikkonċernat. Huwa mistenni li t-trattat il-ġdid jkun ffirmat dalwaqt. Fit-3 ta’ Frar 2016, iffirmajt Ftehim ta’ Qafas ta’ Koperazzjoni mal-Kosovo fejn l-awtoritajiet tal-Kosovo ikkommettew ruħhom li jgħaddu pakkett ta’ informazzjoni dwar il-proċess u proċeduri ta’ adozzjoni ta’ tfal mill-Kosovo. Bħalissa l-Ministeru qiegħed jaħdem biex jintlaħaq ftehim dwar l-adozzjonijiet mill-Ghana. Fil-11 ta’ Settembru 2015, waqt l-ewwel sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta Teknika ġiet diskussa wkoll koperazzjoni dwar l-adozzjonijiet tat-tfal. Malta għamlet numru ta’ mistoqsijiet fuq il-kwistjoni biex eventwalment tippreżenta abbozz ta’ ftehim dwar l-adozzjoni mill-Ghana. Għaddejjin taħdidiet u konsultazzjonijiet bil-għan li eventwalment jiġi ffirmat ftehim dwar l-adozzjonijiet mar-Russja. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jieħu kull okkażjoni biex jsemmi dan is-suġġett f’taħdidet tal-ogħla livell politiku kif ukoll dak tekniku anki permezz tal-Ambaxxata Maltija f’Moska. Il-Ministeru qed jgħarraf lill-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali bl-iżviluppi f’dan il-qasam. Il-Ministeru huwa nfurmat li anki fin-nuqqas ta’ Ftehim formali, kien hemm numru ta’ adozzjonijiet mir-Russja f’dawn l-aħħar snin. Rigward adozzjonijiet mill-Etjopja, peress li l-orfanatrofji ma jistgħux iservu bħala uffiċċji rappreżentattivi, qed nesploraw metodi oħra ta’ kif jista’ jkun possibili li naslu għal ftehim dwar adozzjoni ta’ tfal Etjopjani minn koppji Maltin. Il-Ministeru ser jibqa’ jaħdem id f’id mal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali biex tinstab soluzzjoni li tindirizza l-kundizjonijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Etjopja. Qed tkun esplorata wkoll il-possibilità li jintlaħaq ftehim dwar l-adozzjoni ta’ tfal mill-Kambodja. Qegħdin nevalwaw l-aħjar prassi biex jiġi nnominat u akkreditat rappreżentant fil-kapitali Kambodjana għall-aġenżija Maltija. Diġà saru kuntatti mal-Ambaxxata tal-Kambodja ġewwa Pariġi u qed nistennew tweġiba mill-awtoritajiet tal-Kambodja. Apparti mill-ħidma biex jintlaħqu trattati dwar l-adozzjoni internazzjonali l-Ministeru jagħti diversi forom ta’ għajnuna prattika permezz ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti, trasmissjoni ta’ dokumenti, faċilizzazzjoni ta’ komunikazzjoni, ħruġ ta’ viżi u assistenza konsolari ġenerali.

Proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x’ħidma qed jagħmel il-gvern Malti biex ikun riattivat il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, kif kien imwiegħed mill-gvern fil-Programm Elettorali tiegħu?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Gvern Malti kontinwament jimpenja ruħu sabiex Malta tappoġġja l-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani kif ukoll sabiex iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jiltaqgħu f’negozjati bilaterali diretti. Malta kienet attiva kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex tingħata l-attenzjoni tant meħtieġa għas-sostenn tal-proċess ta’ paċi u sabiex dan is-suġġett jibqa’ fuq l-aġenda tal-istess Unjoni. F’bosta dikjarazzjonijiet Malta għamiltha ċara li l-espansjoni tal-qagħdiet Iżraeljani huma illegali taħt il-liġi internazzjonali u ma jwasslux għal soluzzjoni ta’ paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani mfassla fuq żewġ stati. Malta ikkundannat bla riżerva kull forma ta’ vjolenza, jagħmilha min jagħmilha, u tenniet bis-sħiħ li bil-vjolenza ma jinstabux soluzzjonijiet. Atti simili jwasslu biss għal miżuri ta’ tpattija, mibegħda, tbatija u ħruxija. Malta konsistentement issemma’ leħinha favur il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani fil-laqgħat li jsiru regolarment fi-ħdan il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea. Fl-interventi tagħha, Malta dejjem tisħaq dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea għandha jkollha rwol aktar attiv f’din il-kwistjoni, flimkien ma’ pajjiżi u entitajiet oħra li ilhom jagħtu sehemhom f’din il-kwistjoni. Ta’ min isemmi li l-impenn ta’ Malta hu rifless ukoll f’ numru ta’ żjarat bilaterali. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u jien żorna Iżrael u l-Palestina f’Ottubru 2013. Hemmhekk kellna taħdidiet mal-ogħla rapprezentati politiċi, fosthom mal-Prim Ministru ta’ Iżrael u mal-Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Palestinjani. F’Ottubru 2014, erġajt żort dawn iż-żewġ pajjiżi u ltqajt mal-President u l-Prim Ministru Palestinjani u mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi. Irrid ukoll insemmi li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Palestinjan, l-E. T. Riad Malki ukoll żar Malta darbtejn, f’Ġunju 2013 u f’Mejju tas-sena l-oħra. Malta wkoll ġibdet l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni umanitarja allarmanti f’Gaża. Niftakar li meta għamilt żjara fil-belt ta’ Shejaya waqt żjara fil-Palestina fit-30 t’Ottubru 2014 rajt mill-qrib id-distruzzjoni li ġarrab il-poplu Palestinjan f’Gaża wara l-avvenimenti traġiċi tas-sajf tal-2014 u sħaqt dwar l-importanza ta’ soluzzjoni dejjiema fil-Lvant Nofsani kemm fuq livell umanitarju kif ukoll fuq dak politiku sabiex tittaffa l-qagħda mwiegħra tal-popolazzjoni. F’livell multilaterali, Malta kompliet issegwi u tappoġġja s-soluzzjoni ta’ żewġ stati u tippromwovi d-djalogu u l-fiduċja bejn il-partijiet involuti fil-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani. F’dan ir-rigward, irrid ukoll infakkar li Malta taqdi ir-rwol ta’ Rapporteur tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet Inaljenabbli tal-Poplu Palestinjan. Malta tipprejiedi wkoll il-Working Group ta’ dan il-Kumitat li l-għan tiegħu hu li jkabbar l-għarfien tal-Kumitat u jorganizza attivitajiet bħal films, esebizzjonijiet u diskussjonijiet. F’dan ir-rwol Malta sservi bħala vuċi ta’ moderazzjoni filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-Ġnus Magħquda bħala forum multilaterali għar-riżoluzzjoni paċifika ta’ konflitti, partikolarment f’dal-każ tal-konflitt fil-Lvant Nofsani. B’mod konkret, irrid insemmi ukoll li Malta tikkontribwixxi fil-proċess tat-tisħiħ tal-hekk msejjaħ ‘state building’ fil-Palestina billi tgħin finanzjarjament proġetti tal-Unjoni Ewropea, proġetti bilaterali fl-ambitu tal-politika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin dwar assistenza uffiċċjali fil-qasam tal-iżvillup (ODA), kif ukoll b’boroż ta’ studju fl-Universita ta’ Malta u fil-MEDAC fuq bażi annwali.

Żvilupp demokratiku fl-Afrika ta’ Fuq

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x’ħidma qed jagħmel il-Ministeru tiegħu għall-iżvilupp demokratiku fl-Afrika ta’ Fuq, kif imwiegħed mill-gvern fil-Programm Elettorali tiegħu, partikolarment wara l-avvenimenti magħrufa bħar-Rebbiegħa Għarbija u l-iżviluppi fil-Libja, fit-Tuneżija u fl-Eġittu?

Response (VELLA, GEORGE)

L-iżvilupp demokratiku fl-Afrika ta’ Fuq hu ta’ importanza kbira. Malta kontinwament iżżomm l-iżviluppi li jseħħu fin-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-pajjiżi ġirien tagħha fuq l-Aġenda tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministeru dejjem jisħaq li l-kwistjonijiet attwali tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq jingħataw priorita’ anke f’konferenzi reġjonali jew internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (l-OSCE), il-Ġnus Maqgħuda, il-Grupp MED 7, l-Unjoni għall-Mediterran (UfM) u laqgħat oħra. Waqt il-Valletta Summit kelli wkoll numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ministri għall-Affarijiet Barrnin minn pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, fosthom tal-Marokk u tal-Eġittu, fejn iddiskutejna s-sitwazzjoni fil-Mediterran. Malta tosserva u tirrispetta r-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Maqgħuda li jikkonċernaw l-iżvilupp demokratiku fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq kif ukoll dawk id-deċiżjonijiet meħuda fil-Kunsill Ewropew għall-Affarijiet Barranin. Għaldaqstant, il-Ministeru laqa’ b’ferħ il-ftehim politiku għall-għaqda nazzjonali fil-Libja, iffaċilitat mill-Ġnus Maqgħuda, li ġie iffirmat fi Skhirat f’Diċembru 2015. Dan il-ftehim jipprovdi sigurtà u ħarsien tad-drittijiet demokratiċi għall-poplu Libjan; sisien li jwasslu għal rikonċiljazzjoni nazzjonali msejsa fuq tqassim ta’ poteri b’mod demokratiku, għall-istituzzjonijiet nazzjonali u rispett lejn is-sistema ġudizjarja, id-drittijiet legali tal-istat u d-drittijiet umani. Dan l-aħħar erġajt ħeġġiġt lill-Kamra tar-Rappreżentanti f’Tobruk biex taġixxi fl-aħjar interessi tal-Libja u tal-poplu Libjan. Aħna konna diġa’ bdejna nuru l-appoġġ tagħna lill-poplu Libjan fit-triq ta’ transizzjoni billi fit-23 ta’ Ġunju 2013 il-Prim Ministru l-Onor. Dr. Joseph Muscat mexxa delegazzjoni li kienet tinkludi lili u lill-Ministri tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali, it-Turiżmu, l-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma fil-Libja. Fi Tripli ddiskutejna s-sigurta, l-immigrazzjoni illegali, capacity building, koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, l-enerġija, affarijiet konsolari u relazzjonijiet bilaterali inġenerali. Fl-21 ta’ Ottubru 2014, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju tal-Ġnus Magħquda, Bernardino Leon, iltaqa’ mal-Prim Ministru Libjan Abdullah Al-Thinni f’Malta. Dan kien messaġġ ċar u bikri li Malta kienet lesta li tilqa’ lil-dawk kollha li riedu jagħtu sehmhom għall-paċi. Il-Prim Ministru al-Thinni kellu taħdidiet mal-Prim Ministru, li jiena attendejt ukoll. Minn wara l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija, l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin wera l-appoġġ ta’ Malta għall-proċeduri politiċi ta’ djalogu maħsubin biex tissaħħaħ id-demokrazija fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. L-uffiċjali Maltin fl-Ambaxxati ibbażati f’dawn l-istess pajjiżi kontinwament jipparteċipaw f’laqgħat bilaterali u multilaterali li jikkonċernaw dan l-iżvilupp, l-aktar dawk tal-United Nations Support Mission in Libya, l-UNSMIL. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin issottometta proposta ta’ programm ta’ taħriġ lill-UNSMIL sabiex jiġu mħarrġa uffiċjali tal-pulizija Libjani f’Malta ġaladarba jitwaqqaf gvern wieħed ta’ rikonċiljazzjoni fil-Libja. Fit-13 ta’ Marzu 2016 ir-Rappreżentant tas-Segretarju tal-Ġnus Maqgħuda u l-kap tal-UNSMIL għal-Libja, Martin Kobler, għamel żjara qasira f’Malta biex iddiskutejna l-qagħda mwegħra fil-Libja. Min-naħa tiegħi assigurajt lir-Rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali li Malta tibqa’ tappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta’ paċi tal-Ġnus Maqgħuda bil-għan li jitwaqqaf Gvern wieħed u ta’ għaqda fil-Libja. Ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali irringrazzjani għal impenn u s-sapport ta’ Malta lill-Ġnus Maqgħuda. Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u t-Tuneżija komplew jissaħħu sa minn kmieni f’din il-leġislatura. Jien ipparteċipajt fil-Konferenza internazzjonali bl-isem “Invest in Tunisia: Start Up Democracy” fit-8 ta’ Settembru 2014 fejn ġew diskussi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiż u ħadt sehem attiv fid-diskussjonijiet li ndirizzaw id-diffikultajiet relatati mal-perijodu ta’ transizzjoni demokratika u riformi meħtieġa fit-Tuneżija. Fit-12 ta’Mejju 2015 żort it-Tuneżija u ffirmajna Memorandum of Understanding sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Matul din iż-żjara kelli laqgħat mal-President tar-Repubblika Tuneżina, l-E. T. Beji Caid Essebsi, mal-Prim Ministru l-E. T. Habib Essid, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin l-E. T. Taieb Bacchouche u mal-President tal-Parlament Tuneżin l-E. T. Mohamed Ennaceur. Din iż-żjara seħħet ftit ġimgħat wara l-attakk fuq il-Mużew Bardo li jinsab viċin il-bini tal-Parlament Tuneżin. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin joffri boroż ta’ studji lil studenti mit-Tuneżija biex jitħarrġu fil-MEDAC u kors fl-aspetti umanitarji fl-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta, li jkomplu jghinu lit-Tuneżija fl-iżvilupp demokratiku tagħha. Fit-18 ta’ Novembru 2015 akkumpanjajt lill-Prim Ministru fuq żjara uffiċjali fl-Alġerija fejn saru laqgħat mal-Prim Ministru tal-Alġerija l-E. T. Abdelmalek Sellal u ma’ numru ta’ membri tal-Kabinett Alġerin bil-għan li bejn iż-żewġ pajjiżi terġa’ tissaħħaħ f’diversi oqsma fosthom immaniġġjar tat-turiżmu, is-saħħa, ir-relazzjonijiet marittimi u l-enerġija konvenzjonali u rinnovabbli. F’din l-okkażjoni, flimkien mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin Alġerin, iffirmajna ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru. Il-ħidma ta’ koperazzjoni mal-Alġerija tkompliet biż-żjara tal-President l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, f’Jannar li għadda. B’din iż-żjara komplew jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali, b’ mod partikulari fil-qasam ekonomiku. Bħalissa għaddej xogħol intensiv għat-tħejjija tal-Kummissjoni Mħallta. L-iżvilupp demokratiku fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq qed ikun mgħejjun wkoll permezz tat-taħriġ lil uffiċjali nvoluti fil-qasam tal-liġi u l-ġustizzja li joffri l-International Institute for Justice and the Rule of Law (l-IIJ) li twaqqaf f’Malta fl-2014 mill-Global Counter Terrorism Forum bl-għajnuna sħiħa tal-Ministeru tiegħi. Il-Ministeru se jissokta bil-ħidma tiegħu f’dan il-qasam anke matul il-Presidenza Ewropea ta’ Malta fl-2017. Il-linja gwida politika ta’ Malta se tkun li tingħata iktar attenzjoni għall-politika reġjonali tal-Mediterran speċjalment dik tan-Nofsinhar sabiex tingħata spinta għall-iżvilupp demokratiku u biex ir-reviżjoni tal-European Neighbourhood Policy tiżgura li l-politika tal-UE lejn dawn il-pajjiżi tkun imfassla skond il-ħtiġijiet tagħhom.

International Institute for Justice and the Rule of Law

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-rwol tal-Ministeru tiegħu biex jinġieb Malta l-International Institute for Justice and the Rule of Law? Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed jopera dan l-Istitut?

Response (VELLA, GEORGE)

L-offerta biex dan l-Istitut jiġi mwaqqaf f'Malta, ġiet oriġinarjament minn rappreżentant għall-Global Counter Terrorism Forum. Saru negozjati inizjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, li wasslu għal deċiżjoni tal-Kabinett fit-30 ta' Lulju 2013, favur li jitwaqqaf dan l-Istitut. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin beda negozjati kemm f'Malta f'livell tal-Ministeru kif ukoll fi New York f'laqgħat ma' uffiċjali ta' l-iState Department waqt il-Ministerial Week tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. In-negozjati kienu jinkludu l-organizazzjoni tal-Istitut, kif ukoll aspetti amministrattivi. B'riżultat ta' dawn in-negozjati, fl-20 ta' Ġunju 2014 ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern ta' Malta u l-International Institute for Justice and the Rule of Law dwar l-operat tal-Istitut f'Malta. Il-Ministeru għen ukoll sabiex jinstab post adekwat għal dan l-Istitut li sejjer jopera mill-Armerija fil-Birgu. Sakemm isir ir-restawr li hemm bżonn minn naħa tal-operaturi, l-Istitut qiegħed jopera regolarment mill-Università l-Qadima fil-Belt, Valletta.

Dar tal-Anzjani – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex ikunu residenti f’Dar tal-Anzjani matul is-snin 2013, 2014 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2015? Jista’ jgħid jekk din is-sitwazzjoni ta’ stennija hijiex qed tiġi studjata u x’qed jaħseb li tista’ tkun is-soluzzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Kummissarju għall-Ġustizzja – seduti fuq każijiet tad-drogi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il seduta nżammet mill-Kummissarju għall-Ġustizzja li tippresjedi fuq każjiet tad-drogi ai termini tal-Kapitlu 537 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Każijiet ppreżentati lit-Tribunal bejn Sep 2015 u Mar 2016 Numru ta’ każijiet First time Offenders Maltin 258 First time Offenders Barranin 86 Total Cases 344

Kummissarju għall-Ġustizzja – nies li dehru darbtejn u aktar fuq akkużi relatati maddroga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi nies li diġà dehru darbtejn jew aktar quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja fuq akkużi relatati mad-droga ai termini tal-artikolu 5(1) tal-Kap 537?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm l-ewwel każ ta' second time offender nhar il-Ġimgħa 8 ta' April. Huwa previżt li dan in-numru jiżdied issa li kien hemm numru sostanzjali ta’ persuni li dehru għall-ewwel darba. Il-każ li ġie riferut lill-Bord tar-Riabilitazzjoni kien każ serju ħafna li jinvolvi minuri li kellu diversi problemi psiko-soċjali li jeħtieġu attenzjoni mill-professjonisti. L-impożizzjoni ta' trattament f'dan il-każ kien providenzjali għax il-minuri ma xtaqx li jirċievi għajnuna u ried li jkompli bl-abbuż tad-droga. Meta ġie spjegat lil din il-persuna li jkun aħjar jekk issegwi il-pjan ta' trattament, din il-persuna stess tat l-kunsens tagħha u ikkooperat. Grazzi għall-liġi l-ġdida tad-droga, din il-persuna minorenni ngħatat ċans ieħor u bdiet tingħata t-trattament dovut.

Drug Offenders Rehabilitation Board — rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Drug Offenders Rehabilitation Board ippreżentax xi rapporti b'rakkomandazzjonijiet lura lill-Qorti tal-Maġistrati minn mindu ġie fis-seħħ il-Kap 537?

Response (BONNICI, OWEN)

Id-Drug Offenders Rehabilitation Board regolarment jirreferi lil Qorti tal-Maġistrati dwar ir-rijabilitazzjoni ta’ kull każ li jidher quddiemu, kif ukoll kull meta l-Qorti tal-Maġistrati titlob rapport fuq xi każ partikolari.

Qorti dwar id-droga — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'żieda mal-mistoqsija parlamentari W425 jekk apparti l-ħames każijiet li kienu qegħdin jiġu mismugħha quddiem il-maġistrat li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din ikkonvertit ruħha f'Drug Court, kienx hemm qrati oħra preseduti minn maġistrati oħra li għamlu l-istess, u jekk iva, kemm kien hemm?

Response (BONNICI, OWEN)

Apparti l-ħames każijiet quddiem il-Ġudikant imsemmi, kien hemm każ wieħed quddiem Maġistrat ieħor.

Kummissarju għall-Ġustizzja — appelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi appelli mill-Avukat Ġenerali mis-sentenzi li ngħataw mill-Kummissarju għall-Ġustizzja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u f'każ li kien hemm, kemm kien l-ammont u jekk dawn ġewx konfermati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kien hemm ebda appelli mill-Avukat Ġenerali minn deċiżjonijiet indikati fil-mistoqsija parlamentari.

Att Dwar Dipendenza fuq id-Droga Kap. 537 – arresti fil-konfront ta’ reati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi arresti magħmula fil-konfront ta’ reati naxxenti mill-Kapitolu 537 fil-konfront ta’ persuni residenti Malta sabiex jidhru quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u f'każ li kien hemm, kemm hu l-ammont?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn April 2015 sal-lum kien hemm ħames mija u tlett (503) arresti fil-konfront ta’ reati naxxenti mill-Kapitolu 537. Minn Dawn, tlett mija u disa’ u disgħin (399) kienu Maltin residenti Malta u mija u erbgħa (104) kienu barranin. Ma tinzamx statistika li distingwi bejn barranin li huma residenti f’Malta u dawk li m’humiex.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ġustizzja – kawżi li għadhom ma ġewx reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi li għadhom ma ġewx reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ġustizzja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li sal-lum 27 ta’April 2016 f’Għawdex kien hemm sitta u erbgħin (46) kawza li kienu għadhom ma ġewx reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ġustizzja, filwaqt li f’Malta kien hemm sbatax (17) il-kawza li wkoll iridu jiġu rreġistrati.