Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ingaġġati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni preżenti jew passati li kienu jew għadhom jaħdmu jew jokkupaw xi kariga f’xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu sa mill-2008 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’kariga jokkupa/tokkupa u x’pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra hemm marbuta mal-kariga?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw xogħol, kemm b’direct order jew wara sejħa pubblika l-Avukat u jew id-Ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sew jekk b’konsulenza jew xogħol ieħor għas-snin 2003–2013?
Għotja ta’ tablet lill-istudenti tal-iskejjel tal-istat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett pilota li jingħata tablet lill-istudenti tal-years 3 u 4 fl-iskejjel tal-Istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota tat-tablets intemm f’Marzu tal-2015. Preżentement għaddejjin tenders, li fihom hu mitlub ix-xiri tat-tablets u softwer, li sejrin jingħataw lill-għalliema, l-LSAs u lill-istudenti kollha tar-Raba’ sena hekk kif kien propost u pjanat, fl-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, fis-sena skolastika 2016/2017. Mal-għeluq tal-proċess tat-tendering jibda l-aġġudikar. Sadanittant sar l-ewwel taħriġ lill-għalliema, tqassmu kotba dwar kif tgħallem bit-tablet, tlestew ideat għal lezzjonijiet bit-tablet u se jitkompla t-taħriġ malli jinxtraw it-tablets.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew turisti Malta u Għawdex matul is-snin 2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid x’inhi t-trend li qed jindika dan is-settur?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi figuri ppublikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika juru li matul is-sena 2015, 1.8 miljun turist żaru il-gzejjer Maltin. Din il-figura tirrifletti żieda ta’ 5.4% fuq is-sena 2014 u żieda ta’ 13.6% fuq is-sena 2013.
Is-settur tat-turiżmu qed juri andament pożittiv ħafna fejn mis-sena 2010 lil hawn, ġie rreġistrat rekord wara l-ieħor fin-numru ta’ turisti li żaru Malta u Għawdex. It-trend pożittiva qed tkompli fis-sena 2016, u fil-fatt sa April rajna żieda ta’ 11% fuq l-istess perjodi tas-sena l-oħra.
It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi t-total ta’ viżitaturi, inkluż dawk li ġew permezz ta’ cruiseliners u qattgħu lejl f’Malta, mill-2010 sal-2015.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inkrew karozzi, muturi u vetturi oħrajn mit-turisti li kienu Malta matul is-snin 2013, 2014 u 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi statistika uffiċjali dwar kemm inkrew karozzi, muturi u vetturi oħrajn minn turisti matul is-snin 2013/2014/2015 m’hix disponibbli.
Minn stħarriġ li tagħmel l-Awtorita’ tat-Turiżmu dwar l-ispiża tat-turisti fil-pajjiż joħroġ li:
· Fis-sena 2013, 17.4% (madwar: 275,300 turist) tat-turisti nefqu flus fuq kiri ta’ vettura
· Fis-sena 2014, 16.8% (madwar: 283,900 turist) tat-turisti nefqu flus fuq kiri ta’ vettura
· Fis-sena 2015, 18.7% (madwar: 335,000 turist) tat-turisti nefqu flus fuq kiri ta’ vettura
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li ssir Politika Nazzjonali dwar il-films? Jista’ jgħid meta hemm il-pjan li din il-politika tkun fis-seħħ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-ewwel Politika Nazzjonali tal-Films f’pajjiżna ġiet imjedija f’Jannar 2016. Din il-Politika hija l-unika waħda tax-xorta tagħha fl-istorja ta’ 90 sena ta’ films f’pajjiżna.
L-iskop wara din il-politka kien sabiex pajjiżna jkollu direzzjoni ċara fi ħdan is-settur. Matul l-aħħar sentejn, l-industrija tal-films f'Malta ħadet dimensjoni ġdida u dan is-settur huwa kontributur ieħor importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta.
Din il-politika se tkun qed tistabbilixxi viżjoni u strateġija għall-ħames snin li ġejjin, sabiex nimmassimizzaw il-potenzjal tal-industrija tal-films kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Din il-politika ser twassal biex Malta tistabbilixxi isimha fuq il-mappa internazzjonali bħala destinazzjoni unika tal-films.
Id-dokument ta’ politika huwa frott ta’ ħidma bla heda ta’ kunsill konsultattiv li ġie mwaqqaf apposta, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, kif ukoll il-pubbliku inġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-trends u mil-liema pajjiżi ġejjin it-turisti? Jista’ jgħid jekk tlifniex xi suq li kellna u fejn irbaħna swieq ġodda?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, turi li s-swieq l-aktar importanti għal Malta huma dawk Ewropej fejn l-akbar suq għal pajjiżna huwa l-Gran Brittanja, segwit mill-Italja, Ġermanja u Franza. Barra minn dawn, hemm numru kbir ta’ swieq oħra kemm fl’Ewropa kif ukoll lil hinn minnha, li għalkemm iżgħar, huma mportanti ħafna għat-tkabbir fit-turiżmu f’Malta. Fost dawn, ta’ min isemmi s-suq Amerikan li rreġistra l-akbar ħieda perċentwali fis-sena 2015.
Kif turi t-tabella, ħafna mis-swieq irreġistraw ħieda fis-sena 2015, filwaqt li nuqqas inħass partikolarment miss-suq Russu u Libyan, minhabba is-sitwazzjoni geo-politika f’dawn il-pajjiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħolqu impjiegi ġodda fis-snin 2013/2014/2015, f’liema setturi nħolqu u kemm minn dawn l-impjiegi mtlew minn persuni Maltin u kemm minn persuni mhux ta’ nazzjonalità Maltija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ m’għandhiex informazzjoni dwar kemm inħolqu impjiegi ġodda minħabba li fil-formula ta’ ingaġġ ma jkunx hemm informazzjoni li turi jekk impjieg huwiex ġdid jew ġiex sostitwit.
Madankollu, skont l-informazzjoni li għandha l-istess Korporazzjoni, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi ż-żieda jew tnaqqis fl-impjiegi full-time u part-time fl-aħħar ta’ Diċembru 2013, Diċembru 2014 u Novembru 2015 li huma l-aħħar ċifri ppubblikati. It-tabella turi ċ-ċifri tal-persuni li kienu qegħdin jaħdmu settur b’settur skont in-nazzjonalità (Maltin jew Nazzjonalità mhux Maltija). It-tnaqqis ta’ impjegati Maltin reġistrat fl-2014 fl-attività ekonomika li tidher f’Nace Code 35 hija riżultat ta’ bidla (shift) għal Nace Code 78.
Jista’ l-Ministru jgħid humiex isiru spezzjonijiet ta’ prodotti agrikoli importati u miġjuba f’Malta bil-baħar u jekk dawn l-istess prodotti humiex jiġu importati skont il-kundizzjonijiet li titlob l-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid kemm-il spezzjoni saret fuq din it-tip ta’ merkanzija matul is-snin 2013, 2014 u 2015?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 15238.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ tfal li matul is-sena skolastika 2015 bdew jattendu l-breakfast club?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont statistika miġbura mill-iskejjel, in-numru ta’ studenti li bdew jattendu għall-Breakfast Club matul is-sena skolastika 2015, minn Settembru sa Diċembru kien ta' 1,567 kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li bdew jattendu ċ-Childcare Centres li ġew provduti mill-Istat b’xejn matul l-2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2015, sal-21 ta’ Diċembru 2015 in-numru ta’ applikazzjonijiet ġodda biex tfal jibdew jattendu ċ-Childcare Centres bl-iskema tal-Free Childcare kien ta’ 2,763.
Skejjel primarji, sekondarji, sixth forms u Università — attendenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti bdew jattendu fi skejjel primarji, sekondarji, sixth forms u Università fis-sena skolasitka li bdiet fl-2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ studenti ġodda li bdew jattendu l-iskejjel fil-livelli indikati fil-mistoqsija fis-sena skolastika/akkademika li bdiet fl-2015, hu kif se nsemmi:
Skejjel tal-Istat
LivellStudenti
L-ewwel Sena Primarja2465
L-ewwel Sena Sekondarja2142
L-ewwel Sena Post-Sekondarja*1545
*Jinkludu l-Giovanni Curmi Higher Sec., Sir Michelangelo Refalo Sixth Form u GEM 16+ Education Programme Centre, Gżira.
Skejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti
LivellStudenti - Skejjel tal-KnisjaStudenti - Skejjel Indipendenti
L-ewwel Sena Primarja1270686
L-ewwel Sena Sekondarja1402503
L-ewwel Sena Post-Sekondarja417155
MCAST
In-numru ta’ studenti ġodda li bdew is-sena akkademika fl-MCAST f’Ottubru 2015 kien ta’ 2694.
L-Università ta’ Malta
In-numru ta’ studenti li bdew jattendu l-Università ta’ Malta f’din is-sena akkademika huwa ta’ 4091 student. Dan it-total jinkludi dawk l-istudenti li bdew l-ewwel sena tal-kors għall-ewwel darba.
In-numru ta’ studenti ġodda li bdew is-sena akkademika fil-Junior College, skont l-istatistika tal-1 ta’ Ottubru 2015, kien ta’ 1224.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miżura fejn familji li d-dħul tal-ġenituri jkun inqas minn €11,000 jingħataw €400 lit-tfal, kellux l-effett mixtieq u aktar tfal attendew l-iskola matul is-sena 2014? Jista’ jgħid jekk din l-inizjattiva hijiex se titwaqqaf jew titkompla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm numru ta' inizjattivi edukattivi barra din il-miżura li kkontribwew biex togħla r-rata tal-attendenza. L-attendenza ġenerali tal-istudenti żdiedet b'madwar 3% matul is-sena skolastika 2014-15 meta mqabbla mas-sena skolastika 2013-14.
Fi tmiem is-sena skolastika 2015/16 terga' ssir evalwazzjoni dwar l-effetti ta' din il-miżura.
Jista’ l-Ministru jispjega l-politika tal-Awtorità tat-Trasport dwar roti li jitwaħħal mutur magħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tirreġistra biss dawk iċ-ċikletti bil-mutur u/jew pedelecs li huma manifatturati għall-iskop li jintużaw bħala ċikletti bil-mutur jew pedelecs. Huwa llegali li jitwaħħal mutur b’kombustjoni nterna jew mutur li jaħdem bl-elettriku fuq ċikletta bil-pedali.
Huwa fatt important li wieħed jagħmel distinzjoni bejn dawn il-pedelecs li jaħdmu bil-batterija kontra r-roti (li jeżistu) u nstallati b’magna li taħdem bil-petrol u li dawn huma illegali u jagħmlu ħafna storbju meta misjuqin fit-toroq.
Jista’ l-Ministru jgħid hux se jingħata xi inċentiv biex il-poplu jibda jagħżel li juża aktar il-mutur milli l-karozza bħala mezz tat-trasport?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti diġa wettaq inizzjativi sabiex jinċentiva l-użu ta’ muturi bħala mezz alternattiv ta’ trasport. Fil-fatt, fl-ahhar sentejn daħlu dawn il-miżuri f’dan ir-rigward:
- Muturi b’magna sa massimu ta’ 250cc tneħħitilhom it-taxxa ta’ reġistrazzjoni filwaqt li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq muturi b’magna ta’ ‘l fuq minn 250cc ġiet mraħħsa;
- Sewwieqa fil-pussess ta’ kategorija B fuq il-liċenzja tas-sewqan, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, setgħu isuqu mutur b’magna ta’ mhux iktar minn 125cc, u wara li jkun ittieħed kors ta’ taħriġ neċessarju;
- Il-liċenzja għal muturi żgħar ta' 125cc jew anqas tnaqqsitilhom drastikament għal
flat rate
nominali ta' €10 fis-sena;
- It-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq muturi elettriċi tneħħiet.
Jista’ l-Ministru jispjega l-politika tal-Gvern dwar l-afforestazzjoni ta’ żoni agrikoli u li jkun hemm spazju fejn jinżergħu iktar siġar fihom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet t’afforestazzjoni tal-Ministeru ma jinkludux artijiet agrikoli. Tħawwil ta’ siġar ġodda jsir u huwa ppjanat li jsir f’żoni fuq art tal-Gvern li, iżda, mhux art agrikola.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet u jekk iva, kemm saru spezzjonijiet fis-snin 2013, 2014 u 2015 biex jaraw it-traċċabilità ta’ prodotti agrikoli li qegħdin jiddaħħlu fil-pajjiż bil-vapuri jew katamaran?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 15238.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu kontra negozjanti barranin li jbiegħu diversi oġġetti bħal għodda, borom u kull tip ta’ prodott ieħor li ħafna drabi negozjanti li għandhom il-permessi neċessarji biex ibiegħu dawn il-prodotti jkollhom ħafna aktar spejjeż biex jimportaw dawn il-prodotti milli sempliċiment jidħlu pajjiżna bil-vann tagħhom u jibdew jbiegħu dawn il-prodotti fuq l-idejn?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar hu responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzji relattivi kif hu kontemplat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 441.07 - Regolamenti dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ. L-infurzar tal-liġi hija responsabilita` li taqa` taħt il-Korp tal-Pulizija.