Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST – suġġetti f’livell ta’ degree

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'suġġetti se jiġu offruti mill-MCAST f'livell ta' degree għas-sena skolastika 2016/17?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-MCAST li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’inizjattivi ttieħdu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li f’din is-sena l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) kompla jintensifika x-xogħol u l-inizjattivi tiegħu minkejja l-limitazzjonijiet kbar li għandu f’termini ta’ finanzjament, liema finanzjament beda jiżdied għall-ewwel darba b’mod konsiderevoli mal-bidla tal-gvern fl-2013. Fost l-aktar xogħol u riformi importanti li saru matul din is-sena kien hemm: · Iż-żieda fil-ħlasijiet lill-awturi għall-Jeddijiet Pubbliċi. · Kontinwazzjoni tar-riformi tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. · Il-konsultazzjoni pubblika rigward l-abbozz ta’ liġi fuq il-Kunsill Nazzjonal tal-Ktieb. Bħalissa l-abbozz qed jiġi miktub. · It-tkabbir tal-Festival tal-Ktieb tal-Universitá. · L-intensifikazzjoni konsiderevoli fix-xogħol tal-Fiera ta’ Londra fejn għal din is-sena, wara li nnegozjajna allokazzjoni ferm iktar preferibbli minn tas-sena ta’ qabel, rajna żieda kbira fl-esportazzjoni tal-ktieb u servizzi relatati fl-Ewropa. · Beda wkoll xogħol biex nibdew nesportaw il-letteratura Maltija fid-dinja Għarbija u bdew operazzjonijiet ġodda f’pajjiżi Ewropej. · Żdiedet il-kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Arti u l-PBS fuq diversi inizjattivi fosthom film u traduzzjonijiet. · Tkompla x-xogħol ma’ entitajiet oħra fi ħdan dan il-Ministeru. · Intrebħet offerta kompetittiva bejn pajjiżi Ewropej biex għall-2018 tiġi organizzata f’Malta l-laqgħa annwali tal-istandards tan-numri tal-kotba f’Malta. · Kontribut fuq l-abbozz ta’ liġi ta’ kontra ċ-ċensura fuq il-letteratura. · Dalwaqt iktar tard din is-sena il-KNK ser ikun qed jerġa’ jtella' l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Għal din is-sena wkoll dawn iż-żewġ attivitajiet gawdew minn iktar finanzjament u tkabbir fil-preparamenti, it-tfassil u l-promozzjoni tagħhom.

BMI fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kif mar il-proġett tal-BMI fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-BMI (Body Mass Index) tnieda f’Ottubru li għadda u twettaq b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Għaqda tal-Fiżjoterapisti. L-eżercizzju kien jinvolvi t-tfal kollha tal-Primarja u s-Sekondarja fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Total ta’ 46,000 student kienu eliġibli li jieħdu sehem f’dan il-proġett li baqa’ sejjer sa Diċembru u li tmexxa mill-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika. L-eżercizzju kien jitlob li jiġi mkejjel il-piż u t-tul ta’ kull student. L-għan ta’ din ir-riċerka kien biex jiġi determinat il-livell ta’ obeżita u biex jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni biex tittaffa din il-problema ta’ saħħa. Ma’ dan il-proġett kien hemm studju ieħor għaddej mill-Għaqda tal-Fiżjoterapisti li l-għan tiegħu kien li jara l-effett tal-piż tal-basktijiet tal-iskola fuq l-uġiegħ tad-dahar fl-istudenti fl-eta ta’ bejn it-tmien snin u t-tlettax-il sena. Wara li ġiet analizzata d-data kollha li nġabret fuq il-BMI inkiteb rapport mill-Professur Victor E Grech u t-tim tiegħu, liema rapport eventwalment ġie mgħoddi lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u lill-Ministru għas-Saħħa. Ir-rapport fih data sensittiva u għalhekk ic-ċirkulazzjoni tiegħu kienet ristretta. Għadu kif ġie ffinalizzat ukoll ir-rapport dwar il-konnessjoni bejn il-piżijiet tal-basktijiet u l-uġiegħ tad-dahar, liema rapport għandu jiġi ppreżentat fil-ġranet li ġejjin lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u lis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru. Il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed fil-proċess li jiżviluppa rapporti individwali għal kull skola, Kulleġġ u lokalità, liema rapporti eventwalment se jintbagħtu lill-iskola u l-kulleġġ rispettiv mid-Dipartiment tar-Riċerka fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Proġett tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar fil-proġett tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ din is-sena u x'hemm ippjanat għas-snin li ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul din is-sena tnedew numru ta’ inizjattivi bħala parti mill-inizjattiva tal-Garanzija taż-Żgħażagħ 2.0. Dawn jinkludu: 1) klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bla ħlas għal studenti li ġabu 6,7, U, jew tniżżlu bħala ‘absent’ f’wieħed jew aktar minn dawn is-suggetti: Malti, Ingliż, Matematika u Fiżika, f’Mejju 2016; 2) korsijiet ta’ 50 siegħa ta’ taħrig b’xejn fl-ECDL għal studenti li matul is-sena skolastika li għaddiet kienu qed jattendu l-programm skolastiku tal- Alternative Learning Programme; 3) klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn għal studenti tal-MCAST f’livelli 1, 2 u 3. Matul dan ix-xahar ser titnieda wkoll in-NEET Activation Scheme II. Permezz ta’ din l-inizjattiva ser inkunu qed noffru assistenza psikosoċjali flimkien ma’ taħrig u esperjenza ta’ xogħol li jkunu mfassla skont il-ħtigijiet ta’ kull partecipant. Dawn l-inizjattivi huma parzjalment iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 u se jkunu qed isiru kull sena sat-tmiem tal-programm operattiv.

Players tal-football barranin f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ players tal-football barranin f’Malta u Għawdex b’mod separat, li jilgħabu f’xi diviżjoni? Minn liema pajjiżi huma? Jista’ jagħti l-informazzjoni diviżjoni b’diviżjoni b’mod separat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ players tal-futbol barranin f’Malta u Għawdex separatament, diviżjoni b’diviżjoni, huwa kif se nsemmi: Players tal-futbol barranin f’Malta Premier – 163 player l-Ewwel Diviżjoni – 64 player it-Tieni Diviżjoni – 76 player it-Tielet Diviżjoni – 68 player Players tal-futbol barranin f’Għawdex l-Ewwel Diviżjoni – 12-il player it-Tieni Diviżjoni – 4 players Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar minn liema pajjiżi ġejjin, diviżjoni b’diviżjoni, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni ‘l fuq minn 61 sena li jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni 'l fuq minn 61 sena li jaħdmu llum u x'xogħol jagħmlu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni ta’ 61 sena u ’l fuq li kellhom impjieg full time u part time bħala xogħol ewlieni fl-aħħar ta’ April 2016 kien ta’ 13,494. Dwar f’liema kategorija ta’ xogħol jaħdmu, l-informazzjoni hi kif se nsemmi: Kategorija ta’ xogħol Ta’ 61 sena u ’l fuq [0] Armed Forces 2 [1] Managers 2,228 [2] Professionals 2,372 [3] Technicians and Associate Professionals 972 [4] Clerks and support workers 1,035 [5] Services and sales workers 2,193 [6] Skilled Agricultural, fishery and forestry workers 396 [7] Craft and related trades workers 1,039 [8] Plant and machine operator and assemblers 729 [9] Elementary Occupations 2,528 Total 13,494

Boroż ta’ studju – fondi nazzjonali u Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment, b’fondi nazzjonali u Ewropej, allokat għall-boroż ta’ studju għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment Implimentazzjoni ta’ Programmi li fil-każ ta’ skemi li huma sostnuti minn fondi nazzjonali l-investiment kien hekk: - Malta Sport Scholarship Scheme – l-investiment kien ta’ €120,000.00 - Malta Arts Scholarships Scheme – l-investiment kien ta’ €250,000.00 - ENDEAVOUR Scholarship Scheme – Kategorija B - l-investiment kien ta’ €900,000.00 Infurmat ukoll li l-investiment b’fondi Ewropej allokati għall-boroż ta’ studju fl-ewwel sena tal-proġetti hawn taħt imsemmija huwa kif ġej: - ENDEAVOUR Scholarship Scheme – Kategorija A - l-investiment matul l-ewwel sena tal-proġett se jkun ta’ madwar €2,400,000.00 - REACH HIGH Scholars Programme – Post-Doctoral Grants, l-investiment matul l-ewwel sena tal-proġett se jkun ta’ madwar €900,000.00 Dawn iż-żewġ proġetti huma għall-perjodu 2015 - 2020.

Programm edukattiv GEM16+

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-programm edukattiv GEM 16+ fis-sena li għaddiet u x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm Edukattiv GEM16+ huwa rotta akkademika oħra mfassla mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jintlaħqu aħjar il-ħtiġijiet ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja f’dawn l-aħħar sentejn, filwaqt li jirċievu stipendju. GEM16+ għandu tliet għanijiet. Primarjament il-programm iwassal sabiex l-istudenti jġibu u jtejbu l-kwalifika tagħhom taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (ĊES – SEC) f’suġġetti bażiċi sabiex ikunu jistgħu jkomplu fir-rotta akkademika. GEM16+, bl-għajnuna tal-MCAST u l-ITS, jiffaċilita wkoll ir-rotta vokazzjonali lill-istudenti tiegħu meta jagħżlu li jidħlu f’istituzzjoni vokazzjonali, kif ukoll, bl-għajnuna tal-GRTU, hemm skedati esperjenza ta’ xogħol lil uħud mill-istudenti bi ħsieb ta’ karriera futura. Qegħdin isiru wkoll preparamenti sabiex isir job shadowing minn studenti interessati ġewwa l-Akkademja tal-Pulizija kif ukoll mal-Forzi Armati ta’ Malta. Permezz ta’ ħidma sabiex l-istudenti jħarsu aktar fit-tul, l-edukazzjoni u l-kwalifiki li jridu jġibu fil-preżent jingħataw aktar relevanza. Il-Programm Edukattiv GEM16+ joffri opportunità ta’ sena akkademika biex dawn l-istudenti jkomplu jitgħallmu suġġetti akkademiċi li jwassluhom għall-eżamijiet taċ-ĊES ta’ Mejju. Permezz ta’ kurrikulu riparatorju, l-għalliema jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti tagħhom. GEM16+ fil-Gżira joffri 240 post fi 15-il klassi ta’ 16-il student u studenta. In-numru limitat ta' postijiet jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar appoġġ u inkoraġġiment mill-professjonisti, filwaqt li huma mistennija jagħmlu l-almu tagħhom u jimpenjaw ruħhom. In-numru massimu ta’ studenti reġistrati f’GEM16+ sal-aħħar ta’ Novembru 2015 kien ta’ 80. Minn dawn komplew sal-aħħar 65. L-amministrazzjoni ta’ GEM16+, l-għalliema, l-LSAs (li se jkunu ta’ appoġġ fis-suġġett mal-grupp kollu), il-Youth Workers, flimkien mat-taqsima tal-Guidance, se jkunu ta’ appoġġ u sostenn għall-istudenti sabiex dawn jemmnu fihom infushom u jagħrfu aktar il-ħiliet tagħhom. L-għan ewlieni huwa li jersqu aktar lejn tagħlim tul il-ħajja b’intenzjoni li jkunu ċittadini responsabbli u attivi b’impjieg xieraq fil-futur. Għal dan il-għan, GEM16+ jirrikonoxxi l-importanza ta’ appoġġ pastorali u gwida għal karriera futura flimkien ma’ għajnuna mogħtija minn Aġenzija Żgħażagħ.

Programm edukattiv ALP

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-programm edukattiv ALP fis-sena li għaddiet u x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2015/16 kien hemm 284 student li bdew il-kors u spiċċawh 255. Ħafna rnexxielhom jieħdu ċertifikat LSSCMP fl-Livell 1 u anke fl-Livell 2. Matul is-sena tajnihom esperjenza ta’ taħriġ fl-industrija taħt is-superviżjoni tal-għalliema u l-LSAs Ingħataw ukoll korsijiet speċjalizzati f’diversi oqsma, korsijiet li ħafna minnhom huma akkreditati. Matul is-sajf kienu offruti korsijiet speċjalizzati lill-istudenti fl-ICT u l-Multimedia fejn grupp partikulari eċċella f’kors speċifiku u ġab riżultati meħtieġa u ekwivalenti. Dawn l-istudenti issa ser jibdew kors għad-Diploma fl-MCAST. F’din is-sena skolastika 2016/17, sar proċess ta’ selezzjoni tal-istudenti fejn fih qed jingħata l-programm alternattiv li huwa aktar orjentat lejn taħriġ vokazzjonali u kreattiv u li hu mmirat għall-istudenti li jridu jkomplu f’dan is-settur. F’din is-sena skolastika, l-istudenti qed jingħataw iċ-ċans li jagħżlu żewġ suġġetti vokazzjonali minn għażla ta’ 22 u anke s-suġġetti bażiċi bħall-Malti, Ingliż u Matematika u suġġetti addizzjonali bħal PE, PSCD, Home Economics, ICT u Reliġjon. Għal din is-sena wkoll ser ikollna grupp ALP+ (post-sekondarju) fejn dawn se jingħataw l-opportunità li żewġ gruppi jistudjaw Welding & Fabrication Livell 3 u grupp ieħor ser jistudja Hospitality Livell 2. Dawn l-istudenti ser jieħdu wkoll l-istipendju u grants bħall-istudenti l-oħra kollha. Hekk qed nagħtu opportunitajiet aħjar biex l-istudenti jkunu ppreparati tajjeb biex ‘il quddiem ikomplu l-istudji tagħhom l-MCAST jew l-ITS jew inkella meta jilħqu l-livell meħtieġ ikunu jistgħu jibdew esperjenza ta’ xogħol. B’dan il-programm jidher ċar li dawn l-istudenti li kienu qed jintilfu fis-sistema edukattiva issa b’taħriġ vokazzjonali u addattat għalihom qed isibu r-rotta tajba għalihom. Bl-għajnuna kontinwa tal-għalliema u LSAs speċjalizzati f’dan il-qasam, qed ikollna riżultati sodisfaċenti.

Is-suġġett tal-Etika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif marret l-introduzzjoni tas-suġġett tal-Etika fis-sena skolastika li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-suġġett tal-Etika daħal fil-Kulleġġ Santa Klara (Primarja Tas-Sliema, u Skola Medja u Sekondarja, Pembroke) u fil-Kulleġġ Maria Reġina (Primarja San Pawl il-Baħar u Skola Medja Naxxar) fis-sena skolastika 2013/2014. Fis-sena 2015/2016 beda wkoll fil-Kulleġġ San Nikola (Skola Medja, Rabat). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, kif se nsemmi: Tabella ‘A’ - turi kemm studenti ħadu l-Etika s-sena l-oħra. Tabella ‘B’ - turi l-iskejjel li fihom daħal is-suġġett tal-Etika minn din is-sena skolastika (2016/2017) Is-suġġett intlaqa’ tajjeb mill-istudenti, ġenituri u għalliema, li wrew ħafna interess. Fil-fatt, skont ix-xewqa tal-ġenituri, fil-bidu tas-sena għandhom isiru xi laqgħat biex jiġu mgħarrfin aktar dwar is-suġġett li jkunu qed jitgħallmu uliedhom. Isiru eżamijiet fis-snin 7,8 u 9. Mis-sena d-dieħla jibda jkun hemm l-eżamijiet ukoll fis-snin 4 u 10. Fl-2018 l-istudenti se jkunu jistgħu jagħmlu l-eżami tas-SEC wara li s-sillabu ġie approvat mill-Bord tal-MATSEC. L-għalliema tal-Etika jridu jitħarrġu billi jattendu għal kors PostGrad fit-Tagħlim tal-Etika fl-Iskejjel. Kien hemm 43 għalliem/a li temmew il-kors (2014/2015) u gradwaw fl-2015, filwaqt li bħalissa hemm 42 oħra li qegħdin jagħmlu l-kors (2016/2017).

Każijiet għal-LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' każijiet approvati għal-LSAs għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ każijiet approvati għal-LSAs għal dawn l-aħħar tliet snin kien kif se nsemmi: SenaNumru ta’ każijietApprovati għal sapport ta’ LSA 2013618558 2014648568 2015756646 2016 (sal-aħħar ta’ Ġunju)542434

Sapport lill-istudenti fl-iskejjel – staff

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm staff addizzjonali ġie ingaġġat f'dawn it-tliet snin fil-qasam tas-sapport lill-istudenti fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar kemm staff addizzjonali ġie ingaġġat f'dawn it-tliet snin fil-qasam tas-sapport lill-istudenti fl-iskejjel qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Libreriji pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma, nefqa u l-operat tal-libreriji pubbliċi u dawk tal-iskejjel? Jista’ jipprovdi statistika ta' kemm-il ktieb ġie misluf f'kull lokalità f'dawn it-tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-nefqa f'dawn l-aħħar tliet snin mill-entità Malta Libraries f’xiri ta’ kotba għal-libreriji pubbliċi kienet hekk: 2013 – €68,990.00 2014 – €82,695.00 2015 – €83,350.77 Il-lista f’dokument ‘A’ li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħti l-istatistika ta’ self ta’ kotba f'kull lokalità mill-2013 sal-2015. Rigward il-libreriji tal-iskejjel, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokument 'B' li jinkludi tliet listi li juru n-nefqa fuq kotba li nxtraw mill-iSchools Library Service fl-2013, fl-2014 u fl-2015 flimkien man-numru ta’ kotba mislufa skola b'skola. F'dan id-dokument hemm ukoll lista oħra b'informazzjoni dwar l-ammont ta’ flus minfuqa f’xiri ta’ kotba mill-iskejjel permezz tal-Literacy and Information Support Unit tan-National Literacy Agency sa Awwissu 2016.

Każi ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2015-2016 kemm kienu rrappurtati każi ta’ bullying ta’ studenti fuq studenti u ta’ studenti fuq għalliema? X’passi ttieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jinqalgħu każijiet ta’ bbuljar bejn l-istudenti d-Dipartiment u l-iskejjel ikkonċernati fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont in-natura tal-każ jew allegazzjoni. Fost dawn ta’ min isemmi sessjonijiet - kemm mal-vittma u kif ukoll mal-aggressur - ta’ counselling u guidance, sessjonijiet mal-psikoloġi, is-social workers u mal-ispeċjalisti tal-SEBD, fejn ukoll il-vittma jingħata l-possibbiltà ta’ counselling service. Barra minn hekk, il-Guidance Teachers tal-Anti-Bullying Team iżuru l-iskejjel u kulfejn ikunu rappurtati tali każijiet, dawn isegwu proċeduri u miżuri stabbiliti biex jagħtu l-għajnuna professjonali tagħhom. Permezz tar-restorative justice, l-istudenti kkonċernati jiġu megħjuna jifhmu li għal kull aġir hemm konsegwenza. Għalhekk jittieħdu wkoll azzjonijiet differenti fejn l-istudenti jistgħu juru b’mod konkret id-dispjaċir tal-azzjoni li jkunu wettqu. Rigward każijiet ta’ bbuljar ta’ studenti fuq għalliema, is-servizz ta’ l-Anti-bullying ma jiġborx tali informazzjoni. Numru ta’ każijiet irrappurtati ta’ bbuljar bejn studenti fis-sena skolastika 2015-2016 huwa kif se nsemmi: Skejjel tal-Istat: 389 każ Skejjel tal-Knisja: 13-il każ Skejjel Indipendenti: 2 każijiet Total: 404

Diviżjoni tal-Edukazzjoni – studenti tas-sekondarja li ħarġu tqal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet irrappurtati lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ta’ studenti tas-sekondarja li ħarġu tqal fis-sena skolastika 2015-2016? Jista' jgħid kemm minnhom baqgħu jattendu l-iskola? Jista’ jgħid l-etajiet tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet irrappurtati lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ta’ studenti tas-sekondarja li ħarġu tqal fis-sena skolastika 2015-2016 kien ta’ 22. L-etajiet tagħhom kienu: Età Nru. ta’ tfajliet tqal 13 2 14 1 15 4 16 15 L-informazzjoni dwar kemm minnhom baqgħu jattendu l-iskola jew servizzi oħrajn hi kif se nsemmi: Età Skola Sekondarja Skola Post- Sekondarja Servizz Għożża Servizzi Oħrajn Id-Dar 13 2 14 1 15 1 1 2 16 3 6 6

Ġenituri li ttellgħu l-Qorti minħabba assenteiżmu ta’ uliedhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ġenituri li ttellgħu l-Qorti minħabba assenteiżmu ta' uliedhom mill-iskola obbligatorja fis-snin skolastici 2012-2013, 2013-2014, 2014-2015 u 2015-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet fejn ġenituri ttellgħu quddiem it-Tribunal Regjonali minħabba assenteiżmu ta' uliedhom mill-iskola obbligatorja fis-snin skolastiċi indikati fil-mistoqsija hu kif se nsemmi: Sena skolastika 2012-13 Skejjel tal-Gvern – 1,398 li minnhom 369 fil-primarja u 1029 fis-sekondarja Skejjel tal-Knisja – 10 (4 fil-primarja u 6 fis-sekondarja) Skejjel Indipendenti – xejn Sena skolastika 2013-14 Skejjel tal-Gvern – 1,595 (405 fil-primarja u 1190 fis-sekondarja) Skejjel tal-Knisja – 13 (6 fil-primarja u 7 fis-sekondarja) Skejjel Indipendenti – 1 (fis-sekondarja) Sena skolastika 2014-15 Skejjel tal-Gvern – 1,294 (475 fil-primarja u 819 fis-sekondarja) Skejjel tal-Knisja – 27 (3 fil-primarja u 24 fis-sekondarja) Skejjel Indipendenti – 2 (it-tnejn fil-primarja) Sena skolastika 2015-16 Skejjel tal-Gvern – 1,149 (379 fil-primarja u 770 fis-sekondarja) Skejjel tal-Knisja – 31 (12 fil-primarja u 19 fis-sekondarja) Skejjel Indipendenti – 10 (5 fil-primarja u 5 fis-sekondarja)

Bini ta’ skejjel ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-andament ta' bini ta' skejjel ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Senior School f’Ħad-Dingli u l-Middle School f’Ħal Kirkop laqgħu l-ewwel studenti tagħhom għal din is-sena skolastika kif kien pjanat. Infurmat ukoll mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li rigward l-iskola primarja ġewwa Marsacala, is-sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni għall-imsemmija skola għalqet fis-27 ta’ Settembru 2016. Dwar l-iskola primarja f’San Pawl il-Baħar ix-xogħol ta’ skavar beda filwaqt li l-pubblikazzjoni tal-appalt għall-kostruzzjoni ta’ din l-iskola huwa mistenni li joħroġ fil-gimgħat li ġejjin. Bħalissa qiegħed ukoll jitlesta d-disinn tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex.

MCAST – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali li saru fl-MCAST is-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-2015, fl-MCAST saru dawn ix-xogħlijiet: · Tkomplija tal-Parkeġġ (taħt l-art) - xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni, mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, u finituri; · Tkomplija ta’ Dar l-Istudent - xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni, mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, u finituri; · Landscaping f’parti mill-pjazza ċentrali tal-kampus – xogħol ta` pavimentar, dawl u tisbiħ ġenerali. Il-valur totali ta` dawn ix-xogħlijiet kien ta' €3.66 miljun. Fl-2016, l-MCAST bdew dawn ix-xogħlijiet: · Skavar tas-sit fejn ser isir il-bini tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport; · Alterazzjonijiet fiċ-Ċentru tal-Agrikummerċ biex jinħolqu zona għall-inkubaturi u workshops.

Università ta’ Malta – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali li saru fl-Università ta’ Malta s-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena l-oħra u din is-sena saru dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali fl-Università ta’ Malta: 1. Rinnovazzjoni ta’ ex-Porter’s Lodge fl-Università biex saret Klinika tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża – Tipprovdi faċilità ta’ tagħlim dwar il-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża kif ukoll prattika u trattament ta’ pazjenti. 2. Tlestiet l-estensjoni ta’ żewġ sulari fuq il-binja tal-Biomedical Sciences biex twaqqaf Ċentru tal-Mediċina Molekolari u Bijobank –Tipprovdi faċilitajiet li jikkonsistu f’uffiċini, laboratorji attrezzati għal skopijiet ta’ tagħlim u riċerka. 3. Rinnovazzjoni u restawr tal-pjan terran tal-Valletta Campus tal-Università biex jiżdiedu aktar faċilitajiet għal skopijiet ta’ lekċers u konferenzi. 4. Rinnovazzjoni totali tal-Arts Lecture Theatre fl-Università biex ġie attrezzat b’faċilitajiet tal-ogħla livell u b’teknologija moderna u avvanzata għall-użu waqt lekċers. 5. Rinnovazzjoni kompleta tat-tielet sular ġewwa l-‘Junior College’ li jikkonsisti f’uffiċini kif wkoll swali tal-lekċers. It-twieqi ġew mibdula għal sistema ta’ double glazing biex togħla l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. 6. Il-Laboratorji tal-Kimika ġewwa l-‘Junior College’ ġew rinnovati u attrezzati sabiex jipprovdu faċilitajiet aħjar għat-tagħlim ta’ dan is-suġġett. 7. L-istitut tal-Enerġija Sostenibbli tal-Università ġewwa Marsaxlokk ibbenefika minn rinovazzjoni kompleta li bidlet dan l-Istitut f’wieħed li joffri laboratorji attrezzati b’apparat tal-aħħar teknoloġija, utli għal riċerka u studji f’dan il-qasam. 8. Tlestiet l-estensjoni tal-binja tal-Fakultà tal-Media and Knowledge Sciences li kkonsistiet f’żieda ta’ laboratorji, kmamar għal-Lekċers, uffiċini kif ukoll informal discussion areas. 9. Installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq il-parti l-kbira tal-bjut tal-bini ġewwa l-Università kif ukoll ġewwa l-‘Junior College’. 10. Tibdil ta’ fittings tad-dawl fil-binjiet kollha tal-Università u l-Junior College, f’sistemi li joperaw b’LEDs sabiex jiġi promoss l-aħjar użu tal-enerġija b’aktar effiċjenza . 11. Iz-zoni esterni bejn il-Fakultajiet tal-MAKS u l-FEMA ġew rinnovati b’pavimentar ġdid biex ġiet mogħtija dehra isbaħ u aktar prattika kif jixraq. 12. Inbeda x-xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni relatat mal-proġett tal-Materials Engineering Laboratories. Dan il-proġett ser jikkonsisti f’faċilitatjiet aktar moderni u attrezzati għat-tagħlim u riċerka f’dan il-qasam. 13. Inbeda x-xogħol ta’ tħaffir fuq is-sit tal-proġett tal-‘Post Doc’. Dan il-proġett jikkonsisti f’parkeġġ taħt l-art, arkivji tal-librerija, uffiċini u faċilitajiet fejn studenti postgradwati u riċerkaturi ‘post-docs’ jistgħu jitħarrġu. 14. Xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni totali kważi tlestew fuq il-proġett tat-Teatru tal-Università ġewwa l-Valletta Campus tal-Università. Dawn ix-xogħlijiet ser jipprovdu Teatru attrezzat u ta’ livell mill-aqwa ta’ black box theatre. 15. Xogħlijiet li kienu għaddejjin matul is-sajf jinkludu: a) Rinnovazzjoni kompleta tar-raba’ sular ġewwa l-‘Junior College’ inkluż il-bdil ta’ żewg lifts eżistenti. b) Rinnovazzjoni totali ta’ żewg Teatri tal-Lekċers u seba’ kmamar oħra tal-Lekċers kif ukoll uffiċini ġewwa l- Lecture Centre, fl-Università ta’ Malta.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – kotba mixtrija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ kotba li nxtraw mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu fl-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.