Legislature:
Category:
Reset
Active:

Miżuri diġitali biex titnaqqas il-burokrazija jew tħaffef il-proċessi ta' applikazzjonijiet għall-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-miżuri diġitali li ttieħdu minn kull entità u dipartiment biex titnaqqas il-burokrazija jew tħaffef il-proċessi ta' applikazzjonijiet għall-pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-miżuri diġitali li ttieħdu minn kull entità u dipartiment fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex titnaqqas il-burokrazija jew tħaffef il-proċessi ta' applikazzjonijiet għall-pubbliku.

MCAST – investiment li sar b’fondi ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' x'tip ta' investiment sar b'fondi ewropej ġewwa l-MCAST f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar tlett snin l-MCAST ibbenefika minn seba’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Dawn kienu: · ERDF 164 - Development of Applied Science and Business and Commerce Institutes · ESF 1.33 - Increasing ICT Student Capacity in Malta · ESF 1.36 – Professional Development Programmes for MCAST Staff and Student’s Top-Up Degrees · ESF 1.130 - Making VET Education More Relevant and Attractive · ESF 2.139 - Increasing Accessibility, Flexibility and Innovation to MCAST Life-Long Learning Course Offer · ESF 2.85 - Linking Industrial Needs and VET to Optimise Human Capital · ESF 3.102 – Inclusion for Employment Informazzjoni iktar dettaljata ta’ dawn is-seba’ proġetti qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Università ta’ Malta – investiment li sar b’fondi ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' x'tip ta' investiment sar b'fondi ewropej ġewwa l-Università f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-proġetti fl-Università ta’ Malta li se nsemmi ġew iffinanzjati permezz ta’ fondi ewropej: 1. An Electronic System Prototyping Facility at the University of Malta: B’dan il-proġett l-Università investit f’sistema fejn l-istudenti jistgħu jaraw il-proċess kollu ta’ kreazzjoni u saħansitra jikkrejaw ‘circuit boards’ elettroniċi mid-disinn sal-manifattura tagħhom. 2. MEMS Characterisation Facility: Din il-faċilità tipprovdi infrastruttura għal riċerka fiċ-ċipep mikroelettro mekkaniċi. Eżempju ta’ dawn iċ-ċipep jintużaw fil-‘mobiles’ u t-‘tablets’ biex jiddeterminaw l-orjentazzjoni tal-iskrin. 3. Strengthening of the Organic, Inorganic and Physical Chemistry Facilities: Dan il-proġett kien estensjoni ta’ proġett simili biex jitkabbru l-faċilitajiet fid-dipartiment tal-kimika speċjalment f’oqsma ta’ ‘nanotechnology’ u ‘supramolecular chemistry’. 4. Expanding the Physics and applied interdisciplinary research capabilities at the Faculty of Science: Dan l-investiment ipprovda faċilitajiet ġodda fil-qasam ta’ l-istudji fiżiċi sabiex titkabbar ir-riċerka f’oqsma bħall-Ġeofiżika, il-fiżika fil-qasam tas-saħħa u l-fiżika fil-qasam ambjentali. 5. Solar Research Lab: Din il-faċilità hija kumpless ta’ laboratorji fejn fiha ssir riċerka fuq enerġija rinovabbli mix-xemx. Din il-faċilità hija waħda unika fil-Mediterran u għalhekk hija mistennija li tiġbed numru ta’ riċerkaturi fil-qasam. 6. High-Efficiency High-Density Photovoltaic Systems: L-Università investit f’sistema ta’ pannelli fotovaltajiċi fuq il-binjiet ta’ l-Università bħala parti mill-inizjattiva li l-Università ħadet f’dawn l-aħħar disa’ snin biex tnaqqas il-konsum ta’ enerġija tagħha. 7. LED Lighting for Reduced Carbon Footprint: Dan il-proġett huwa fuq l-istess linja tal-proġett imsemmi f’numru 6.

MCST — investiment li sar b’fondi ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' x'tip ta' investiment sar b'fondi ewropej ġewwa l-MCST f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-investiment li sar b’fondi ewropej f’dawn l-aħħar tliet snin u li l-benefiċjarji tiegħu huma l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) hu kif se nsemmi: ESF 4.152: Capacity Building għall-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Spiża: €250,763. Data tal-bidu: 2011 Data tat-tmiem: 2015 Sommarju tal-proġett: L-għan tal-proġett huwa li jtejjeb il-ħiliet kurrenti u jiżviluppa kompetenzi ġodda, kif ukoll li jkattar il-bażi ta' għarfien u l-livell ta' expertise tal-istaff tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Il-korsijiet għandhom jagħmlu l-istaff tal-MCST esperti f'numru ta' oqsma relatati mar-responsabbiltajiet tal-MCST bħal popolarizzazzjoni tax-xjenza, animazzjoni u komunikazzjoni. Dan l-expertise jiġi mantnut permezz ta' korsijiet tad-dħul għall-impjegati tan-National Interactive Science Centre (NISC). ERDF 311: National Interactive Science Centre (NISC) Spiża tal-Proġett: Baġit totali ta' €26 miljun li €14-il miljun huma eliġibbli li jittieħdu minn fondi tal-UE u 12-il miljun minn fondi tal-Gvern ta' Malta. Il-proġett se jkopri medda ta' 12,500 m². Il-baġit totali huwa maqsum kif ġej: €14-il miljun fuq restawr, bini, servizzi, finituri u kkummissjonar €6 miljuni għall-esebiti ta' xjenza interattiva €6 miljuni għal servizzi li jikkumplimentaw ix-xogħlijiet t'hawn fuq Data tal-bidu: 2013 Data tat-tmiem: 2016 Deskrizzjoni tal-proġett: In-National Interactive Science Centre (NISC) se jipprovdi infrastruttura permanenti state-of-the-art fejn studenti, għalliema u l-pubbliku inġenerali jkunu jistgħu jidħlu f'esperjenza xjentifika interattiva diretta ġewwa faċilità għat-tagħlim informali. L-għan huwa li jressaq ix-xjenza eqreb lejn l-udjenza partikolari u biex jitkattar l-għadd ta' studenti li jieħdu suġġetti xjentifiċi fil-livell sekondarju. Fuq medda itwal ta' żmien, dan għandu jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-professjonisti fix-Xjenza u t-Teknoloġija, u b'hekk Malta tingħata l-kapital uman tant meħtieġ li jsostni ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għerf.

Aġenzija Żgħażagħ – investiment li sar b’fondi ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' x'tip ta' investiment sar b'fondi ewropej ġewwa l-Aġenzija Żgħażagħ f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-fondi Ewropej intużaw minn Aġenzija Żgħażagħ għal numru ta’ servizzi, programmi u proġetti kif se nsemmi: · Is-servizz ta’ Outreach u Detached work fil-Kottonera, ir-reġjun Xlokk u fil-Belt · Il-programm Youth.inc. · Il-proġetti tad-Djalogu Strutturat li jagħtu vuċi liż-żgħażagħ · Il-proġetti ta’ Youth Exchanges · Il-programmi ta’ taħriġ u capacity building tal- youth workers.

Literacy and Information Support Unit

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-Literacy and Information Support Unit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Literacy and Information Support Unit (LISU) tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bdiet topera f’Jannar 2016. Minn dakinhar sal-aħħar ta’ Awwissu 2016 wettqet ħafna ħidma li kienet tinkludi: għajnuna lill-iskejjel li xtaqu jixtru kotba għal-libreriji tagħhom kemm f’dik li hija għażla tal-kotba kif ukoll fil-proċess ta’ xiri; sar ‘weeding ta’ libreriji tal-iskola; saru diversi laqgħat mal-kapijiet u mal-għalliema librara; ftuħ tal-libreriji tal-iskejjel sekondarji u medji fix-xhur tas-sajf 2016 bħala parti mill-programm ‘Aqra fis-Sajf’; tħejjijiet għas-serata ta’ premjazzjoni tal-Promoturi tal-Qari; xiri ta’ kotba għal kull skola medja, sekondarja u postsekondarja; titjib tas-‘software’; sapport fejn jidħol it-tqassim tal-librerija, ix-xiri ta’ riżorsi u proċeduri tal-librerija; xogħol fuq il-binja li se sservi bħala uffiċini tal-LISU; tqassim ta’ kotba biex jintużaw mill-għalliema tal-Malti bħala parti mill-iskema ‘L-Għodda f’Idejk', kif ukoll saru laqgħat regolari mal-entità Libreriji Maltin biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-libreriji tal-iskejjel u l-libreriji pubbliċi. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista b’iktar dettal tal-ħidma li wettqet il-Literacy and Information Support Unit mill-bidu tal-operat tagħha sal-aħħar ta’ Awwissu 2016.

FES

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma f'dawn l-aħħar sentejn kif ukoll proġetti futuri tal-FES?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li rendikont tal-operat tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u tas-servizzi ta' Skolasajf, Childcare u Klabb 3-16 mogħtija f'dawn l-aħħar sentejn qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

NCHFE

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma f'dawn l-aħħar sentejn kif ukoll proġetti futuri tal-NCHFE?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bejn l-2013 u l-2016, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) għaddiet minn ristrutturar kemm fl-istruttura ta’ l-entità u anke fil-proċeduri u servizzi. Ġiet stabbilita struttura aktar b’saħħitha fejn issa hemm dipartimenti separati fl-oqsma tal-Akkreditazzjoni u l-Ħarsien tal-Kwalità u fl-oqsma tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla. Proċeduri ta’ amministrazzjoni u mmaniġġjar tal-finanzi ġew stabbiliti b’mod iktar sħiħ u modern bl-użu tat-teknoloġija tal-informatika. Il-Gvern investa b’mod sħiħ f’din l-entità biex f’pajjiżna jkollna regolatur b’saħħtu. Dan it-tisħiħ wassal sabiex intlaħqu diversi miri stabbiliti. L-informazzjoni dwar l-iżviluppi ewlenin li seħħew matul is-snin imsemmija qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fis-snin li ġejjin, il-Gvern ħa jkompli jinvesti fl-NCFHE biex jintlaħqu l-miri tal-pluraliżmu u iktar preżenza internazzjonali f’Malta ta’ entitajiet barranin u studenti barranin li jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni għall-edukazzjoni tagħhom. Nistgħu nagħmlu dan billi naċċertaw ruħna li l-proċessi ta’ akkreditazzjoni jkunu trasparenti, rigorużi imma mhux burokratiċi.

Aġenzija Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma f'dawn l-aħħar sentejn kif ukoll proġetti futuri tal-Aġenzija Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn Aġenzija Żgħażagħ ħadet ħsieb u implimentat il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ għas-snin 2015 – 2020 u mexxiet ‘l quddiem u ħarset l-interessi taż-żgħażagħ. Dan intlaħaq permezz tat-teħid ta’ diversi miżuri, programmi u inizjattivi fl-oqsma li se nsemmi: · Spazji ġodda għal persuni żgħażagħ u għaqdiet taż-żgħażagħ f’livell ta’ komunità lokali · Tkattir ta’ għarfien u tagħti widen liż-żgħażagħ · Programmi u inizjattivi intiżi għal impenn attiv u parteċipazzjoni ta’ persuni żgħażagħ Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif iktar dettaljat (bil-lingwa Ingliża) tal-miżuri, programmi u inizjattivi li ttieħdu taħt kull wieħed mill-oqsma differenti li semmejt. Aġenzija Żgħażagħ ser tkun qed tħejji għadd ta’ inizjattivi għall-presidenza tal-Unjoni Ewropeja s-sena d-dieħla kif ukoll għal Valletta 2018.

Għawdex – klassijiet tal-kinder, primarja u sekondarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika ta' kemm kien hemm tfal f'kull klassi kinder, primarja u sekondarja f'Għawdex? X'inhu r-ratio bejn ħaddiema fl-iskola u studenti f'kull skola f'Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istatistika ta' kemm kien hemm tfal f'kull klassi fl-iskejjel tal-Gvern f'Għawdex fis-sena skolastika 2015-2016 u r-ratio bejn ħaddiema u studenti f'kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Prince’s Trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret tal-Prince's Trust?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis sena skolastika li għaddiet (2015/2016), seba’ skejjel madwar Malta bdew jimplimentaw l-XL programme tal-Prince’s Trust International, programm li jgħin lill-istudenti fil-qasam edukattiv billi jgħinhom fl-iżvilupp personali u jippreparahom aħjar għad-dinja tax-xogħol permezz ta’ kisba ta’ ħiliet. Fil-fatt Malta, permezz tal-Fondazzjoni HSBC Malta, saret l-ewwel pajjiż barra r-Renju Unit li introduċiet dan il-programm edukattiv fl-iskejjel sekondarji tagħha. Dan il-programm huwa impenjat biex jgħin lil żgħażagħ ta' bejn it-13 u d-19-il sena biex jiksbu edukazzjoni, taħriġ u impjieg. L-iskop tal-Prince’s Trust International huwa li jagħti opportunità lil numru ta’ studenti biex jiżviluppaw u jsaħħu l-ħiliet u l-motivazzjoni tagħhom f‘diversi aspetti permezz ta’ tagħlim informali u prattiku. L-istudenti involuti fil-programm, flimkien mal-għalliema tagħhom, ħadmu fuq diversi aspetti li joffri dan il-programm, fosthom proġetti għall-komunità, pjanar ta’ karrieri, preparazzjoni u esperjenza fuq postijiet tax-xogħol, attivitajiet ta’ team building u leadership skills, proġetti personali, preżentazzjonijiet fuq diversi suġġetti ta’ interess, immaniġġjar ta’ flus, proġetti ta’ intrapriża u parteċipazzjoni f’attività fiżika fost ħafna oħrajn. Kull student/a li kienu involuti temmew b’suċċess il- units li ħadmu u ppreparaw għalihom. Il-Prince's Trust International iddikjaraw li waqt li baqgħu impressjonati bix-xogħol preżentat, l-istudenti Maltin marru tajjeb ħafna u skont Ofsted (England's Quality Assurance Agency) marru 10% aħjar mill-istudenti Ingliżi involuti fl-istess programm. Wara s-suċċess li kellna fis-sena skolastika li għaddiet, il-programm issa nfirex fil-kulleġġi kollha f’Malta u Għawdex, u din is-sena qiegħed jiġi mħaddan ukoll mir-Resource Centres u Learning Support Centres, kif ukoll intwera interess minn skola tal-Knisja għall-implimentazzjoni tal-programm.

Skejjel Guardian Angel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment u operat tal-iskejjel Guardian Angel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fiċ-Ċentru ta’ Riżorsa Guardian Angel, il-Ħamrun, sar investiment li jinkludi fost oħrajn: · Titjib fis-sistema tal-ilma fejn inbidlu kanen u mixers li kienu qdiemu; · Stallazzjoni ta’ airconditioners ġodda f’żewġ klassijiet kif ukoll ta’ kameras tas-sigurtà f’zoni differenti; · Xogħol ta’ tisbiħ f’diversi partijiet taċ-Ċentru, pereżempju fid- dining room , fil- f oyer , fi kmamar speċjalizzati u fi Blokk 10 fejn hemm il-laboratorji; · Tranġar ta’ kmamar u uffiċċji fejn l-għalliema jkunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom b’mod iktar effettiv; · Xiri u stallazzjoni ta’ apparat bħal projectors u skrins għall-kmamar speċjalizzati; · F’kollaborazzjoni ma’ Nature Trust, il- green areas li hemm f’dan iċ-Ċentru mis-sena d-dieħla se jinbidlu f'postijiet ta’ rilassament għall-istudenti; B’rabta ma’ dan, sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bankijiet li hemm fil- picnic area ; · Xiri ta’ riżorsi biex ikun hemm aktar tagħlim effettiv; · Bdil ta’ purtieri tal-klassijiet kollha; · Sar investiment fuq Health and Safety fejn inxtara materjal li jassigura s-sigurtà kollha meħtieġa f'possibilità ta’ xi inċident; l-istaff kollu ġie offrut kors ta’ firefighting ; · Sar​ ukoll investiment f’terapiji għall-istudenti bħal dramatherapy u ​lezzjonijiet fuq it-tafal; · Sar ukoll investiment fejn l-għalliema​,​ l-LSAs u l-ġenituri ħadu taħriġ fuq kif għandu jingħata l-aħjar sapport lil persuni bl-awtiżmu.

Nisa fis-suq tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta' nisa fis-suq tax-xogħol f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'miżuri ttieħdu f'din il-leġiżlatura biex ikunu inċentivati iktar nisa biex jidħlu fix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ nisa fis-suq tax-xogħol li jaħdmu full time u part time bħala impjieg ewlieni f'Diċembru ta’ dawn l-aħħar għaxar snin u fl-aħħar t’April 2016 huwa kif muri fit-tabella hawn taħt, kif se nsemmi: Xahar Numru ta' nisa jaħdmu Diċembru 2005 54,322 Diċembru 2006 56,486 Diċembru 2007 59,195 Diċembru 2008 61,879 Diċembru 2009 63,091 Diċembru 2010 64,684 Diċembru 2011 67,960 Diċembru 2012 71,531 Diċembru 2013 75,469 Diċembru 2014 80,162 Diċembru 2015 84,530 April 2016 86,575 F’din il-leġiżlatura ittieħdu numru ta’ miżuri bl-għan li jiġi promoss l-impjieg tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Minbarra li jinċentivaw lin-nisa, l-għan tal-maġġoranza ta’ dawn il-miżuri hu li jiġu mħeġġa aktar ommijiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dan billi jingħatawlhom benefiċċji u inċentivi talli qed jaħdmu. B’din is-sistema jiġi wkoll żgurat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-ġenitur. Dawn l-inċentivi jinkludu: in-work benefit, fond għal-leave tal-maternità, tapering tal-benefiċċji għal ġenituri waħedhom, Garanzija għaż-żgħażagħ, Child Care Centres bla ħlas, Breakfast Club, pensjoni sħiħa għar-romol li jaħdmu, tnaqqis tat-taxxa fuq l-użu ta’ Childcare Centres, tapering tal-benefiċċji soċjali wara ż-żwieġ, inċentiv għal impjieg ta’ persuni akbar fl-età, żieda kontanti fl-aħħar erba’ ġimgħat tal-maternity leave, nisa self-employed u l-leave tal-maternità, u estensjoni għal leave f’każ ta’ adozzjoni. Informazzjoni iktar dettaljata ta’ kull waħda mill-miżuri li semmejt qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta' persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'miżuri ttieħdu f'din il-leġiżlatura biex ikunu inċentivati iktar persuni b'diżabilità jidħlu fix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Jobsplus li n-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu jaħdmu fl-aħħar ta’ Diċembru tal-aħħar għaxar snin huwa kif ġej: Sena Total Diċembru 2005 1,061 Diċembru 2006 1,130 Diċembru 2007 1,198 Diċembru 2008 1,279 Diċembru 2009 1,347 Diċembru 2010 1,481 Diċembru 2011 1,608 Diċembru 2012 1,759 Diċembru 2013 1,906 Diċembru 2014 2,215 Diċembru 2015 2,758 Il-miżuri li ttieħdu sabiex iktar persuni b’diżabilità jidħlu fis-suq tax-xogħol huma: l-implimentazzjoni tal-liġi li teħtieġ li kumpaniji li jimpjegaw iktar minn 20 ħaddiem ikollhom mill-inqas 2% tal-ħaddiema tagħhom li għandhom xi tip ta’ diżabilità (2015), l-iskema Access to Employment A2E (2015), l-inizjattiva ta’ Document Management (2016), il-Community Work Scheme (rinovata fl-2016), il-programm Sheltered Employment Training, u l-Inclusive Services u Fondazzjoni Lino Spiteri. Ninforma lill-Onor. Interpellant li informazzjoni iktar dettaljata ta’ dawn il-miżuri qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni 'l fuq minn 50 sena fis-suq tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta' persuni 'l fuq minn 50 sena fis-suq tax-xogħol f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'miżuri ttieħdu f'din il-leġiżlatura biex ikunu inċentivati dawn il-persuni jibqgħu jew isibu x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni ’l fuq minn 50 sena li kienu qed jaħdmu fuq bazi ‘full time’ u ‘part time’ bħala xogħol ewlieni f’dawn l-aħħar għaxar snin u f’April 2016 huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt, kif se nsemmi: Persuni 'l fuq minn 50 sena (51+) Diċembru 2005 33,610 Diċembru 2006 35,010 Diċembru 2007 36,702 Diċembru 2008 37,992 Diċembru 2009 38,994 Diċembru 2010 40,469 Diċembru 2011 41,963 Diċembru 2012 43,109 Diċembru 2013 45,143 Diċembru 2014 47,111 Diċembru 2015 49,146 April 2016 49,748 Il-miżuri li ttieħdu biex ikunu inċentivati dawn il-persuni jibqgħu jew isibu x-xogħol jinkludu: Community Work Scheme (rinovata fl-2016), inċentiv għal impjieg ta’ persuni akbar fl-età, pensjoni sħiħa għar-romol li jaħdmu, pensjoni għal dawk li jibqgħu jaħdmu, żieda fil-pensjoni għal dawk li jibqgħu jaħdmu, estensjoni tar-rata ta’ taxxa ta’ 15% fuq dħul għal pensjonanti self-employed u l-Work Programme Initiative. Informazzjoni iktar dettaljata tal-miżuri/inċentivi li semmejt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tal-O Levels u l-A Levels – access arrangements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu f'dawn l-aħħar tliet snin fejn għandu x'jaqsam ma' access arrangements fl-eżamijiet tal-O levels u l-A levels?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat mill-Università ta’ Malta li: 1. Ġie aġġornat il-ktejjeb dwar il-linji gwida għall-arranġamenti għall-eżamijiet tal-MATSEC, University of Malta Guidelines to MATSEC Examinations Access Arrangements 2015. Dan jinstab fuq is-sit tal-Università: http://www.um.edu.mt/__data/assets/pdf_file/0003/247224/Guidelines_2015.pdf 2. L- access arrangements għall-eżamijiet tal-MATSEC huma spjegati fil-ktejjeb. Dawn jinkludu: ħin miżjud, ħin għall-mistrieħ, ħin biex jagħmel tajjeb għal esiġenzi speċjali (eż. fejn student ikollu fit jew hypo ) , użu tal-kompjuter, reader , prompter . L-arranġamenti jiddependu fuq id-diżabilità u s-severità tad-diżabilità. Meta studenti jkunu qed jieħdu l-kura meħtieġa fl-isptar Malta jew barra minn Malta, isiru arranġamenti biex jagħmlu l-eżami fl-isptar. 3. Abbażi ta’ studju li sar mill-ACCESS-Disability Support Committee (ADSC), tnaqqsu t-testijiet rikjesti mill-professjonisti li jirrapportaw dwar id-dislessija ( dyslexia) . 4. Fis-sena 2013 ingħataw arranġamenti lil 614-il student għas-SEC u 42 għal-livell tal-Matrikola; fis-sena 2014 ingħataw arranġamenti lil 617-il student għas-SEC u 76 għal-livell tal-Matrikola; fis-sena 2015 ingħataw arranġamenti lil 618-il student għas-SEC u 79 għal-livell tal-Matrikola; fis-sena 2016 ingħataw arranġamenti lil 588 student għas-SEC u 107 għal-livell tal-Matrikola. It-tnaqqis fis-sena 2016 jirrifletti tnaqqis fin-numru ta’ kandidati li rreġistraw għall-eżamijiet tal-MATSEC. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatat mid-Dipartiment tal-Eżamijiet dwar access arrangements fl-eżamijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST u l-Università ta' Malta – access arrangements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin fejn għandu x'jaqsam ma' access arrangements ġewwa l-MCAST u l-Università ta' Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li tul dawn l-aħħar tliet snin ittieħdu diversi miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' access arrangements ġewwa l-MCAST u l-Università ta' Malta. Id-dettalji ta' dawn l-arranġamenti qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar arranġamenti għall-eżamijiet tal-MATSEC tidher fit-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 27011.

EUPA

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma f'dawn l-aħħar sentejn kif ukoll proġetti futuri tal-EUPA?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropeja (EUPA) fis-sena 2015, taħt il-programm Erasmus+ għaddiet ftit inqas minn €6 miljun lil diversi organizzazzjonijiet biex setgħu jimbarkaw fuq proġetti edukattivi għaż-żgħażagħ u anke adulti fuq livelli differenti. Sa nofs din is-sena (2016) diġà ngħataw b’aktar minn €3 miljuni lil 47 organizzazzjoni oħra. L-Aġenzija qegħda wkoll taħdem fuq numru ta’ riċerki biex tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha biex tkun ta’ servizz aħjar għall-benefiċjarji tagħha. Is-sena d-dieħla, l-Aġenzija se tkompli tinvesti fis-sistema edukattiva billi tapprova aktar proġetti għall-iskejjel, istituzzjonijiet għall-edukazzjoni ogħla, skejjel u kulleġġi vokazzjonali, u edukazzjoni għaż-żagħżagħ kif ukoll għall-adulti.

Proġetti diġitali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti diġitali li saru fl-edukazzjoni fis-sena li għaddiet u x’hemm ippjanat għas-sena skolastika li jmiss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proġetti diġitali li saru fl-edukazzjoni matul l-aħħar sena kienu dawn li se nsemmi: · Twaħħlu Interactive Flat Panels fl-iskola Primarja tan-Naxxar bħala proġett pilota; · Inxtraw Interactive Flat panels biex jitwaħħlu fi skejjel ġodda kif ukoll biex ikomplu jikkumplimentaw il-bżonnijiet tal-iskejjel; · Inxtraw Laptops ġodda għall-għalliema, LSAs u KGAs; · Inxtraw All-in-One PCs biex jikkumplimentaw l-Interactive Whiteboard (IWB) kif ukoll PCs ġodda fil-Laboratorji biex jinbidlu l-qodma; · Inxtraw Short-Throw Projectors ġodda biex jinbidlu projectors qodma, kif ukoll long throw projectors; · Inxtraw sound bars biex jikkumplimentaw l-IWBs li ma kellhomx sound; · Inxtraw 3D-Printers biex ikunu mgħammra l-laboratorji tad-Design & Technology u tal-Kompjuter; · Ġie ffirmat il-kuntratt tal-proġett tat-tablets li ser igawdu minnu l-istudenti kollha mir-raba’ sena sas-sitt sena fl-iskejjel primarji kollha tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti; · Bħala parti mill-proġett tat-tablets qed jinxtraw ukoll liċenzji ta’ Software edukattivi li ser jiġu installati fuq it-tablets; · Tiġdid ta’ Infrastruttura tal-Internet fl-iskejjel kollha tal-Gvern. Min-naħa pedagoġika matul is-sena li għaddiet: · Kompla t-taħriġ lill-għalliema rigward it-tablets li kien beda f’Settembru 2015; · Inkitbu erba’ kotba diġitali interattivi u tqassmu b’xejn fuq it-tablets u mezzi oħra; · Inxtraw u tqassmu lil kull skola tal-Istat “Story Starter packs”u “WeDo Lego packs” biex permezz tat-teknoloġija t-tfal ikunu jistgħu jibnu l-litteriżmu diġitali tagħhom; · Inxtraw u tqassmu kotba lill-għalliema dwar il-Litteriżmu Diġitali li juru kif l-għalliema jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-mezzi li għandhom; · Taħriġ u sapport fuq it-tablets fil-proġett One Tablet per Child; · Ingħata aċċess lill-ġenituri fuq il-pjattaforma diġitali (iLearn VLE); · Ittellgħet Konferenza Nazzjonali b’kelliem barrani u kelliema Maltin fuq Litteriżmu Diġitali. Rigward proġetti futuri: · Ser jibdew jiddaħħlu Interactive Flat Panels minflok Interactive Whiteboards (li hija teknologija aktar ġdida u ta’ benefiċċju għall-istudenti.); · Ser ikomplu jiġu mmodernizzati l-Computer labs; · Ser jiddaħħlu PCs fid-Design and Technology labs; · Ser jinbidlu l-PCs kollha tal-iskrivani fl-iskejjel; · Ser ikomplu jinxtraw numru ta’ projectors ġodda biex jinbidlu projectors qodma; · Ser jinxtara software ġdid biex jintuża fuq kull Interactive Whiteboard/Interactive Flat Panel; · Ser inkomplu ngħammru l-iskejjel il-ġodda bl-All-in-Ones. Min-naħa pedagoġika hemm ippjanat: · Ħolqien ta’ erba’ laboratorji li juru kif għandha tkun klassi tas-seklu 21; · Kitba tal-istrateġija għal-Litteriżmu Diġitali. Dokumenti li nkitbu s’issa: X’inhu l-Litteriżmu Diġitali u Imġieba pożittiva fl-ambjent virtwali; · Iddisinjar tal-kurrikulu għal-Litteriżmu Diġitali li jinkludi kompetenzi diġitali bħal kollaborazzjoni, kreattività, komunikazzjoni, ħsieb kritiku, “coding”, aspetti etiċi u ċittadinanza diġitali.

MCAST u l-Università ta’ Malta – suġġetti u korsijiet addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’suġġetti u korsijiet addizzjonali se jkunu provduti fl-MCAST u l-Università ta’ Malta għas-sena skolastika li ġejja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar korsijiet ġodda f'din is-sena akkademika hu kif jidher fid-dokumenti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Dok. 'A' - il-korsijiet ġodda li se jkunu provduti fl-MCAST Dok. 'B' - il-korsijiet u l-oqsma ta' studju ġodda li se toffri l-Università ta’ Malta.