Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema Business Advisory Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2014 sa l-aħħar ta' Lulju 2016, kien hemm 94 il-beneficjarju li bbenefika minn l-iskema tal-Business Advisory.

Skema Gozo Transport Grant Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Gozo Transport Grant Scheme fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar tlett snin, ibbenifikaw 55 il-intrapiża mill- Gozo Transport Grant Scheme.

Skema Investment Aid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Investment Aid fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013, 198 il-intrapriża bbenefikaw minn din l-iskema, b'total ta' 48.4 miljun ewro bħala kreditu fiskali. Fis-sena 2014, 177 il-intrapriża bbenefikaw minn din l-iskema, b' total ta' 33.5 miljun ewro bħala kreditu fiskali. Iċ-ċifri tal-2015 jiġu kkompilati fl-2017 filwaqt li dawk tal-2016 fl-2018.

Ambaxxaturi tal-qari — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma tal-ambaxxaturi tal-qari? Kemm kien hemm sessjonijiet minn meta bdiet din l-inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ewlieni tal-Programm ‘L-Ambaxxaturi tal-Qari’ immexxi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu huwa li jkompli jrawwem in-namra għall-qari fost it-tfal, u dan bis-sehem ta’ personalitajiet magħrufa lokali li qed jagħtu spinta lill-qari permezz ta’ attivitajiet ta’ qari għall-gost u diskussjoni fi skejjel u postijiet differenti. Mill-bidu tal-programm sal-aħħar ta’ Awwissu tal-2016 saru 67 attività tal-qari għall-gost mill-Ambaxxaturi tal-Qari f’226 klassi, li fihom ipparteċipaw 5,390 student/a. Waqt dawn l-attivitajiet tqassmu wkoll 780 ktieb fil-libreriji tal-klassijiet.

Malta Enterprise – proġetti ta’ investiment barrani approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġetti ta’ investiment barrani ġew approvati mill-Malta Enterprise mis-sena 2014 sad-data li fiha li tkun imwieġba din l-mistoqsija? Kemm se jkun il-valur tal-investiment? Kemm se jkunu qed jimpjegaw nies?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sa issa, il-Korporazzjoni approvat 66 proġett b'investiment barrani. Hu previst li l-investiment minn dawn il-proġetti ilaħħaq 112 miljun ewro filwaqt li jinħolqu mhux inqas minn 2,100 impjieg ġdid.

Kumpaniji b’investiment minn barra li kabbru l-operat f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kumpaniji b'investiment minn barra li kabbru l-operat tagħhom f'Malta minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu 38 il-kumpanija b'investiment barrani li kabbru l-operat tagħhom min Malta fil-perjodu bejn Marzu 2013 sa issa.

Aġenzija Għożża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-Aġenzija Għożża?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Servizz Għożża huwa servizz fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li joffri għajnuna u sapport lit-tfajliet minorenni, lill-partners u l-ġenituri tagħhom. Dan jintlaħaq permezz ta’ diversi programmi li jinkludu: 1. Program speċifiku għat-tfajla tqila li jiltaqa’ tliet darbiet fil-ġimgħa. 2. Grupp ta’ sapport għat-tfajla omm u t-tarbija li jiltaqa’ darba fil-ġimgħa. 3. Program ta’ appoġġ għall-ġenituri tal-ommijiet u missirijiet żgħażagħ. 4. Programmi ta’ prevenzjoni għall-ġenituri fl-iskejjel Sekondarji kemm tal-Istat kif ukoll tal-Knisja u dawk Independenti 5. Programmi ta’ prevenzjoni għall-istudenti tal-Form 4. 6. Laqgħat ta’ Informazzjoni minn speċjalisti fil-qasam mediku, legali, edukattiv u soċjali. 7. Counselling għat-tfajla tqila/tfajla omm, il-partner u l-ġenituri tagħhom. 8. Żvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni li jirrifletti l-bżonnijiet tat-tfajla omm u tat-tarbija, flimkien ma’ professjonisti oħra. Dan jintlaħaq permezz ta’ networking ma’ entitajiet u aġenziji oħra fosthom Aġenzija Appoġġ, Servizz Benniena, Parentcraft, LEAP u l-Fondazzjoni tal-President għat-tisħiħ tas-soċjetà. Il-programmi ta’ prevenzjoni joffru tagħlim u informazzjoni dwar l-iżvilupp emozzjonali, fiżiku u psikoloġiku tal-adolexxenti billi jiddiskutu temi speċifiċi bħal relazzjonijiet u esperimentazzjoni sesswali fost l-adolexxenti. L-informazzjoni dwar in-numru ta’ tfajliet tqal li ġew megħjuna matul is-sena skolastika 2015-2016, in-numru ta’ studenti u ġenituri li ħadu sehem fil-programmi ta’ prevenzjoni matul is-sena skolastika 2015-2016, u s-sessjonijiet ta’ Counselling u helping skills li saru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Literacy Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-Literacy Resource Centre?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul din l-aħħar sena, iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Litteriżmu tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu: · Ħoloq policy u service charter fuq l-operat tiegħu. · Żied il-kollezzjoni tiegħu b’1,200 ktieb/riżorsa. · Ta sapport lill-għalliema tal-litteriżmu u lill-kapijiet tad-dipartiment tal-litteriżmu. · Ta sapport lill-għalliema tal-primarja u l-LSAs fuq riżorsi/kotba tal-litteriżmu. · Sar it-tqassim tal-għamara u r-riżorsi sabiex iċ-Ċentru tar-Riżorsi jimxi għal binja ġdida li hija akbar u aktar komda għal min juża l-istess ċentru. · Ta għajnuna lill-iskejjel primarji tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Paola A u B fuq l-għażla ta’ riżorsi kif ukoll lill-Iskola Primarja ta’ San Alwiġi. · Il-katalgu taċ-ċentru tar-riżorsi tqiegħed fuq il-Fronter ħalli l-għalliema u LSAs ikollhom aċċess akbar għalih u jkunu wkoll jistgħu jibbukkjaw ir-riżorsi li jkunu jixtiequ jużaw elettronikament. · Iċ-Ċentru kien miftuħ għal min ikun jixtieq jużah: it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mit-8.30 sal-16.30, u t-Tlieta u l-Ħamis mit-8.30 sas-14.30 matul is-sena skolastika u kuljum mit-8.30 san-12.30 fis-sajf 2016.

Inizjattiva “Aqra kemm Tiflaħ”

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar tnax-il xahar tal-inizjattiva “Aqra kemm Tiflaħ”?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-programm ‘Aqra kemm tiflaħ - Enriching Classroom Libraries’ fis-sena skolastika 2014-15 sa Ġunju 2016 tqassmu 22,915 ktieb bil-Malti u bl-Ingliż f’52 skola primarja u dawn il-kotba qegħdin jintużaw minn 5,000 student/a. Magħhom tqassmu wkoll 500 riżorsa abbinati mal-istess kotba. Fl-2016, għall-ewwel darba wkoll, il-programm ‘Aqra kemm Tiflaħ’ iddaħħal ukoll fi tliet skejjel medji, jiġifieri l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, in-Naxxar u Bormla. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda tippjana li fit-tliet snin li ġejjin il-programm ‘Aqra Kemm Tiflaħ’ jinfirex fl-iskejjel primarji kollha ta’ Malta u Għawdex, u b’hekk kull klassi mill-1 sas-6 sena jkollha librerija attrezzata b’mill-inqas 100 ktieb; 50 ktieb bil-Malti u 50 ktieb bl-Ingliż, kotba kemm fittizji kif ukoll fattwali.

Skolasajf

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma ta' Skolasajf għal din is-sena? Kemm kien hemm tfal li applikaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ Skolasajf din is-sena kien bejn it-13 ta’ Lulju u s-7 ta’ Settembru, 2016 u matul dan il-perjodu ġiet esplorata t-tema ta' 'Rispett lill-kulħadd'. In-numru ta’ tfal reġistrati kien 11,184 fi 63 Ċentru li minnhom 10 kienu f’Għawdex, 3 Ċentri ta’ Riżorsi, u s-Sannat Special Unit. Il-ħinijiet ta’ Skolasajf kienu bejn it-08.30 ta’ filgħodu u n-12:30 ta’ wara nofsinhar. Madankollu, fit-30 ċentru li se nsemmi ġie offrut ħin estiż mis-07.00 sat-8.30 ta’ filgħodu u min-12.30 sal-17.30 ta’ filgħaxija. Attard Luqa Pembroke St Venera Birżebbuġa Mellieħa Qormi SG Valletta Birkirkara Mġarr Rabat Żabbar Cospicua Mosta San Ġwann Żebbuġ Fgura Marsascala Siġġiewi Żejtun Floriana Naxxar Sliema Żurrieq Ħamrun GP Paola San Ġiljan Xagħra San Pawl il-Baħar Victoria It-temi li ġew diskussi matul is-sajf kienu: 1. Respect for Myself 2. Respect for Family and Friends 3. Respect for the Environment 4. Respect for Animals 5. Respect for my Country 6. Respect for Different Cultures 7. Respect for Work Iċ-ċentri kienu wkoll imħeġġa jagħmlu attività flimkien mal-Kunsilli Lokali sabiex inressqu viċin ix-xogħol li jsir fil-komunità. Iċ-ċentri organizzaw ukoll attività b’risq il-Malta Community Chest Fund. Għat-tieni sena Skolasajf ħadmet ukoll man-National Literacy Agency bil-programm Aqra fis-Sajf. Kien hemm ukoll attivitajiet ta’: - Sport - Futsal - Health Factor Programme mal-istudenti tal-età tal-Kindergarten - Kwizz edukattiv ibbażat fuq it-temi msemmija. Kompetizzjonijiet li ġew organizzati waqt Skolasajf: - Wasteserv - Selfie with my pet – Animal Welfare - Peacelab - Transport Malta - Aqra fis-Sajf Bookmark Competition - French Dutch German Embassy Kien hemm ukoll numru ta’ entitajiet u NGOs li taw sehemhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm billi offrew sessjonijiet f’ċentri differenti ta’ Skolasajf.

Sena skolastika li jmiss – skejjel tal-istat — għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu n-numru ta' għalliema fl-iskejjel tal-istat għas-sena li ġejja? X'persentaġġ minnu huma supply teachers?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-total ta' għalliema fl-iskejjel tal-istat hu ta' 3,874 li minnhom 239 huma supplenti, ekwivalenti għal 6.17%. Mit-total mogħti hemm 250 għalliem li qegħdin fuq xi tip jew ieħor ta' leave. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-figuri mogħtija jinbidlu matul is-sena skolastika.

Sena skolastika li jmiss – skejjel tal-istat — LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu n-numru ta' LSAs fl-iskejjel tal-istat għas-sena li ġejja? X'persentaġġ minnu huma supply LSAs?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sal-24 ta’ Ottubru 2016 fl-iskejjel ta’ l-istat hemm 2336 edukatur fil-gradi ta’ LSA. Minnhom 896 huma Supply LSA. Mill-ewwel total mogħti, 45 LSA u 8 Supply LSA bħalissa qegħdin fuq parental jew career jew unpaid study leave. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-figuri mogħtija jinbidlu matul is-sena skolastika.