Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skemi PPP

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu d-dejn li għad irid jitħallas mill-Kunsilli Lokali għal skemi tal-PPP li ħarġu fuq it-toroq mill-amministrazzjoni preċedenti bejn l-2008 u l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Skont l-informazzjoni li nġabret mingħand il-Kunsilli Lokali fix-xahar t’Awwissu 2016, dan id-dejn jammonta għal €4,788,543.

Rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika — dokumenti

Question

Fir-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika dwar l-iskemi speċjali, l-Awditur ikkonkluda li ma kellux aċċess għal dokumenti sabiex ikun jista' jagħmel verifika fost l-oħrajn dwar il-membri tal-kumitati tal-aġġudikazzjoni, kif inbidlu l-kriterji tal-għażla u l-aġġudikazzjoni u anke dwar kif varjaw l-għotjiet lil ċertu Kunsilli Lokali. Jista' l-Ministru jgħid u jagħti informazzjoni fejn suppost kellhom jinżammu dawn id-dokumenti u min kien responsabbli minnhom hux id-Dipartiment jew is-Segretarjat innifsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ta aċċess sħiħ lill-Uffiċjali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur waqt li kienu qed jagħmlu l-investigazzjoni tagħhom u kien dejjem disponibbli u ta lilhom l-informazzjoni kollha li kellu b’mod immedjat u f’kull forma possibbli kemm jekk format printjat kif ukoll elettroniku. Saħansitra, id-Dipartiment ta lilhom ukoll kull ‘working document’ intern relatat li kien miżmum fid-Dipartiment, flimkien ma’ kull ittra ta’ ħatra għal bordijiet tal-għażla, minuti u kull dokument ieħor li nstab fil-files relatati tal-iskemi li ħarġu bejn l-2008 u l-2013. Peress li sar ċaqliq tas-Segretarjat responsabbli mill-Gvern Lokali diversi drabi minn meta nħarġu l-imsemmija skemi, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali seta’ biss jipproduċi l-files li kellu fil-pussess tiegħu. Jekk kien hemm xi dokumentazzjoni oħra miżmuma mis-Segretarjat Parlamentari ta’ dak iż-żmien, il-files jew dokumentazzjoni relatati ma kinux disponibbli għaliex ma nstabux.

Kunsilli Lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx baqa’ Kunsilli Lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv u baqgħu jinqdew bis-servizz ta’ Aġent Segretarju Eżekuttiv? F’dan il-każ liema huma dawn il-Kunsilli?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 27985.

Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali – Kunsilli Lokali – applikazzjoni għal proġetti mħallsa mill-fondi tal-UE

Question

Wara l-aħħar sejħa mis-Segretarjat Parlamentari Għall-Gvern Lokali fejn stieden lill-Kunsilli Lokali jissottomettu applikazzjonijiet għall-proġetti mħallsa mill-fondi tal-UE, jista’ l-Ministru jgħidilna kemm kienu l-kunsilli li wrew l-interess tagħhom u minn liema proġetti bbenefikaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-aħħar sejħa għal proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea li kienet indirizzata għall-Kunsilli Lokali, inħarrġet mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programmi European Regional Development Fund (ERDF) u tal-European Social Fund (ESF) f’format ta’ Pre-Announcement calls. Tali sejħiet kienu jittrattaw il-prioritajiet segwenti: Priority Axis 4 – ‘Shifting towards a low-carbon economy’ Investment Priority (IP) 4a - Promoting the production and distribution of energy derived from renewable sources. Priority Axis 5 – ‘Protecting our environment – investing in natural and cultural assets’ Investment Priority (IP) 6c - Conserving, protecting, promoting and developing natural and cultural heritage. Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, permezz ta’ komunikat li nħareġ fil-25 t’April 2016, informa lill-Kunsilli Lokali kollha b’tali sejħiet u ħeġġiġhom sabiex jibdew iħejju l-ħidma preparatorja neċessarja għas-sottomissjoni eventwali ta’ proġett/i. Mill-informazzjoni li għandu s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali kienu tletin (30) dawk il-Kunsilli li wrew l-interess tagħhom għal tali sejħiet. F’dan l-istadju, mhux possibbli li ninforma lill-Onorevoli Interpellant kemm minn dawn il-Kunsilli bbenefikaw minn dawn il-fondi minħabba l-fatt li tali sejħiet għadhom miftuħa.

Skema Business Associations Grant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Associations Grant fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta tnediet l-iskema, ma kien hemm l-ebda intrapriża li bbenefikat mill- Business Association Grant Scheme. Din l-iskema tnediet f’ Jannar tal-2016.

Ta’ Qali — Proġett tal-Crafts Village

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett tal-Crafts Village f’Ta’ Qali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħdin fil-proċess li ningaġġaw il-''Project Managers'' għal dan il-proġett. Ix-xogħolijiet huma maħsuba li jinbdew fil-bidu tas-sena 2017.

Persuni li ġabu d-divorzju

Question

Jista' l-Ministru jgħid, min meta daħal id-divorzju f'pajjiżna, kemm kienu l-persuni li ġabu d-divorzju b'deċiżjoni tal-Qrati Maltin, sena b’sena, Malta u Għawdex b’mod separat, sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Każijiet ta’ divorzju approvati b’deċiżjoni tal-Qrati Maltin f’Malta huma dawn: Sena Talba għal Divorzju milqugħa 2011 (Minn Ottubru sa Diċembru 42 2012 432 2013 349 2014 320 2015 354 2016 (sas-27 t'Ottubru) 278 Total 1775 Il-każijiet ta’ divorzju approvati b’deċiżjoni tal-Qorti Għawdex huma dawn: Sena Talba għal Divorzju milqugħa Minn Ottubru sa Diċembru 2011 2 2012 18 2013 11 2014 7 2015 22 Sas-27 ta’Ottubru 2016 5 Total 65

Kunsill tas-Swieqi – każ ta’ proġett li qatt ma seħħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni u dettalji dwar il-każ li l-Kunsill tas-Swieqi għandu mal-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar proġett li kellu jsir fi żmien il-leġiżlatura li għaddiet u li dan baqa' qatt ma seħħ? Kemm kien il-prezz inizjali mitlub għall-pjanti ta' dan il-proġett? X'kienu r-raġunijiet li l-Kunsill baqa' qatt ma ħallas lil dan il-perit? Kien hemm proċeduri legali fil-qorti dwar dan il-każ? Jekk iva x'kien l-eżitu tiegħu u x'inhi s-sitwazzjoni bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi li l-prezz inizjali kien ta’ €23,037.50(LM 9,890.00), li pero’ kien ġie rivedut għal €15,606.79 (LM6,700.00). Intant infurmat mill-Kunsill li kien hemm proċeduri legali fil-qorti dwar dan il-każ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-eżitu tiegħu. Il-kont li l-Kunsill kien ordnat iħallas għadu pendenti peress li s-Sindku qed jagħmel dak kollu li hu possibli biex dan il-kont jitnaqqas.

Skema Interest Rate Subsidies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Interest Rate Subsidies fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema Interest Rate Subsidy, 12-il intrapriza bbenifikaw fl-2014 bl-għajnuna finanzjarja tammonta għal €529,990. Matul is-sena 2015, bbenefikaw 5 impriżi, bl-għajnuna finanzjarja tammonta għal €3,967,399. Mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' Lulju 2016, żewġ intrapriżi bbenefikaw minn din l-iskema, bl-għajnuna finanzjarja tammonta għal €280,736.

Skema Loan Guarantees

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Loan Guarantees fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Loan Guarantee, 3 impriżi bbenifikaw fl-2014 u 5 impriżi bbenifikaw fl-2015. Fl-2014 l-għajnuna finanzjarja ammontat għal €447,500 waqt li fl-2015 l-għajnuna finanzjarja ammontat għal €2,764,000. Sa l-aħħar ta' Lulju 2016, ma ġiet approvata l-ebda assistenza matul is-sena 2016.

Skema Micro Guarantee Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Micro Guarantee Scheme fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2014 sa l-aħħar ta' Lulju 2016, għaxar intraprizi bbenefikaw mill-iskema Micro Guarantee.

Skema Research and Development

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Research and Development fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2014, ingħata total ta' €79,168 taħt l-iskema R&D Feasibility Study lil-żewġ intrapriżi. Matul l-istess perjodu ingħatat assistenza ta' €166,135 taħt l-iskema R&D 2014-2020 lill-intrapriża waħda.

Trading licences

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu trading licences bejn is-sena 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar 2013 sal-1 ta’ Awwissu 2016, is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ ħarġet 6,891 liċenza tal-kummerċ kif ġej: 2013 - 1,965 2014 - 1,786 2015 - 1,779 2016 (sal-1 ta’ Awwissu) - 1,361

Skema Start up Finance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Start up Finance fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta tnediet l-iskema, ma kien hemm l-ebda intrapriża li bbenefikat mill-Start-up Finance Scheme. Din l-iskema tnediet fi Frar tal-2016.

Skema Micro Invest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Micro Invest fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2014, kien hemm 897 benefiċjarji, b'total f'assistenza li tlaħħaq 5.7 miljun ewro. Fis-sena 2015, kien hemm 1,193 benefiċjarji, b'total f'assistenza li tlaħħaq 9.2 miljun ewro. Din is-sena, minn 767 il-applikazzjoni li sa issa ġew ipproċessati fost total ta' 1,323, l-ammont ta' assistenza jlaħħaq 5.1 miljun ewro.