Persuna lli tissokta taħdem meta tilħaq l-età tal-pensjoni — vantaġġi
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’vantaġġi hemm meta persuna tagħżel li tissokta taħdem meta tilħaq l-età tal-pensjoni, mingħajr ma tieħu l-pensjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, min ikun jaħdem fis-settur privat u jiddeċiedi li jittardja li jieħu l-Pensjoni għall-Irtirar billi jibqa’ fid-dinja tax-xogħol, qed jibbenefika minn żieda fil-pensjoni eventwali tiegħu. Dawk li jiddeċiedu li jittardjaw li jieħdu l-pensjoni b’sena qegħdin jieħdu żieda perċentwali ta’ 5% mar-rata tal-pensjoni dovuta, dawk li jittardjaw il-pensjoni b’sentejn jieħdu 10.5%, dawk li ser ikunu qed jittardjaw l-pensjoni tagħhom bi tlett snin jieħdu 16.5% żieda, filwaqt li dawk li ser ikunu qed jittardjaw il-pensjoni tagħhom b’erba’ snin ser ikunu qed jaraw il-pensjoni tagħhom tiżdied bi 23%. L-ammont addizzjonali li jirriżulta meta jibdew jieħdu l-pensjoni jibqgħu jieħduh tul ħajjithom kollha u anke jintiret mir-romol ta’ pensjonanti li jmutu billi jiżdied mal-pensjoni tar-romol.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità li ħarġu jaħdmu u allura baqgħu jgawdu l-pensjoni ta’ diżabilità u d-dħul mill-impjieg ġdid tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa’ Ottubru 2016, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li f’impjieg u fl-istess ħin baqgħu jirċievu l-pensjoni tad-diżabilità, jammonta għal 692 persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Pollakk fl-ewwel sitt xhur tal-2016? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità għal dan is-suq?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-suq Pollakk huwa suq ieħor li qiegħed jagħtina sodisfazzjon b’riżultati tajbin ħafna f’dawn l-aħħar sentejn. Fl-2013, kienu żaruna 23,889 turist mill-Polonja, fl-2014 dan in-numru tela’ għal 34,723 u fl-2015 ilħaqna iċ-ċifra ta’ 46,233 ruħ. Ċertament rata ta’ tkabbir fenomenali li mhux qed tkun biss fix-xhur tas-sajf imma tul is-sena kollha. Fil-fatt, meta tqabbel l-ammont ta’ 20,086 viżitatur mill-Polonja illi ġew fl-2012 ma l-2015, l-ammont iktar milli rdoppja. Tabella bil-figuri qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-2016, għall-ewwel darba, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu nhediet kampanji ta’ reklamar fil-bliet Pollakki ta’ Varsavja, Poznan, Gdansk, Krakovja u Wroclaw u r-riżultati minn dan il-pajjiż komplew jitjiebu. Fil-fatt, skont l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena ġew pajjiżna 45,898 turist. Dan ifisser li kważi diġa’ lħaqna n-numru totali ta’ Pollakki li żaruna fl-2015 u żieda ta’ 46.5% jew 14,575 turist meta wieħed iqabbel mal-ewwel tmien xhur tas-sena li għaddiet.
Dan il-Gvern qed jippjana sabiex fl-2017, nżidu l-attivita’ tagħna ta’
marketing
u nifirxu l-attivita’ f’niċeċ li għadna m’esplorajniex f’dan is-suq, bħat-turiżmu reliġjuż u tal-konferenzi, kif ukoll nespandu f’reġjuni oħra viċin l-ajruporti li minnhom għandna titjiriet diretti lejn pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Ġermaniż fl-ewwel sitt xhur tal-2016? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità għal dan is-suq?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħala Ministeru u bħala Awtorita tat-Turi¿mu, nemmnu li s-suq Ġermaniz jista’ jtina iktar milli tagħna f’dawn l-aħħar għaxar snin, fejn għajr għal eċċezzjoni ta’ sena jew tnejn, in-numru ta’ turisti minn dan il-pajjiż varja fir-regjun ta’ 130,000/140,000 turist fis-sena. Ħdimna u se nkomplu naħdmu sabiex intejbu l-konnettivita’ minn dan il-pajjiż u varajna u se nkomplu nvaraw inizjattivi ġodda ta’ marketing fl-ibliet u reġjuni li minnhom għandna titjiriet diretti.
Fis-Sajf li għadda, kellna lil Ryanair li beda titjiriet ġodda minn Baden Baden, Berlin, Kolonja u Dusselforf Weeze u Air Malta li ¿iedet il-frekwenzi minn Berlin.
Fl-iskeda tax-xitwa li tibda f’Novembru, se jkollna titjiriet ġodda minn Ryanair fuq Nuremberg filwaqt li se jkomplu t-titjiriet minn Baden Baden, Berlin u Kolonja. Lufthansa se jkunu qegħdin iżidu t-titjiriet minn Frankfurt u Munich filwaqt li Air Malta se żżid t-titjiriet minn Munich ukoll.
Għas-Sajf 2017, se jkollna l-linja ta’ l-ajru Condor li se tibda ttir lejn Malta minn Hamburg filwaqt li Transavia se tibda titjiriet lejn pajjiżna minn Munich.
Ir-riżultati miksuba fis-suq Ġermaniż fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena huma pożittivi fejn meta mqabblin ma’ l-istess perjodu s-sena l-oħra qegħdin naraw żieda ta’ 7,424 turist jew tkabbir ta’ 8.2%.
Għal dan is-suq, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha ppjanat programm fejn ser tkompli tkabbar l’attivitajiet ta’ PR u Marketing, kif ukoll is-sapport għal
tour operators
għas-sena d-dieħla.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-overseas productions iffilmjati f’Malta u f’Għawdex fl-2015? Jista’ jgħid liema kienu u x’kienet in-natura tagħhom? Jista’ jgħid kemm huwa kkalkolat li kien il-kontribut finanzjarju li ħallew dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-ekonomija lokali sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm inħolqu impjiegi riżultat ta’ dawn il-produzzjonijiet sena b’sena b’mod separat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul is-sena li għaddiet, kien hemm element qawwi ta’ diversifikazzjoni fl-industrija tal-Films. Minbarra films li ġew attirati, numru kbir ta’ sensiliet għat-televizjoni internazzjonali u produzzjonijiet ta’ reklami għal ditti rinomati nefqu miljuni ta’ ewro f’pajjiżna. Din l-industrija kompliet tagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija ta' Malta.
Fost xogħol ieħor, il-Kummissjoni tal-Films wettqet kampanja estensiva ta’
marketing
madwar id-dinja u qed tesplora wkoll swieq ġodda fosthom dak tal-Asia. Din l-industrija qed taqdi wkoll rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika.
Is-sena 2015, kienet sena rekord fin-numru ta’ produzzjonijiet barranin li ffilmjaw f’Malta. Fil fatt, in-numru ta’ produzzjonijiet jammonta għal 16-il wieħed.
Is-sena 2015 kienet ukoll rekord assolut fl-ammont ta’ flus iġġenerati mill-industrija tal-films. L-attivita’ ekonomika diretta u indiretta tal-industrija tal-films laħqet figura ta’ madwar mitt miljun Ewro. Meta kkumparat mal-2012 u l-2013, l-ammont iġġenerat kien ta’ ftit aktar minn sittax-il miljun u ta’ kwazi erba’ miljuni u nofs, rispettivament.
Fir-rigward tan-numru ta’ impjiegi li nħolqu, l-impjiegi diretti jammonta għal madwar 2,000 bħala
crew
u madwar 2,500 persuna li ħadmu bħala
extras
u atturi. Fir-rigward ta’ impjiegi indiretti, dawn il-produzzjonijiet jiġġeneraw eluf ta’ impjiegi illi huwa diffiċli ħafna jiġu kkwantifikati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-local productions li bbenefikaw mill-Malta Film Fund fl-2015? Jista’ jgħid liema kienu u x’kienet in-natura tagħhom? Jista’ jgħid kemm kienu l-fondi allokati lil dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fit-talent lokali u qed jaħdem sabiex jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ sehem u ta’ xogħol fl-industrija tal-films indiġena.
F’konformita’ mal-politika nazzjonali tal-Film – li hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna, il-Gvern huwa determinat li jkompli jgħin u jinvesti f’dan is-settur f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Permezz tal-Malta Film Fund qed jirnexxielna noħolqu dawn l-opportunitajiet għal film makers lokali. Għall-ewwel darba mit-twaqqif ta’ dan il-fond, se jiżdied il-budget allokat sabiex ikunu jistgħu jingħataw aktar
grants
lil produzzjonijiet lokali.
Fl-2015, ingħataw €243,400 lil għaxar proġetti differenti. Skond il-prattiċi ta’ trasperenza li bihom timxi l-Kummisjoni tal-Films, kull sena, dettalji tal-Film Fund qed jiġu ppublikati fuq il-Website tal-Kummissjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex il-Gvern jiġġieled il-problema tal-faqar li wiret min-nuqqas ta’ inizjattivi tal-Gvern preċedenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, konxji tal-fatt li l-problema tal-faqar f’pajjiżna m’hijiex perċezzjoni iżda realta’, il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli ħadem u għadu qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti, strateġiċi, skemi, programmi u miżuri li permezz tagħhom qegħdin u ser inkomplu ngħinu lil dawk il-familji li qegħdin jgħixu fil-faqar; ewlenin fosthom iżda mhux biss:
Għajnuna lill-Familji:
- Benefiċċju tal-inwork lill-koppji miżżewġa, anke jekk wieħed mill-konjugi biss jaħdem, kif ukoll lis-single parents li għandhom tfal sa 23 sena, liema benefiċċji se jkomplu jiżdiedu s-sena d-dieħla u mħallsa lill-benefiċjarji ġodda minħabba li twessa’ il-capping;
- Riforma fl-Għajnuna Supplimentari li se tagħti żidiet lill-ħaddiema miżżewġin sa massimu ta’ €4.41 fil-ġimgħa lil dawk bi dħul anqas minn €13,000 fis-sena, u żidiet lill-ħaddiema single sa massimu ta’ €2.43 fil-ġimgħa lil dawk bi dħul taħt id-€9,012 fis-sena;
- B’dawn iż-żewġ miżuri li semmejt issa se nassiguraw li kull min jaħdem u qiegħed bil-paga minima se jieħu żieda ta’ mill-anqas €4 netti fil-ġimgħa, liema żieda tikber skont in-numru ta’ tfal fil-familja;
- Persuni bil-paga minima ma baqgħux iħallsu taxxa;
- Roħs fit-taxxa wkoll lil dawk bi dħul ogħla mill-paga minima u li ma bbenefikawx mir-rohs tat-taxxa minn 35% għal 25%;
- Sistema ta’ tapering fuq il-benefiċċji soċjali sabiex ninċentivaw lil dawk li mhux f’impjieg, inkluż lil ġenituri single li jirċievu l-għajnuna soċjali, sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol;
- Ma baqax jittieħed inkonsiderazzjoni d-dħul mill-impjieg tal-ulied, inkluż minn impjieg, meta familja tibbenefika mill-għajnuna soċjali;
- Il-leave tal-maternita’ estiż b’ġimgħatejn għal total ta’ 18-il ġimgħa kif ukoll l-għoti tal-leave tal-maternita għal dawk l-ommijiet li jaddottaw. Ukoll żieda fir-rata tal-benefiċċju tal-maternita’, ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali; liema benefiċċju ser ikun qiegħed jingħata wkoll lill-ommijiet li jaħdmu għal rashom għall-ewwel 14-il ġimgħa tal-leave tal-maternita’ tagħhom;
- Il-proġett ta’ €50 miljun li permezz tiegħu ser inkunu qegħdin ninvestu f’binjiet ġodda għas-Social Housing f’pajjiżna;
- Ir-reviżjoni fis-sussidju tal-kera mħabbra f’dan il-baġit – liema sussidju massimu ser jiżdied minn €1,000 għal €2,000 fis-sena, dejjem skont kemm hemm membri fil-familja u wkoll skont id-dħul tal-familja, u barra minn hekk se jitwessa wkoll il-capping tat-test tal-mezzi biex jibbenefikaw aktar nies;
- Proġett pilota, imħabbar f’dan il-baġit li ser ikun qiegħed jagħti serħan il-moħħ lil familji bi dħul baxx filwaqt li jorbot lil sid il-kera b’kuntratt ta’ 7 snin imma wkoll jagħti l-vantaġġ lil dan tal-aħħar li ser ikun qiegħed jibbenifika minn rata baxxa ta’ taxxa;
- Iż-żidiet b’rabta mal-kirijiet baxxi li mhux ħa jibqgħu ikunu applikabbli għal residenzi tal-Gvern jew tal-Awtorita’ tad-Djar. Iż-żidiet fil-kera li kienu affetwati fl-2013 u fl-2016 b’mod rispettiv, lil dawn l-inkwilini, ser ikunu mreġġa’ lura u mogħtija lura lill-individwi milquta;
- Il-proġett LEAP li l-iskop tiegħu huwa li permezz ta’ sħubija bejn l-Istat, numru ta’ NGO’s u għaqdiet oħrajn, inkunu f’qagħda li nidentifikaw każijiet li lanqas jirrikorru għall-għajnuna.
- Tibdil fil-kalkolu tat-test tal-mezzi fl-Assistenza Medika, fejn l-ammont ta’ manteniment mgħoddi mill-applikant lill-ex-konjuġi tiegħu/tagħha beda jitneħħa meta jsir it-test tal-mezzi.
- Miżura ta’ każijiet ta’ żagħżagħ li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 beda jkollhom l-obbligu li jipparteċipaw fil-
Youth Guarantee
.
- S
ingle parents
taħt it-23 sena li jkollhom it-tfal li laħqu l-età ta’ sena beda jkollhom l-obbligu illi jipparteċipaw fil-
Youth Guarantee
sabiex l-opportunitajiet tagħhom
vis-as-vis
id-dinja tax-xogħol jiżdiedu.
Għajnuna lill-anzjani u pensjonanti (inkluż tal-futur):
- Żidiet lill-pensjonanti single jew romol fuq pensjoni minima li din is-sena raw il-pensjoni tagħhom inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja titla’ għal €7,280 fis-sena jew €140 fil-ġimgħa. Dawk il-pensjonanti li ma kellhomx il-bolol kollha mħallsa u li kienu fuq pensjoni minima, il-pensjoni tagħhom żdiedet pro-rata;
- Fl-istess waqt pensjonanti fuq pensjoni minima mħallsa bir-rata ta’ miżżewweġ se tkun żdiedet €514.80 fis-sena jew €9.90 fil-ġimgħa bejn dis-sena u s-sena d-dieħla;
- Żieda ta’ €4 fil-ġimgħa (€208 fis-sena) minbarra ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, li minbarra li se tkun qed tingħata lill-pensjonanti u anzjani miżżewġin b’pensjoni minima, se tingħata wkoll lill-pensjonanti miżżewġin tal-eta’ non-kontributorja;
- Ir-riforma li semmejt fl-Għajnuna Supplimentari li se tagħti żidiet fil-ġimgħa lill-pensjonanti u anzjani miżżewġin bi dħul taħt it-€13,000 li jistgħu jitilgħu sa’ €4.41 fil-ġimgħa u dan minbarra ż-żidiet fil-pensjoni;
- Emenda fil-liġi sabiex l-irġiel u n-nisa ma jibqgħux ikunu diskriminati minħabba l-ġeneru, li wasslet biex in-nisa u l-irġiel bdew jitħallsu l-istess rata ta’ pensjoni fejn applikabbli;
- Bonus annwali lil dawk il-persuni li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex ikunu intitolati għall-pensjoni f’isimhom. Min ħadem bejn sena u ħames snin jirċievi bonus ta’ €100, filwaqt li dawk li ħadmu aktar minn ħames snin huma intitolati għal bonus ta’ €200. Dan il-bonus ser ikun qiegħed jiżdied b’€50 fis-sena 2017, sabiex fiż-żewġ każijiet l-individwi intitolati jibdew jirċievu bonus ta’ €150 jew €250 fis-sena skont il-każ;
- Ġew irduppjati l-krediti tal-kontribuzzjonijiet lill-ġenituri li twieldu mill-1952 ‘il quddiem għaż-żmien li għamlu wieqfa mix-xogħol biex irabbu l-ulied;
- Krediti ta’ kontribuzzjonijiet lill-ġenituri single meta jidħlu f’kors vokazzjonali jew f’kors f’edukazzjoni terzjarja skont il-livell ta’ studju;
- Top-Up fil-pensjoni lil dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu wara l-eta’ tal-pensjoni u ma jieħdux pensjoni matul dan il-perijodu li jvarja bejn 5% u 23% tal-ewwel pensjoni mħallsa skont kemm-il sena tkun posposta l-pensjoni;
- Tneħħija tat-taxxa fuq dħul mill-pensjoni sa massimu ta’ €13,000 sal-2018;
- L-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat għall-fini tal-ħdim tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali żdied b’€1,000 f’din il-leġislatura u huwa iggarantit li jibqa’ jiżdied b’€200 oħra fis-sena fil-futur;
- Pensjoni sħiħa minflok pensjoni mnaqqsa lir-romol li jkunu ħadmu u allura jkollhom dritt għall-pensjoni tagħhom;
- Miżura ġdida li biha studenti full time li għadhom ma għalqux l-24 sena u li jagħmlu xi xogħol self-employed, jistgħu jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali pro-rata, b’rata ta’ 15% tad-dħul nett tagħhom;
- Sosten lill-anzjani tagħna u l-qraba tagħhom kif ħabbarna, permezz ta’ żieda sostanzjali fil-Pensjoni tal-Wens u fl-Allowance tal-Carer, sabiex l-anzjani jiqgħu jgħixu fi djarhom u nagħtu sens ta’ aktar dinjita’ lill-anzjani tagħna;
- L-għotja annwali ta’ €300 lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunita’ li mhux biss bdiet tingħata lil min jagħlaq 75 sena imma baqgħet u se tibqa tingħata kull sena;
- Twessa’ l-capping tat-test tal-mezzi sabiex persuna titqies eleġibbli għall-karta r-Roża;
- L-iSkema Carer at Home li permezz tagħha qed jiġu mgħejjuna, permezz ta’ sussidju, dawk l-anzjani, li jgħixu f’darhom sabiex ikunu jistgħu jimpjegaw carer magħhom
- Tneħħliet anomalija fil-mod ta’ kif jiġu riveduti
il-pensjonijiet ta’ dawk il-pensjonanti – fosthom ħaddiem tat-tarznari – fejn il-kumpanija li rtiraw minn magħha għalqet u għalhekk ma għadhiex tiffunzjona, sabiex meta ssir ir-reviżjoni
annwali jiġu mqabbla mal-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern fis-sena li fiha tkun għalqet il-kumpanija.
- Persuni li laħqu l-età ta’ 59 sena u għadhom ma laħqux l-età ta’ 65 sena u fl-istess waqt ikunu qegħdin f’impjieg jew jagħmlu xogħol għal rashom jistgħu issa jħallsu sa massimu ta’ ħames snin kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura sabiex itejbu l-pensjoni kontributorja tagħhom jew ikunu eliġibbli għal pensjoni kontributorja.
Għajuna lill-Persuni B’Diżabilita’:
- Pensjoni tad-diżabilita’ ogħla lil dawk il-persuni li d-diżabilita’ tagħhom tant hi severa li timpedihom milli jkunu f’impjieg. Lil dawn il-persuni li se jkunu qed jirċievu l-ogħla livell ta’ pensjoni, il-pensjoni tad-diżabilita’ ser tkun qegħda togħla fuq perjodu ta’ 3 snin sa ma tlaħħaq ir-rata tal-paga minima netta. Il-pensjoni tad-diżabilita’ kif inhi llum se tkun fit-tieni livell u ser tibqa’ titħallas bħal lum anke lil min ikun f’impjieg kif tħabbar fil-Baġit tal-2015. Madanakollu, kif kien imħabbar fl-aħħar baġit, l-amputees issa ser ikunu wkoll intitolati għat-tielet livell tal-pensjoni tad-diżabilita’;
- Pensjoni lill-persuni b’diżabilita’ li tkun ekwivalenti għal pensjoni tal-irtirar non-kontributorja malli jagħlqu l-eta’ tal-pensjoni;
- Żieda fl-Allowance għal Tfal b’Diżabilita’ ta’ kważi €5 fil-ġimgħa;
- Inċentivi fiskali lil min jimpjega persuni b’diżabilita’ u wkoll multi lil min ma jimpjegax persuni b’diżabilita’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Dan kollu qed nagħmluh sabiex il-persuni b’diżabilita’ noffrulhom l-opportunitajiet li jixirqilhom.
Minbarra l-miżuri msemmija aktar ‘l fuq kien hemm ukoll il-miżura ewlenija tar-roħs tat-tariffi tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji li tefgħu fil-bwiet tan-nies €80 miljun fis-sena. Dan minbarra numru ta’ miżuri oħra fil-qasam edukattiv u fil-qasam tas-saħħa li wkoll jgħinu persuni f’risjku ta’ faqar.
Il-ħidma ser tkompli sabiex nassiguraw li ntejbu l-ħajja tal-familji kollha Maltin u Għawdxin u nkomplu nnaqqsu l-faqar f’pajjiżna u eventwalment noffru d-dinjita’ li tixirqilhom lil dawk il-familji l-aktar fil-bżonn.
Proġetti biex titjib jew tittaffa l-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru jew huma fil-ħsieb li jsiru sabiex titjib jew tittaffa l-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, l-aktar meta jiġu temporanjament mingħajr saqaf fejn jorqdu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetá Soċjali qed jaħdem bis-sħiħ biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ persuni ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. B’żieda mat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 27102, minbarra programmi indirizzati lejn ġenerazzjonijiet u problemi soċjali differenti li l-klijenti tal-Aġenzija Appoġġ u Sedqa jiffrekwentaw, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, toffri l-għajnuna tagħha wkoll f’każijiet meta jkun hemm persuni li jispiċċaw temporanjament mingħajr saqaf fejn jorqdu, billi tirreferi l-każ lil entitajiet governattivi oħra u/jew għaqdiet Non-Governattivi li jipprovdu shelter. Dan huwa possibli bis-saħħa ta’ ftehim kuntrattwali li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli għandu ma’ numru ta’ għaqdiet u komunitajiet.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar tirreferi l-każijiet ta’ persuni li jispiċċaw temporanjament bla saqaf fuq rashom lill-istituzzjonijiet li joffru “Temporary Sheltering”. Madankollu, l-Awtorita’ tad-Djar, fil-preżent, xorta qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji billi tara l-fatti u tittieħed azzjoni fiċ-ċirkostanzi tal-każ billi timxi fuq case by case basis.
Barra minn hekk, infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi, matul is-sena d-dieħla, l-Awtorita’ tad-Djar ser tkun qegħda tibni l-ewwel units bħala parti mill-proġett kbir ta’ €50 miljun, li fuq medda ta’ tliet snin se jkun qed jirriżulta f’numru konsiderevoli ta’ units disponibbli għall-akkomodazzjoni soċjali, inkluż każijiet imsemmija f’din il-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellna port calls minn cruise liners ġewwa Għawdex waħdu, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u kemm kien l-ammont ta’ passiġġieri li kienu qed iġorru fl-istess xhur imsemmija? Jista’ jgħid x’kienet id-differenza perċentwali f’dawn il-figuri meta kkomparati mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Gżira Għawdxija wkoll qed tgawdi mis-suċċessi li qed joħloq is-settur tal-Cruiselining. Skont ċifri minn Transport Malta, f’Għawdex fl-ewwel nofs ta’ din is-sena ġew reġistrati 9 port calls minn vapuri tal-cruiseline, tnejn aktar milli daħħlu is-sena l-oħra fl-istess perjodu. Dawn il-cruiseliners kienu qed iġorru fuqhom 2,474 passiġġier, jiġifieri 3.6% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tas-sena l-oħra.
Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena il-cruiseliners li daħħlu Għawdex ġarrew aktar minn 5,200 passiġġier. Dan ifisser tkabbir ta’ aktar minn 76% fin-numru ta’ passiġġieri reġistrati fl-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti.
L-2015 kienet l-aqwa sena li Għawdex qatt irreġistra f’din l-industrija hekk kif is-sena l-oħra f’Għawdex ġew reġistrati 18-il port call, li ġarrew il fuq minn 9,800 passiġġier, it-tripplu minn dak reġistrat fl-2012 u 14-il darba aktar mill-2014.
Bidliet fl-istaġonalità fl-influss ta’ turisti lejn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif inbidlet l-istaġonalità fl-influss ta’ turisti lejn Malta matul l-aħħar tliet snin? X’kienu r-raġunijiet prinċipali li wasslu għal dan it-tibdil? Minn liema swieq l-aktar li kien hemm kambjament pożittiv?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-istaġonalità minn aspett ta’ żieda perċentwali fil-volumi tat-turisti, l-aħħar xitwa 2015/2016, qed turi l-għola żieda ta’ 11% meta mqabbla mal-istaguni l-oħra fejn fil-perjodu tas-sajf żdied b’rata ta’ 6%.
Barra minn hekk, jekk wieħed iħares kif l-influss tat-turisti huwa mqassam fuq l-istaġuni, jinnota, li s-sehem (share) tax-xitwa fl-aħħar sena (2015/2016) meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (2014/2015), żdied b’ 1 punt perċentwali, minn 24% għal 25%.
Ir-raġuni prinċipali għal din iż-żieda, hi r-riżultat pożittiv ta’ xogħol kontinwu tal-Gvern mal-Malta International Airport biex ikomplu jtejbu l-konettivita’ ta’ Malta matul is-sena kollha, speċjalment fl-istaġun tax-xitwa. Fil-fatt, in-numru ta’
air seats
fix-xitwa 2016/2015 żdied b’10.4% meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel (Novembru sa Marzu).
Reġuni oħra wara dawn ir-riżultati kien ix-xogħol tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu illi qassmet il-baġit tagħha aħjar u allokat iktar fondi għall-inizjattivi ta’ marketing li jiffokaw fuq ħolqien ta’ domanda addizzjonali għal pajjiżna fix-xhur tax-xitwa. L-Awtorità qed tiffoka wkoll fuq niċċeċ speċifiċi bħal ma huma turiżmu sportiv, turiżmu kulturali, btajjel qosra, turiżmu għat-terza eta', dak reliġjuz u gastronomiku, u turiżmu MICE.
Qed naħdmu wkoll mas-settur privat u promoturi internazzjonali sabiex noħolqu u nippromwovu iktar avvenimenti ta' livell għoli, li bihom jirnexxielna nattiraw turiħmu ġdid lejn Malta u Ghawdex.
L-influss ta’ turisti fl-aħħar staġun tax-xitwa meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel żdied minn diversi pajjizi ta’ oriġini kemm miċ-ċentru u il-punent ta’ l-Ewropa (Ġermanja, Italja, Spanja, Kroazja), il-lvant ta’ l- Ewropa (Polonja, Litwanja, Latvja, Repubblika Ċeka,) mill-Ewropa ta’ fuq (Renju Unit, Irlanda u pajjiżi Nordiċi) u kif ukoll minn pajjiżi mbegħda bħall-Amerika.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella illi turi l-influss tat-turisti u żieda fil-persentaġġi perċentwali matul l-aħħar tlett snin. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għall-benefiċċju ta’ din il-mistoqsija u l-informazzjoni li ser titpoġġa, l-istaġuni tat-turiżmu ser jiġu maqsumin fi tlett perjodi - minn Lulju sa Ottubru bħala x-xhur fejn l-influss jilħaq l-għola livelli, minn Novembru sa Marzu li hu l-perjodu meqjus bħala l-istagun tax-xitwa, u minn April sa Ġunju.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iżviluppi ewlenin fis-servizzi provduti fil-bajjiet Maltin u Għawdxin matul is-sajf 2016 komparat mas-snin ta’ qabel, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibilità? Kemm kienet in-nefqa din is-sena għal titjib fil-bajjiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu timmanniġja direttament numru ta’ bajjiet u fost ħidma oħra, tagħmel xogħol ta’ titjib sabiex il-bajjiet tagħna jkunu iktar aċċessibli għal kulħadd.
In-nefqa totali għal dan it-titjib fuq il-bajjiet tammonta għal €64,150.
Għas-sena 2016, l-Awtorità wettqet diversi proġetti li permezz tagħom individwi u familji bi bżonnijiet diversi, setgħu igawdu milli jżuru l-bajjiet b’iktar kumdità. Dan is-sajf, ġew installati żewġ pjattaformi ġodda ta’ 150 metru tul fil-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa. Għall-ewwel darba, twaħħlu
hoist chairs
f’bajjiet bil-blat fil-Qawra u l-Exiles Sliema. Barra minn hekk, xtrajna u żidna wkoll l-ammont ta’
beach trotters
(magħrufa wkoll bħala amphibious chairs) fil-bajjiet ramlin ta’ Malta.
F’konformita’ ma’ politika sostenibbli u responsabbli għat-turiżmu, dan il-Gvern hu kommess illi jżid l-aċċessibilità u jgħin lin-nies u familji sabiex ikunu jistgħu igawdu l-ħin liberu tagħħom mingħajr tfixkil. Filwaqt li nifmhu li mhux kull żona jista’ jkollha l-istess livell ta’ aċċessibilita’, rridu naraw illi in-numru ta’ bajjiet aċċessibli jikber fis-sajf li ġej. Għalhekk, fuq din il-premessa kif ukoll b’konjezzjoni tal-kummenti pożittivi għall-inizjattivi li ttieħdu f’dan il-qasam, ser inkunu qed ninvestu aktar flus fiż-żieda ta’ aktar
faċilitajiet għal aċċess aħjar
f’Golden Sands, l-Armier, il-Bajja s-Sabiħa B’Bugia u l-bajja tal-Fajtata.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fir-rigward tas-segment magħruf bħala Pink Tourism fid-dawl tal-fatt li Malta kisbet reputazzjoni tajba ħafna fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, kif konfermat mill-ILGA Rainbow Europe Index 2016?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-niċċa ta’ Pink Tourism illum hi realta’ mportanti fis-settur turistiku Malti. F’din in-niċċa għamilna avvanzi kbar f’dawn l-aħħar 3 snin speċjalment wara l-bidliet li saru minn dan il-Gvern fil-liġi taż-żwieġ ċivili fejn koppji ta’ l-istess sess bdew jistgħu jiżżewgu f’unjoni ċivili. Dan l-avvanż tella’ lil pajjiżna fil-quċċata ta’ l-ILGA Rainbow Europe Index u qed jgħin mhux ftit sabiex nippromwovu l-gżejjer Maltin għal btajjel qosra, btajjel b’temi ta’ attivita’ sportiva, lussu, kif ukoll għal żwieġ u honeymoon.
Għal dan il-għan nippjanaw u nwettqu pjani ta’ marketing speċifikament għal din in-niċċa f’diversi pajjiżi fosthom l-Istati Uniti, l-Italja, ir-Renju Unit, Ġermanja, Awstrija, Svizzera, Spanja, Olanda, Repubblika Ċeka, Polonja u l-pajji¿i Nordiċi.
Il-ħidma ta’ l-Awtorita’ qegħda tiġi rikonoxxuta u apparti r-riżultati pożittivi li qegħdin jinkisbu tista’ tgħid f’kull suq, fil-qasam ta’ Pink Tourism ġejna nominati u konna finalisti fil-kategorija ta’ LGBTIQ
marketing
fir-Renju Unit fit-TTG (Travel Trade Gazette) industry awards, l-iżjed awards importanti fil-qasam tat-turiżmu fir-Renju Unit. Fil-fatt ftit ġimgħat ilu id-Direttur ta’ l-MTA fl-ufficcju ta’ Londra rċieva l-premju għat-tielet post miksub għall-kampanja ta’
marketing
fl-2016.
Għawdex – applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkomodazzjoni turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intlaqgħu applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni turistiċi ġodda ġewwa Għawdex mill-bidu tas-sena 2016? Kemm inħarġu liċenzji ġodda? Kemm saru spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-akkommodazzjoni f’Għawdex matul l-istess perjodu u b’liema riżultat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, it-total t’applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni turistiċi ġodda ġewwa Għawdex minn Jannar sa Ottubru 2016, jammonta għal 203. Matul l-istess perjodu, ingħataw total ta’ 164 liċenzja ġdida. In-numru ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni f’Għawdex jammonta għal 765.
Meta tqabbel dawn il-figuri mas-sena 2012, fejn it-total t’applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni ġodda jammonta għal 83, ingħataw total ta’ 84 liċenzja ġdida u saru 214 spezzjoni, jidher ċar illi l-politika tal-Gvern għal din il-gzira, sabiex isir iktar investiment f’dan is-settur, hija waħda konkreta u qed tħalli riżultati pożittivi ferm.
Informazzjoni iktar speċifika qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Amerikan minn mindu reġa’ nfetaħ uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’dan il-pajjiż fl-2014? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità f’dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ turisti Amerikani li żaru Malta fl-2013 kien ta’ 19,502 persuna. Wara li ttieħdet id-deċizjoni li nerġgħu nidħlu fis-suq Amerikan u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu appuntat rapprezentanza fi New York, rajna tkabbir kostanti mis-Suq Amerikan. Fil-fatt, fl-2014 kellna żieda ta’ 14.8% fuq l-2013. Ir-riżultati pożittivi fis-suq Amerikan komplew fl-2015 fejn reġa’ kellna żieda qawwija ta’ 16.4% fuq is-sena ta’ qabel. Skont l-aħħar figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena qed juru iktar riżultati pożittivi meta għandna tkabbir ta’ 17.2% fl-ammont ta’ turisti Amerikani li żaru pajjiżna meta mqabbel ma l-istess perjodu ta’ bejn Jannar u Settembru tal-2015.
Il-ħidma li qiegħda ssir mill-MTA fl-Istati Uniti qed tiġi rikonoxxuta wkoll b’diversi premijiet prestiġjuzi li ntrebħu f’dawn l-aħħar sentejn kif ukoll f’midja mportanti Amerikana bħal Lonely Planet Magazine li poġġa lil pajjiżna fl-ewwel post fil-lista ta’ pajjiżi li wieħed għandu jżur u The New York Times li semmiet lil pajjiżna fit-tielet post f’lista ta’ 52 destinatinazzjoni li huma rakkomandati għall-2016.
Fl-aħħar xhur ta’ din is-sena kif ukoll fl-2017, l-MTA qiegħda tippjana li tkompli tespandi l-ħidma tagħha f’dan is-suq billi tvara attivita ġdida ma’ operaturi turistiċi Amerikani li se jibdew jinkludu lil Malta fil-programmi tagħhom għall-ewwel darba, se tkompli tikkonsolida l-attivita tagħha ma’ l-aġenti ta’ l-ivjaġġar mferrxa madwar il-pajjiż, se żżid l-attivita’ fuq il-midja soċjali u
online booking portals
kif se tkompli bil-pjanijiet għal żjarat minn esponenti tal-midja Amerikana u
social media influencers
.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm waslu turisti fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena waslu pajjiżna 835,083 turist, li tfisser tkabbir ta’ 9.7% fuq l-istess xhur tal-2015. Ta’ min jinnota wkoll li jekk tħalli barra l-passiġġieri fuq il-cruiseliners li qattgħu lejl abbord il-vapur fil-Port Malti, insibu li t-tkabbir li rreġistrajna fl-ammont ta’ turisti li żaruna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien l-akbar wieħed sa mill-2011 ‘l hawn.
Dan is-suċċess fis-settur tat-Turiżmu qed jiġi rifless ukoll meta kkomparat fuq livell Globali, Ewropew u Mediterranju. Il-World Tourism Barometer ippubblikat f’Settembru li għadda jgħid li fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena it-tkabbir medju fit-turiżmu Ewropew kien ta’ 2.6% meta mqabbel ma l-istess perjodu tas-sena l-oħra, filwaqt li t-turiżmu fir-Reġjun Mediterranju kiber biss b’1.6%.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qattgħu ljieli t-turisti f’pajjiżna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena it-turisti qattgħu 5,845,652 lejl ġewwa pajjiżna. Dan ifisser żieda konsiderevoli ta’ 8.6% fuq dak reġistrat fl-istess perjodu tas-sena 2015. Dan huwa riżultat sodisfaċenti għall-ewwl sitt xhur tas-sena, meta l-isfida ta’ l-istaġġjonalita tkun fl-aqwa tagħha. Dawn il-figuri jikkonfermaw li dan il-Gvern qiegħed bil-politika pożittiva w effettiva tiegħu, jilqa sew u jegħleb din l-isfida.
Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm kien l-ammont ta’ nfiq turistiku f’pajjiżna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-infieq turistiku rrekordjat fl-ewwel sitt xhur tal-2016 kien ta’ €656,392,000, tkabbir ta’ 5.7% fuq Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra u li ssarraf f’€35.7 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija. Ta’ min jinnota li l-infieq turistiku bejn Jannar u Settembru li għadda kien aktar minn €1.355 biljun, kważi 27% aktar mill-figura reġistrata fl-istess perjodu fl-2012. Fl-ewwel 3 snin ta’ din il-leġislatura l-infieq turistiku f’pajjiżna kiber b’24%. Dan issarraf fi €317.5 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Dawn ir-riżultati pożittivi u sinifikanti li ksibna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena huma ta’ xprun u nkoraġġiment għal kumplament tas-sena. Aktar minn hekk il-gvern huwa mpenjat bi sħiħ sabiex jara li r-rekords li qed niksbu jissarfu f’aktar suċċessi fl-ekonomija, fl-edukazzjoni u fix-xogħol sabiex inkomplu nsaħħu s-settur tat-Turiżmu f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ viżitaturi ġewwa Għawdex fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena in-numru ta’ viżitaturi barranin li marru Għawdex laħqu l-454,274, ¿ieda ta’ 16.2% fuq l-istess perjodu tal-2015. Ta’ min jinnota li meta tikkompara l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ma l-istess perjodu ta’ l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, jiġifieri l-2012, naraw li n-numru ta’ viżitaturi barranin lejn Għawdex kibru b’46%.
Fi statistika aktar riċenti naraw li fl-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena żaru Għawdex kważi s-792,000 viżitatur barrani, żieda ta’ 13.1% fuq l-istess perjodu tal-2015. Dawn jagħmlu 60.5% tat-total ta’ turisti li żaru pajjiżna bejn Jannar u Awissu ta’ din is-sena. Barra minn hekk, meta tikkompara l-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena ma l-istess perjodu ta’ l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern preċedenti, jiġifieri l-2012, naraw li 3.6 % aktar tat-turisti li ġew f’pajjiżna għażlu li jżuru Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm iljieli ġew imqatta’ minn turisti ġewwa Għawdex fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Iterpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena l-iljieli mqatta minn turisti barranin ġewwa Għawdex kien ta’ 313,569 lejl, 22.3% aktar mis-sena l-oħra. Fl-istess perjodu, il-viżitaturi barranin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar fil-gżira Għawdxija ammontaw għal kważi 61,000, tkabbir ta’ 26.3% fuq l-2015.
Skont it-Tourstat Survey, bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena l-iljieli mqatta mit-turisti ġewwa Għawdex kien ta’ ‘l fuq minn 752,000 lejl, 12.1% aktar mis-sena l-oħra u 39% aktar minn dak reġistrat fl-istess perjodu ta’ l-2012. Il-viżitaturi barranin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar fil-gżira Għawdxija ammontaw għal kważi 132,000, tkabbir ta’ 18.3% fuq l-2015. Bejn Jannar u Awwissu 2016 in-numru ta’ turisti li qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex kiber b’40.5% meta mqabbel mal-perjodu ta’Jannar u Awwissu 2012.
Indubbjament Għawdex huwa element ewlieni fil-pakkett u l-prodott turistiku ta’ pajjizna. It-turizmu f’Għawdex jippossedi opportunitajiet kbar. L-ambjent naturali u distint Għawdxi għandu l-kapacita li jiġbed turizmu qawwi lejn Għawdex li jvarja sew minn dak offrut f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellna port calls minn cruise liners f’pajjiżna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u kemm kien l-ammont ta’ passiġġieri li wasslu pajjiżna fl-istess xhur imsemmija? Jista’ jgħidilna x’kienet id-differenza perċentwali f’dawn il-figuri meta kkomparati mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, Malta rreġistrat 239,855 passiġġier fuq il-cruiseliners matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, li tfisser tkabbir ta’ 6.2% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Irreġistrajna 125 port calls fl-istess xhur imsemmija, 8 aktar mis-sena l-oħra.
L-industrija tal-cruiselining f’pajjiżna qegħda tikber minn sena għall-oħra. Intant, skont l-aħħar figura maħruġa mill-NSO, fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena żaru pajjiżna kważi 450,000 passiġġier fuq il-cruiseliners, kważi 6% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tal-2015. Ta’ min jinnota li l-passiġġeri barra mill-Unjoni Ewropeja kibbru bi 8.5%, fejn il-passiġġieri mill-Istati Uniti żdiedu b’31% f’dawn l-ewwel 9 xhur meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Skont estimi maħduma minn Valletta Cruiseport sa l-aħħar ta’ din is-sena mistennija li nilħqu l-figura rekord ta’ 700,000 passiġġier fuq il-cruiseliners li jaslu Malta, jiġifieri 4.4% aktar mis-sena 2015.
Huwa stmat mill-istess studju tal-Valletta Cruiseport li l-industrija tal-cruiseliners ħalliet qliegħ ta’ madwar €90 miljun fl-2015. Dawn iċ-ċifri rekord jissuperaw saħansittra c-ċifri reġistrati fl-2012 hekk kif is-sena l-oħra irnexxielna niġbdu lejn pajjiżna mal-10% aktar passiġġieri milli ġbidna fl-2012, sena li kienet meqjusa bħala waħda eċċezzjonali għall-industrija tal-cruiseliners f‘Malta.