Jista' l-Ministru jindaga għaliex fi Triq il-Merill, f'Ħad-Dingli waqt li qed issir it-triq sabiex jgħaddu l-water culverts u l-main ta' l-ilma u ħaffru pedament għan-naħa l-oħra tat-triq biex jinbena ċint, tkissru l-katusi tad-drenaġġ li ħerġin mid-djar għal tal-Gvern darbtjen u filwaqt li l-kuntrattur wiegħed, fil-preżenza tal-Kunsillier Lokali Peter Abela, li se jibdel kollox, dan qabad u għamel sleveng bla kolla xejn (xogħol ta' kafkaf); radam kollox bil-konkons u għaldaqstant ix-xogħol la sar sew u kif sar se jipproduċi u jikkawża ħsarat fil-futur?
Qed jingħad ukoll li taħt iċ-ċint li se jinbena se jkunu għaddejjin (fil-fatt diġa' jinsabu fil-post) il-katusi tal-Gvern tad-drenaġġ.
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-'water culverts u l-'main' ta' l-ilma fi Triq il-Merill, Ħad-Dingli bilfors kellhom jitkissru l-katusi tad-drenaġġ ('house connections') minħabba li dawn kienu jinsabu fil-wiċċ tat-triq. Dawn issewwew darbtejn temporanjament sakemm ix-xogħol infrastrutturali kellu jsir. Issa li dan ix-xogħol tlesta fil-jiem li ġejjin sejrin jinbidlu l-katusi bejn is-sufun u l-main tad-drenaġġ tad-djar.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija fejn intqal li taħt iċ-ċint li ser jinbena jeżistu katusi tad-drenaġġ tal-Gvern nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-fatt veru jeżistu dawn il-katusi u d-direzzjoni tagħhom sejra lejn il-'pumping station' tad-drenaġġ. Il-prekawzjonijiet meħtieġa ġew meħuda u li l-'inspection manholes' li hemm biswit dan il-ħajt ġew mgħollija għal-livell tat-triq u għaldaqstant bl-ebda mod ma hi ser tiġi ostakolata l-'flow' tad-drenaġġ f'dawn il-katusi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex fis-sit (art) fil-kantuniera bejn Valletta Road u Mosta Road, fl-Imdina (fit-tarf t' isfel f'Saqqajja Hill), l-enforcement offices tal-Planning Authority: 1) l-ewwel servew stop notice lil aħwa, li isimhom qed jintbagħat separatament, meta x-xogħol li sar ġie affettwat mill-istess aħwa wara li ġew mitluba li jagħmlu dan mill-Kunsill Lokali ta' l-Imdina (vide ittra unita); 2) imbagħad taw parir lill-istess aħwa sabiex a spejjeż tagħhom japplikaw għall-PA permit għax-xogħol li kien qed isir; 3) u issa l-istess awtorita' qed tirrifjuta l-permess applikat skond numru PA 6099/96; tant li ħareġ rifjut u sabiex jitkompla jitqiegħed il-melħ fuq il-ferita, dawn kellhom jerġgħu joħorġu l-flus biex jappellaw - Appell Nru. 510/98?
Jista' l-Ministru, bil-poteri li tagħtih il-liġi, jitlob illi l-istess rifjut ta' PA 6099/96 jiġi rtirat u l-permess jinħareġ u li dawn l-aħwa jiġu rimborsati fl-intier għas-somma li ħallsu ta' l-appell?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-nies imsemmija fl-interpellanza bnew pjattaforma tal-konkos ġo sit li jinsab il-barra mill-konfini ta' żvilupp. Jirriżulta wkoll illi l-Kunsill Lokali ta' l-Imdina kien għamel xi forma ta' pressjoni fuq in-nies imsemmija u dan bħala proprjetarji sabiex dawn inaddfu din l-art minn xi mbarazz. B'riżultat ta' dan it-tindif, l-aħwa msemmija dehrilhom illi għandhom jibnu din il-pjattaforma. Peress illi dan it-tip ta' żvilupp jirrekjedi permess, nhar it-2 ta' Settembru, 1996, ġie servut 'Stop and Enforcement Notice' kontra l-iżviluppaturi skond l-Att Nru. 1 ta' l-1992 dwar l-Ippjanar.
Sadanittant fl-4 ta' Settembru, 1996, il-Kunsill Lokali tal-Imdina nforma lill-Awtorita' tal-Ippjanar li kien hu li talab lil dawn il-persuni sabiex 'inaddfu din l-area' u li 'dawn offrew li jirrabilitaw l-area kollha bi spejjeż tagħhom'.
B'konsegwenza ta' l-'iStop and Enforcement Notice' kontra l-iżviluppaturi, il-proprjetarji ssottomettew applikazzjoni skond artiklu 52 ta' l-istess Att, sabiex jinsanaw dan l-iżvilupp liema talba ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għal Kontrol ta' l-Iżvilupp. Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem il-Bord dwar l-Appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Għaldaqstant, skond l-istess artiklu 52, l-Avviż tat-Twettieq jibqa sospiż mill-operat tiegħu sa mal-proċess kollu ta' l- applikazzjoni jiġi eżawrit skond il-liġi.
Il-liġi ma tagħti l-ebda poter lill-Ministru sabiex dan (i) jitlob l-irtirar tar-rifjut u li l-permess jinħareġ, u (ii) jitlob li l-applikanti jiġu rimborsati għas-somma li ħallsu ta' l-appell.
18.11.98
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa peress li twaħħlu l-arbli ġodda għall-wires tad-dawl li minn Triq Santa Luċija, Mtarfa jitwasslu s-servizz għall-irziezet imsejħa ta' Galabardi u San Alessjo fuq ir-Riħ ta' Wied il-Qlejja - issa l-wires li għadhom fuq l-arbli l-qodma jiġu trasferiti għall-arbli l-ġodda peress li dawk l-arbli l-qodma qegħdin fi stat perikoluż ħafna (vide pjanta unita)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-korporazzjoni Enemalta diġa ttrasferiet il-linji fuq l-arbli ġodda li hemm fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant. Ix-xogħol biex jinbidlu l-arbli qodma li fadal qed jiġi ipprogrammat flimkien ma' xogħolijiet oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex il-Public Convenience ħdejn il-Gymnasium ta' l-Imtarfa tinfetah għall-użu tal-pubbliku billi din inbniet u baqgħet magħluqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: (1) Jekk il-Gvern għandux il-Major Shareholding fil-Maltacom; (2) Jekk dan hu minnu, huwiex il-gvern li jaħtar iċ-Chairman ta' l-istess Maltacom; (3) Il-Ministru preżentement hu f'pożizzjoni li jerġa' jpoġġi f'posthom dawk il-ħaddiema ta' l-istess Maltacom (ex-Telemalta) li wara l-Elezzjoni ta' l-1996 ġew mogħtija transfers għal skopijiet li nqdew ħbieb tal-Partit li kien ġie elett fil-Gvern - jerġgħu jitpoġġew lura fix-xogħol li kienu qed jagħmlu sa dakinhar; (4) Jekk dan għandux isir immedjatament ma' dawk il-ħaddiema li kienu qegħdin jaħdmu fis-sezzjoni tat-Telecare fil-Furjana u mbagħad ġew trasferiti nies magħrufa għall-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern għandu l-Major Shareholding fil-Maltacom. Il-ħatra taċ-Chairman issir mill-Gvern.
Rigward it-tielet u r-raba parti tal-mistoqsija qed isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
B'riferenza għal public convenience fid-diversi bliet u rħula jista' l-Ministru: (a) jara li l-latrina fi Triq id-Dejqa, Valletta, kantuniera ma' Triq it-Teatru l-Qadim, Valletta tkun miftuħa għas-servizz tal-poplu kuljum; (b) jara l-istess latrini jkollhom attendent dejjem preżenti; (c) jara li l-health attendents li qabel kienu ikunu għassa mal-latrini fil-bieb ta' l-Imdina (tarf ta' Howard Gardens) u f'College Street, Rabat - b'sens ta' ġustizzja u mhux vendikazzjoni jitpoġġew lura fejn kienu qabel u mhux kif ġew arbitrarjament trasferiti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratt tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u li taħdem fis-sezzjoni tal-Finanzi/Audit? Jidhirlu l-Ministru li dan għandu jiġi rivedut u jiġu eżaminati sew jekk kellux isir dan l-ingaġġ u x'kienu t-terms of reference ta' l-istess kariga? Veru li dan l-impjieg hu fuq probation sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-Korporazzjoni u ċ-Chief Internal Auditor tal-istess korporazzjoni fil-31 ta' Lulju 1998 li issostitwixxa dak magħmul bejn iż-żewġ partijiet fis-26 ta' Marzu 1997.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra in rigward tal-Joint Office għaliex talba għall-fidi ta' ċens skond file Nru.T2174/97, fejn qed jiġi mitlub li jinfeda ċens fir-Rabat, Malta kif jitlob l-Att oriġinali tal-enfitewsi - sal-lum għada ma ġietx sodisfatta meta jirriżulta biċ-ċar li d-dirett dominju (ċens) għadda lill-gvern skond Att IV ta' l-1992? Jista' l-Ministru jara illi dan isir minnufih billi altrimenti dan jista' joħloq att diskriminatorju kontra ċ-ċenswalista?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ċ-ċens li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interperllant, hu, fost ċnus oħra, suġġett ta' diskussjonijiet li għadhom għaddejjin bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede u sakemm dawn jiġu konklużi, dan iċ-ċens ma jistax jinfeda.
17.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex PA application 1254/98 għadha pendenti meta dan hu prattikament fuq l-istess linji ta' PA 6150/97?
Jidhirlu l-Ministru li dan il-file qed jiġi prolungat iżżejjed meta dan hu "Run of the Mill"?
Response (BORG, TONIO)
Jiena nfurmat li l-iskema ta' l-Iżvilupp Nru. 35 tindika b'mod ċar li fil-partijiet qodma tar-Rabat l-għola permess huwa ta' żewġ sulari. Il-fatt li id-DCC tat permess ta' tlett sulari fuq is-sit ta' ma' ġenb (PA 6150/97) kontra l-parir ta' l-istess Direttorat, ma jorbotx lid-Direttorat li jagħmel l-istess rakkomandazzjoni fuq PA 1254/98. Għal kuntrarju id-Direttorat huwa marbut li jibbaża r-rakkomandazzjoni tiegħu fuq il-'Policies' ta' Pjan ta' Struttura u mhux fuq preċedent. Imbagħad id-DCC finalment jagħmel id-deċiżjoni.
Jiena nfurmat ukoll li d-Direttorat lesta id-DPA 'report' fil-5 ta' Ottubru 1998 meta t-'target date' tal-applikazzjoni kienet fis-26 ta' Ottubru 1998. Dan ifisser illi l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni sar fil-limiti taż-żmien kif stipulat fil-liġi u għalhekk ma jirriżultax illi dan il-'file' ġie prolungat iżjed milli suppost. Wara illi kopja ta' dan ir-rapport ingħata lill-perit għal kummenti tiegħu, dan insista illi jiltaqa ma' membri tad-'development control unit' sabiex jiddiskuti il-punti li ssemmew fir-rapport. Huwa għalhekk kawża ta' l-insistenza ta' parti tal-perit biex issir din il-laqgħa illi l-'file' ġie riferut għall-aġenda tad-DCC fl-4 ta' Novembru 1998 b'noti addizjonali.
17.11.98
In vista ta' l-esproprjazzjoni tal-Gvern ta' biċċa art ta' 191m.k. fl-Imsida kontrada ta' Xmiexi li tmiss minn nofsinhar ma' triq pubblika majjistral ma' ġid ta' Joseph Mallia u grigal ma' ġid tal-familja Fenech u oħrajn skond dikjarazzjoni tal-President tas-26 ta' Ġunju, 1990 (Avviż Nru. 481); u
In vista tal-ħtieġa li t-triq tinfetaħ, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-persuna li qed tokkupa 2, Triq San Alwiġi, Msida fejn qegħda din l-art jingħata akkomodazzjoni alternattiva?
Meta jaħseb il-Ministru li din it-talba tiġi milqugħa u mwettqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu l-ebda talba biex joffri akkomodazzjoni alternattiva lir-residenti tal-post indikat.
17.11.98
Billi l-Gvern qed jinsisti li jesproprja mingħand 16-il familja Mġarin 13-il plot fabrikabbli ta' kejl ta' cirka 6.3 metri faċċata b'medja ta' 30 metru fond fi Triq Ramiro Cali, Mġarr, kantuniera ma' Triq San Pietru, sabiex issir estensjoni ma' l-iskola lokali; jista' l-Ministru jara li l-istess familji jingħataw art ta' l-istess kobor fl-Imġarr, Malta jew lokalita' oħra li jkunu wkoll fabbrikabbli sakemm mhux possibbli li dawn jitħallsu bi prezzijiet tas-suq u ċioe' Lm25,000 sa Lm28,000 għal kull biċċa art (plot) u mhux kif ġew offruti prezz redikolu mil-Lands Department?
Response (BORG, TONIO)
Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 1058, f'Seduta Numru 11, nixtieq ngħid li ninsab infurmat li s-sidien għad ma ġew offruti ebda prezz għax l-istess sidien għadhom ma ġewx identifikati mid-Dipartiment konċernat.
17.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk Application No. TLG 57/98 għal ħruġ ta' permess ta' ħanut ta' greengrocer fi Triq il-Pijunieri f'isem il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, għadu ma ħariġx meta mid-Depot diversi drabi ġie informat b'kollox sew u li l-liċenzja approvata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant għad jonqosha l-firem tal-kunsens tal-ġirien.
17.11.98
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-art li tiġi wara l-Iskola ta' l-Imġarr tingħata lura lis-sidien billi jidher biċ-ċar li mhix meħtieġa għall-użu pubbliku u dan minħabba li l-estensjoni ta' l-iskola ssir billi jinbena sular ieħor?
Dan ġie dikjarat mill-President ta' Malta stess f'memo ta' l-1990 meta hu kien Ministru ta' l-Edukazzjoni. (Vide acknowledgement 18836 Lands)
Response (BORG, TONIO)
It-talba għall-esproprjazzjoni ta' l-art li qed jirreri għaliha l-Onor. Interpellant, ġiet magħmula mill-Ministru tal-Edukazzjoni fit-8 ta' Awissu, 1994. Id-dikjarazzjoni ġiet ippublikata fit-8 ta' Ottubru, 1996 (Avviż Nru. 651).
Peress li dan huwa proġett tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, niltob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
16.11.98
Jista' l-Ministru jispjega kif ħareġ permess tal-bini fuq File No. PA 4187/96 li jinkorpora fih li jinqala' t-taraġ tal-Gvern li mit-Triq tal-Vecca jinżel sa fuq il-moll u fejn se jintuża taħt it-taraġ u dan meta l-bini mhux proprjeta' tal-persuna li applikat imma li hu mikri u liema sidien ma ġiex riferut lilhom u lanqas hemm il-kunsens ta' l-amministratur ta' l-eredita'?
Oltre dan, jaħseb il-Ministru li l-mod kif inħareġ il-permess ma kienx regolari u li bil-mod kif ħareġ se jkun diskriminatorju u ta' detriment għad-drittijiet tas-sidien tal-bini sovrapost u viċin?
Oltre dan ukoll, se jingħalaq sqaq pubbliku.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema nies jikkwalifikaw biex jieħdu b'xejn il-pilloli Dibenyline tat-10 mg.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli tad-Dibenyline huma indikati f'każi ta` 'bladder outflow obstruction' kaġun ta` 'enlarged prostate'. Jittieħdu b'xejn minn nies li, skond Schedule V, juru sintomi ta` 'chronic renal failure'.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirranġa Triqet il-Merħliet, Rabat li għandha bżonn re-surfacing totali speċjalment li partijiet minnha m'għadhomx passabbli b'vetturi (pjanta qed tintbagħat separatament) speċjalment in-naħa imsejħa ta' ħdejn il-Ġiebja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li xogħol ta' resurfacing f'dawn it-toroq huwa responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex titranġa t-triq ta' Mazzara, Chadwick Lakes limiti tar-Rabat? Jista' jinforma lill-Kamra meta hu maħsub li jsiru x-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn it-toroq jagħmel manutenzjoni fihom il-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ħarġet Enforcement Nru.892/98 kontra s-Sinjuri Galea meta dawn irranġaw biss faċċata flok madum diġa' mkisser u meta din l-użanza tintuża f'Malta kollha speċjalment f'postijiet fejn bini jkun sar bla ebda DPC? Jidhirlu l-Ministru illi l-azzjoni meħuda mill-persuni nkarigati toħloq diskriminazzjoni kontra s-Sinjuri Galea meta fit-toroq madwar fejn tranġat il-faċċata hemm 'l fuq minn ħamsin post ieħor li sar l-istess tip ta' xogħol? Jidhirlu l-Ministru li għandu jikkonsidra illi l-ħaddiema tal-Planning Authority għandhom jaċċettaw l-użanzi tan-nies tal-lokalita' qabel ma joqogħdu joħolqu inkonvenjent u diskriminazzjoni fit-trattament tagħhom ta' nies differenti fuq l-istess affarijiet? Jista' l-Ministru jordna li l-istess enforcement No.892/98 jiġi rtirat minnufih?
Response (BORG, TONIO)
Is-sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ġiet mitluba tintervjeni peress illi madum taċ-ċeramika kien qed jiġi mwaħħal maz-zokklu tal-faċċata tal-fond in kwistjoni. Meta l-Uffiċjal inkarigat mar fuq il-post, dan seta' jikkonferma illi ix-xogħol kien qed isir kif allegat. Dak il-ħin stess il-ħaddiema ġew mitluba jieqfu mix-xogħol. Peress illi dan it-tip ta' żvilupp ma jikkwalifikax bħala żvilupp permissibbli taħt l-Avviż Legali Nru. 137/97 (GDO) u peress illi dan is-sit jinstab ġo 'area' ta' konservazzjoni urbana, l-Uffiċjal inkarigat kien kostrett illi joħroġ 'Stop and Enforcement Notice' kontra l-persuni msemmija fl-Interpellanza. L-iżviluppatur seta appella kontra l-Avviż quddiem il-Bord kompetenti skond il-liġi.
Rigward dik il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għal żvilupp simili, irid jingħad illi din is-sistema kienet użanza rregolari li kienet tiġri matul is-snin. Is-sezzjoni ta' l-Infurzar dejjem ħadet il-passi neċessarji, iżjed u iżjed meta persuni jinqabdu fil-fatt jagħmlu dan it-tip ta' xogħol kif ġara f'dan il-każ. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar għanda tibqa' taġixxi kontra dan it-tip ta' żvilupp illi barra li m'għandux jiġi nkoraġġit ma huwiex xieraq f' 'areas' meqjusa mportanti mill-att ta' konservazzjoni.
Il-liġi ma tagħti l-ebda poteri lill-Ministru jordna biex jiġi rtirat 'enforcement notice'.
16.11.98