Tista' il-Ministru tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li skond sentenza tal-qorti se jkollha toħroġ mid-dar li qiegħda b'kera mill-fond f'Ħal Balzan, u li diġa' kitbet lilek fis-16 ta' Marzu 2006 tingħata akkomodazzjoni alternattiva biex ma tispiċċax homeless?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kopja ta' l-ittra mingħand il-persuna konċernata, indirizzata lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, flimkien ma' kopja tad-dokumenti mitluba mill-istess Dipartiment xhur ilu, waslu l-Ministeru fis-27 ta' Marzu 2006.
Ninsab infurmata li issa l-każ ta' din il-persuna qed jiġi kkunsidrat mill-imsemmi Dipartiment flimkien ma oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jispjega kif fondi biex jinfetaħ uffiċċju ta' rappreżentanza fi Brussels mhux se jinfetaħ u mbagħad il-kariga ta' konslu f'Toronto qed jissemma isem ta' persuna li tgħix Malta u li din se tiġi assenjata dan ix-xogħol ta' rappreżentanza li se jiswa ħafna iktar flus il-poplu li kieku jiġi maħtur persuna Maltija minn fost il-Maltin f'Toronto, Canada?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ir-risposta tigħata f`seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għall-Casinos f'Malta bejn l-1998 sal-lum u kemm hemm pendenti bħala applikazzjonijiet għal casinos ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi liċenzji ta' każino jinħarġu mill-Aworita' dwar il-Lotteriji u l-Logħob. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-każi kollha li l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika applika n-nolle prosequi fihom mis-sena 1998 sa l-aħħar ta' Marzu 2006?
Jista' jikkonsidra li din issir proċedura tassattiva li kull sena jitpoġġew il-każi li l-Avukat Ġenerali jidhirlu li għandu jwaqqaf milli tkompli jew tibda prosekuzzjoni f'każi kriminali u dan fl-interess pubbliku u għall-iskrutinju tal-parlament?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għall-parti l-kbira tas-snin imsemmija fil-mistoqsija diġa' ingħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10087.
Dwar il-perijodu rimanenti tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija għalkemm is-suġġeriment qed jiġi innotat, ma jidhirx li l-prattika preżenti ħolqot xi disgwid jew inċertezza.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se tonfoq l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni biex tmur f'uffiċini ġodda, kemm f'dik li hi kera kif ukoll l-ispiża totali li ser tintnefaq biex il-post fil-Valletta Waterfront jista' jiġi wżat mill-awtorita' (jiġifieri l-ispiża kapitali)? Jista' jikkonferma wkoll jekk il-VISET kenux issottomettew offerta meta din kienet inħarġet mill-MCA? Approvaha l-Ministru din l-ispiża? X'kienu l-fatturi li wasslu biex l-awtorita' għażlet il-Valletta Waterfront u mhux l-offerti l-oħra li kienu sottomessi? Jista' jgħid ukoll kemm nefaq il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament f'safar u spejjeż relati, bħal lukandi, subsistence allowances, eċċ. bejn Jannar u Diċembru 2005? X'kienu d-destinazzjonijiet u l-iskop ta' kull vjaġġ? Kemm dam barra mill-uffiċċju tul dan is-safar?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-inkwilini anzjani li jgħixu fi flat tal-gvern fil-Mosta li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistgħux jixtru dan il-flat u kemm huwa l-prezz ladarba dawn huma anzjani u pensjonanti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mir-residenti tal-post indikat mill-Onor. Interpellant taħt l-iskema Sir Sid Darek. Taħt din l-iskema, persuni li jkunu ilhom kerrejja rikonoxxuti f’post tal-Gvern għal mill-anqas ħames snin konsekuttivi jkunu jistgħu jixtru l-post bi prezz sussidjat skond id-dħul u l-assi li jkollhom.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata biex tavviċina t-taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ biex tara tistax tibbenefika taħt l-imsemmija skema.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex karozzi vintage jew karozzi li nħarġu ferm qabel li ma kienux joħorġu bis-safety belts, qegħdin jiġu kostretti mill-pulizija tat-traffiku fejn dawn qegħdin jesiġu li jkunu bis-safety belt jew jiġu stallati safety belts li minħabba f'hekk qegħda ssir ħsara lill-istess vetturi u agħar minn hekk dawk li qegħdin jiġu stallati mhumiex ta' kwalita' li huma aċċettabbli mill-istess pulizija tat-traffiku? Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li dawn it-tip ta' vetturi għandhom jitħallew mingħajr is-safety belts kif ħarġu mill-fabbrika oriġinarjament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi l-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku għandhom xi struzzjonijiet jew qed jieħdu xi azzjoni kif imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid: 1) min huma l-impjegati tal-Maltacom Group kollu li qalgħu iktar minn Lm10,000 matul is-sena 2005, 2) x'kariga għandhom, 3) kemm qalgħu (inkluż il-benefiċċji kollha), 4) xi kwalifiki għandhom u 5) kemm ilhom jaħdmu mal-group?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1130.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fejn sar u għadu jsir abużivament grid blasting meta m'hemmx permessi biex isir dan fil-lok imsemmi, u meta diġa' saru diversi rapporti l-għassa tal-pulizija tal-Mosta dwar dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress li m'hemmx it-triq fil-lokalita indikata mill-Onoveoli Interpellant, il-Pulizija għamlet aktar verifiki fejn ġie rintraċċat il-post. Is-sid ġie mitkellem mill-Pulizija u avżat sabiex ma jagħmilx xogħol ta' grid blasting qabel ma jkollu l-permessi meħtieġa skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt qegħdin jaħdmu sigħat il-pulizija li jaħdmu fl-uffiċini, meta wieħed iqis li dawn jaħdmu mis-7.30 a.m. sal-5.30 p.m. u kulma għandhom huwa biss nofs siegħa break, mit-Tnejn sal-Ġimgħa li jfisser li qegħdin jaħdmu disa' sigħat u nofs meta m'humiex qegħdin jitħallsu aktar għas-sigħat żejda? Ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li qiegħda ssir inġustizzja ma' dawn il-membri fil-korp tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa Jannar 2002, membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu assenjati xogħol fl-uffiċini, kienu jaħdmu mit-Tnejn sas-Sibt. F'Jannar 2002, wara diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, kien intlaħaq qbil sabiex dawn il-membri tal-Korp, jibda jkollhom is-Sibt u l-Ħadd frank. Pero' sabiex dawn il-membri tal-Korp setgħu jibqgħu igawdu mill-kondizzjonijiet kollha tal-Korp tal-Pulizija, ma setax jitnaqqas mill-ħin li dawn jaħdmu. Għaldaqstant il-ħinijiet ġew mibdula sabiex jirrifletti l-istess ammont ta' ħin li dawn kienu jaħdmu meta kienu jidħlu xogħol is-Sibt.
Infurmat ukoll illi jekk wieħed jgħodd is-siegħat maħduma minn membri tal-Korp tal-Pulizija assenjati xogħol fl-uffiċini, bil-ħinijiet tax-xitwa kif ukoll bil-ħinijiet tas-sajf, isib illi dawn jaħdmu medja ta' 46 siegħa fil-ġimgħa. Dan ifisser lli mhux qed jaqbżu is-siegħat li l-membri tal-Korp tal-Pulizija huma rikjesti li jaħdmu skond il-ftehim ta' l-1993. Fejn ikun meħtieġ li dawn jaħdmu aktar, isir il-ħlas bir-rata ta' l-overtime.
Jista' il-Ministru jara li fi Triq S Fiteni, Mosta jsir ix-xogħol neċessarju biex titranġa t-triq wara li riċentement sar xogħol minn kuntrattur u tħalla kanal miftuh fl-istess triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant sar mill-Water Services Corporation u kien jinvolvi diversi trinek minħabba l-installazzjoni ta' mains u diversi house connections. Dan ix-xogħol tlesta u sar ir-reinstatement neċessarju fuq dawn it-trinek.
B'riferenza għas-sistema tal-palm reader li ddaħħlet fil-GHQ biex jiġi reġistrat kull uffiċjal meta jidħol xogħol, jaf il-Viċi Prim Ministru li jekk persuna jkollha infection tista' tgħaddiha lil ħaddieħor li juża l-unika u l-istess palm reader? Jista' jgħid x'miżuri ħadu dwar din il-possibbilta' li diġa' saru f'pajjiżi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sistema ta' fingerprint reader li ser tibda titħaddem fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, hija sistema li tintuża internazzjonalment u minn tagħrif li għandu l-Korp tal-Pulizija, ma jirriżultax li hemm xi periklu għas-saħħa ta' min jagħmel użu minn din is-sistema. Pero' ninsab infurmat ukoll illi bħala prekawzzjoni se jiġu provduti mezzi ta' iġene għal dawk li jkunu jixtiequ jużawhom.
Jista' il-Ministru jara jekk hux qed isiru urġentement ix-xogħlijiet fi Triq Margaret A Murray, Naxxar fejn qed jiżbroffa drenaġġ għal ġo residenza partikolari li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed jikkawża danni kbar f'din ir-residenza, apparti danni sanitarji lill-istess familja, liema problema għadha eżistenti sal-lum meta qed tiġi intavolata din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jieqaf l-iżbroff tad-drenaġġ imsemmi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed jibqgħu tliet fire fighters flok erbgħa fil-bażi tax-Xemxija u l-fire fighter qed jiġi replaced minn handyman? Jekk dan huwa l-każ, dan imur kontra r-regolamenti tal-fire?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta' l-Avviz Legali 95 ta' l-2003, twaqqaf il-Korp ta’ Voluntieri fil-Protezzjoni Civili. L-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jipprovdi sabiex ikun hemm nies li għalkemm ma humiex ingaġġati mal-forza regolari tal-Protezzjoni Ċivili, xorta waħda jingħataw taħriġ u l-opportunita’ li jaħdmu flimkien mal-membri regolari tal-Forza. Fost dawn hemm ukoll inklużi il-membri li jaħdmu fid-dipartiment kemm fis-sezzjoni tal-amministrazzjoni kif ukoll dawk li jaħdmu skond is-sengħa tagħhom. Kif ingħad fi tweġibiet preċedenti, id-Dipartiment f’Malta u Għawdex huwa meqjus bħala Korp wieħed u huwa imqassam b’mod u manjiera illi ikun hemm rispons fl-iqsar żmien possibbli mill-istazzjon li jkun l-eqreb lejn il-post tal-inċident. Jekk ikun hemm il-ħtieġa, tissejjaħ assistenza minn stazzjonijiet oħra.
Jista' il-Ministru jara li jiġi investigat il-ħela ta' ilma ħiereġ kontinwament fi Triq Anġlu Gatt fil-Mosta, fejn is-sorijiet Agostinjani, fejn għalkemm il-każ ġie rrapportat għadu ma mar ħadd biex jinvestiga u jwaqqaf il-ħruġ ta' l-istess ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ewwel rapport li rċeviet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar ilma ħiereġ fi Triq Anġlu Gatt il-Mosta kien nhar il-Ġimgħa 9 ta' Diċembru.
Biex tissewwa l-ħsara kienu meħtieġa testijiet ta' 'leak detection' bil-lejl. Peress li dakinhar bil-lejl kien maltemp, dawn it-testijiet ma setgħux isiru mill-ewwel u saru l-Ħadd, 11 ta' Diċembru.
Dan l-eżerċizzju wassal biex instabet il-ħsara li ssewwiet it-Tnejn 12 ta' Diċembru fil-għodu u l-ilma ma' baqax ħiereġ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qalgħu l-periti tekniċi li ġew appuntati fil-kawżi quddiem il-qorti tal-familja matul is-snin 2004 u 2005 u f'kemm kawżi jammontaw dan il-qliegħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kollettiva ta' kemm qalgħu l-periti tekniċi li ġew appuntati fil-kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Familja u dan peress illi dawn il-periti jitħallsu mill-partijiet infushom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta' hip joint replacementmatul is-sena 2005 u dan biex tinbidel il-hip joint? Kemm minnhom għamel kull speċjalista li hemm ġewwa l-isptar San Luqa u kemm baqa' fuq il-waiting list jistennew biex issirilhom din l-operazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kif studenti fl-MCAST li jgħaddu mill-prattika fl-inġinerija elettrika u għax iġibu marka ftit baxxa fit-teorija fil-matematika mhumiex qegħdin jitħallew ikomplu l-kors? Jara li dan huwa ta' disinċentiv għal numru ta' studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara fuq liema kriterju nħadem iċ-ċens li għandu jiġi mifdi fil-plots li għandu f'idejh il-joint office fis-Sgħajtar, in-Naxxar/Mosta u dawk f'Ta' Mlit, Mosta li oriġinarjament kienu b'ċens temporanju tal-knisja għal 150 sena li jibdew mill-1979?
Jista' jara taħt kemm kapitilazzjoni qed isr dan il-fidi taċ-ċens offrut lil min irid jifdi? Jista' jispjega eżatt x'sistema qed tiġi addottata dwar dan il-fidi u jekk hux qiegħed fil-fatt jinfeda dan iċ-ċens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed ibiegħ id-diretti dominji temporanji rivedibbli ta' fondi residenzjali, skond valutazzjoni peritali jew gwida dipartimentali, wara li jieħu in konsiderazzjoni t-tul taċ-ċens oriġinali, kif ukoll jekk l-istess ċens jagħlaqx qabel jew wara l-21 ta' Ġunju 1979.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet applikazzjoni 2883 fil-lands department in konnessjoni ma' l-applikant li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha qed tiġi pproċessata.