Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reġistrati tal-Qrati u Tribunali Ċivili — Seduti tal-Kamra

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12821, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid u jinvestiga jekk is-sentenza tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) mogħtija nhar it-13 ta' April 1999 fil-kawża Tempesta Ltd. et vs Prim Ministru et ġietx komunikata skond kif provdut mill-artiklu 242 tal-Kap 12 tal-liġijiet ta' Malta? Jekk iva, meta ġiet komunikata u jekk le, għaliex? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-mistoqsija parlamentari 12821 li kellha tingħata f'xi seduta oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara riċerka profonda li saret, u dan peress illi l-informazzjoni li għadda l-Onor. Interpellant kienet żbaljata, kemm fl-okkju tal-kawża kif ukoll fid-data li ngħatat is-sentenza, jirriżulta li l-kawża ċitata fil-mistoqsija parlamentari għadha m'għaddietx f'ġudikat peress li hemm Appell pendenti. Il-kawża fl-Appell tinsab differita għas-sentenza għal Settembru ta' din is-sena. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi peress li l-lista ta' sentenzi in kwestjoni hi pjuttost twila u tinkludi sentenzi li jmorru lura sa l-1996 li kollha jridu jiġu eżamintati bir-reqqa, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Qorti ta' l-Appell — Sentenza dwar drittijiet ta' pensjonant

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-sentenza li ngħatat mill-Qorti ta' l-Appell Ċivili (Sede Superjuri) fis-27 ta' Marzu 1996 fl-ismijiet Maurice Petrococchino vs Prim Ministru dwar id-drittijiet ta' pensjonant li jkun ikkommuta parti mill-pensjoni tiegħu u dan wara li jkun għalaq it-72 sena hix qiegħda tiġi segwita u onorata kif deċiża għal kull pensjonant applikabbli fiċ-ċirkostanzi? Jista' jgħid kemm kienu dawk il-pensjonanti li bbenefikaw mill-applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni sa l-aħħar ta' Mejju 2006? Kemm minnhom huma membri tal-korp tal-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-pensjoni li tingħata taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93) lill-membri fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll lill-impjegati tas-servizz ċivili ma tiġiex aġġustata wara d-data ta’ l-irtirar ta’ impjegat. Xi aġġustamenti li jsiru fil-pensjoni anki meta pensjonant ikun għalaq 72 sena jikkonċernaw pensjonanti taħt il-liġi tas-Sigurta Soċjali.

Xiri ta' post tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-prezz li għandu jħallas pensjonant b'pensjoni minima biex jixtri l-flat tal-gvern li jgħix fih fil-Mosta, liema dettalji qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mill-inkwilin tal-post indikat mill-Onor. Interpellant biex jixtri dak il-post u għalhekk ma saret ebda stima tal-valur tal-post. B'dankollu nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Klawsola 9 ta' l-Iskema ta' l-Awtorita, 'Sir Sid Darek', li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati — Ħlas ta' multa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li kien ġie akkużat fil-5 ta' Ġunju 1996 u ħallas il-multa ta' Lm50 inflitta skond riċevuti nri. 1036228 fl-10 ta' Ġunju 1996, tinħareġ ordni mill-istess Qorti għall-ħlas immedjat ta' din il-multa lill-istess persuna fejn saħasitra ġie avżat li jekk da ma jsirx immedjatament il-multa tkun mibdula fi priġunerija u jinħareġ mandat ta' arrest, liema ordnijeit jistgħu jkomplu jżidu n-nuqqas ta' fiduċja fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li l-Amministrazzjoni poġġiet fuq programm komputerizzat il-multi kollha li rriżultawlha pendenti bejn l-1 ta' Jannar 1996 u Lulju, 2003, f'liema xahar is-sistema ġiet kompletament komputerizzata, u sussegwentement bdew jinbgħatu 'Ordnijiet għall-Ħlas Immedjat', irriżulta li kien hemm xi nezattezzi bejn il-cash books u r-Reġistri fejn kienu jiġu reġistrati l-Multi. Għaldaqstant kien hemm multi li għalkemm kienu effettivament ġew imħallsa, baqgħu jidhru pendenti meta ma kienx hekk. Is-Sinjur li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament ma din il-mistoqsija parlamentari kien wieħed minn dawn il-persuni. Huwa mar personalment jirreġistra ilment mar-Reġistratur, Qrati u Tribunali Kriminali. Dan is-Sinjur ġie spjegat lilu kull dettal possibli kif u għaliex sar l-iżball. Ir-Reġistratur skuża ruħu formalment għan-nom tal-Amministrazzjoni tal-Qorti, liema skuża ġiet aċċettata. In-nuqqas ta' fiduċja jonqos biss meta wieħed jipprova jgħati żball u ma jammettihx. Kuntrarjament għal dak li qed jissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant il-fiduċja fl-Amministrazzjoni ta' l-Ġustizzja f'pajjiżna żdiedet bil-fatt li l-Amministrazzjoni tal-Qorti, b'kolloborazzjoni assoluta mal-Ġudikanti, qed tagħmel minn kollox biex tesegwixxi l-ġudizzji tal-Qrati. Fost ħwejjeġ oħra qed tara li l-Multi, Ammendi u Spejjeż Peritali mposti bħala pieni mill-Qrati jiġu mħallsa jew konvertiti f'terminu ta' priġunerija skond il-liġi.

Ħal Balzan — Wied Ħal Balzan

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qatt mhu qed isir manutenzjoni f'Wied Ħal Balzan, Buontempo Estate, Ħal Balzan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhux triq arterjali u anqas distributorja u għalhekk il-manutenzjoni tagħħa huwa parti mir-responsabilitajiet tal-Kunsill Lokali.

Mosta — Triq il-Mitħna

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaqqa' u jitneħħa l-ħajt tas-sejjiegħ biex tiġi estiża u miftuħa iktar Triq il-Mitħna fil-Mosta li hija waħda traffikuża ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tender biex isiru x-xogħlijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant inħareġ u qiegħed fil-proċess li jintgħażel il-kuntrattur għal dan ix-xogħol.

Bjar taż-Żejt

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li skond diversi rapporti, fosthom dak tal-kumpannija Pancontinental Oil@Gas NL ta' Western Australia, hemm b'mod ċar u espliċitu li jgħidu li hemm bjar biż-żejt, fosthom dak deskritt bħala Chianti Prospect ta' 455 miljun barmil ta' recoverable oil potential u ieħor tal-Lumincello Prospect ta' 968 miljun barmil ta' recoverable oil potential, u dan wara siesmic surveys tas-sena 2004 li saru f'zoni f'ibħra Maltin fejn m'hemm l-ebda problema mal-Libja jew xi pajjiż ieħor dwar kwestjonijet ta' border? Jaf li jekk hu l-każ, bħalma nemmen li hu, għandux jaqbad minnufih jaħdem biex itella' dan iż-żejt u jtaffi mill-ewwel it-tbatijiet li għaddej minnhom il-poplu Malti u Għawdxi minħabba l-applikazzjoni tas-surcharge, u dan għaliex l-istess sejbien jista' iservi bħala garanti mal-kumpanniji l-kbar bħala set-off futur ta' l-istess piż tas-surcharge?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-prospetti li qed jagħmel aċċenn għalihom l-Onor. Interpellant m’humiex bjar taż-żejt, iżda nħawi fejn hemm chance li jinstab iż-żejt jew il-gas fi kwantitajiet kummerċjali meta jsir tħaffir ta’ bjar fihom.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jirċievi r-refund lura l-applikant li hu anzjan u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni tal-MEPA PA02025/03 peress li issa għaddew sena u nofs?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma jirriżultax li l-applikant għandu jieħu refund lura relatata ma’ l-applikazzjoni PA 2025/03. Il-ħlasijiet li l-applikant għamel in konnessjoni ma' din l-applikazzjoni jikkonsistu fil-building levy u fil-gbid ta' garanzija bankarja. Il-building levy mħallsa ma’ l-applikazzjoni ta' Lm15 hija korrretta u m'hemm l-ebda refund dovut. Fir-rigward tal-garanzija bankarja ta' Lm945, din inġibdet għar-raġuni li ma ġietx osservata kundizzjoni numru 2 fil-permess u saru xogħlijiet f'area arkeoloġikament sensittiva mingħajr monitoring minn arkeoloġisti kwalifikati. Għaldaqstant m'hemm l-ebda refund dovut fuq din il-garanzija.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema applikazzjoni saret wara Awissu ta' l-1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. F'dan ir-rigward l-individwu ikkonċernat huwa mitlub li jikkontattja d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għaliex qed titnaqsilha l-pensjoni meta din lanqas għandha biex tgħix u fejn saħansitra għandha problema medika serja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Buġibba

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara kif Triq San Antnin f'Buġibba qiegħda tingħalaq b'mod komplet mingħajr ebda aċċess għas-sidien ta' l-istess garaxxijiet u li dawn qed jiġu mġiegħla jixtru remote control mill-kunsill lokali biex ikunu jistgħu jidħlu fil-garage tagħhom? Jista' jgħid b'liema dritt legali qed isir dan kollu fi triq pubblika?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Każ dwar Persuna Niġerjana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif persuna ta' nazzjonalita' Niġerjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ma jilgħabx football f'Malta imma li sempliċement jittrejnja, għadu hawn Malta u mhux skond il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna imsemmija qiegħda Malta u għandha visa valida. Infurmat ukoll illi r-rapport li din il-persuna tista' tkun qed taħdem illegalment qed jiġi investigat.

Imġarr, Għawdex — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata s-sistema tad-drenaġġ fi Triq ix-Xatt, fl-Imġarr, Għawdex meta sal-lum dan dejjem qed ifur minn fosos bil-konsegwenzi li qed ikun ta' detriment għas-saħħa ta' kulħadd, inkluż turisti li qegħdin jinżlu mit-triq il-ġdida tal-Moll ta' l-Imġarr, Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mġarr, Għawdex — Kamra żdingata

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kamra żdingata li qiegħda biswit il-ħanut bl-isem ta' Cafe' de Vilhena, fi Triq ix-Xatt, l-Imġarr, Għawdex hijiex abbandunata u mhijiex qiegħda titħallas fuqha kera lid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għadha qed tagħmel l-investigazzjoni neċessarja dwar il-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Tag ta' Taxi driver

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux il-każ li jiġi kkonsidrat sew li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, terġa' tinħarġilha lura t-tag biex taħdem bħala taxi driver, li diġa' kien fil-pussess tagħha, u dan stante li llum huwa persuna responsabbli u li dejjem kien korrett f'xogħlu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fid-dawl tas-sentenza mogħtija fil-Qorti fit-30 ta’ April, 2003, it-tag biex din il-persuna tkun tista’ ssuq vettura għall-ġarr ta’ passiġġieri – f’dan il-każ taxi – għadha ma tistax tinħareġ u dan skond ir-rekwiżiti stipulati fir-regolament 131 tar-Regolamenti ta’ l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur.

Permess ta' spiżerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid taħt liema regolamenti nxtara permess ta' spiżerija li kienet f'Main Street, Birkirkara u li dan l-istess permess qed jintuża fl-ispiżerija St Anne's clinic li tinsab fil-Bypass ta' Birkirkara ħdejn il-Vodafone?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-awtoriżżazzjoni għat-trasferiment tal-permess tal-ispiżerija imsemmija ġiet ipproċessata u mogħtija skond ir-regolamenti stipulati f'artikolu 71 tal-Att Dwar il-Mediċini 2003.

Gwardjani Lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'pożizzjoni qed jieħdu l-gwardjani lokali f'Malta u Għawdex meta karozza għal ftit ħin biss, sakemm tinżel anzjana minn vettura, tkun fuq id-double line isfar bis-sewwieq preżenti fil-vettura? Ma jaħsibx li meta xi gwardjani qegħdin xorta joħorġu ċitazzjoni kontra dawn is-sewwieqa qed isir abbuż ta' poter f'kull ċirkostanza bħal din?

Response (BORG, TONIO)

L-amministrazzjoni tas-sistema tal-infurzar lokali hi f'idejn il-Kunsilli Lokali. Minkejja dan, dan il-Ministeru introduċa sistema (AL414 ta' l-2005) fejn għall-ewwel darba individwu li jilmenta dwar ċitazzjoni jista' jippreżenta petizzjoni quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet.

Mosta — Triq il-Ħtajriet

Question

Jarax il-Ministru li peress li Triq il-Ħtajriet fil-Mosta għadha ma saritx b'detriment kbir għar-residenti kollha li jgħixu hemm, li sakemm titlesta t-triq, titnaddaf b'mod regolari mit-trab li jinġema' fiha li qed ikun ukoll ta' detriment għas-saħħa tan-nies?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nklużi fil-program ta’ toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għal bini ta’ toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Każ ta' persuna Etjopjana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet wara r-rapport 7-P-4150-2005 rigwardanti persuna ta' nazzjonalita' Etjopjana li aktar dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta dan il-każ ilu rapportat għal aktar minn ħames xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxijiet tagħha għall-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant.