Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuna mill-Mosta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika biex jixtri shotgun No. A19149 mingħand persuna mill-Mosta Ref. MST/W0/01386/2006 u li dettalji dwarha wkoll qed jintbagħtu separatament, ma ġietx milqugħa mill-kummissarju tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun rikonsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-Ministri se jitwasslu fil-ministeru rispettiv tagħhom minn meta tidħol fis-seħħ il-park & ride u meta l-Belt Valletta se tinbidel f'pedestrian zone?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, il-parking fees hux se jitħallsu mid-dipartiment jew minnhom personali? Japprezza l-Ministru li jekk se jkun hemm distinzjoni bejn id-diretturi u l-ħaddiema, jekk se jkun hemm distinzjoni bejn il-ministri u l-istaff tagħhom u l-ħaddiema l-oħra taċ-ċivil kif ukoll bejn il-ministri u l-istaff tagħhom u l-impjegati tas-settur privat, dan se joħloq unequality of arms li l-istess ministru u l-gvern rispettiv tiegħu se joħolqu u għaldaqstant dan mhux se jkun aċċettabli fl-ebda instant u għaldaqstant it-tweġiba għal din il-mistoqsija se jkollha evalwazzjoni qawwija fejn se jsir kejl quddiem is-sede tal-ġustizzja, kemm lokali u jekk il-ħtieġa dik internazzjonali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Gvern mhux ser iħallas nollijiet għall-parkeġġ tal-karozzi li jużaw l-impjegati għall-użu personali tagħhom. Dan jgħodd għall-impjegati kollha fi kwalunkwe grad, anke jekk dawn jużaw karozza li ngħatathilhom mill-uffiċju tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma li l-ħlas għal parking fil-park & ride se tkun biss għal min se jidħol jixtri ġewwa l-Belt Valletta u mhux għal min joffri s-servizzi tiegħu, cioe' għal ħaddiema taċ-ċivil, għall-ħaddiema tal-privat u għal min iħaddem?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parkeġġ għal min jipparkja fil-park and ride, ikun min ikun, ser ikun mingħajr ħlas.
Jista' il-Ministru jgħid kif id-diretturi tad-dipartimenti tal-gvern li jinsabu ġewwa l-Belt Valletta se jidħlu għax-xogħol tagħhom wara li tidħol is-sistema tal-park & ride?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Id-Diretturi tad-Dipartimenti tal-Gvern jistgħu jagħżlu li jidħlu għax-xogħol il-Belt kemm billi jagħmlu użu mis-sistema tal-park and ride jew bil-karozza tagħhom. Kif diġa ntqal fil-konferenza stampa tat-3 ta' Lulja m'hemm l-ebda restrizzjoni ta' aċċess biex wieħed jidħol il-Belt bil-karozza tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba d-diretturi tad-dipartimenti tal-gvern li jinsabu ġewwa l-Belt Valletta se jipparkjaw ġewwa l-park & ride, min se jħallas għall-parking, id-direttur personalment jew id-dipartiment?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhu ser ikun hemm l-ebda ħlas għal min jipparkja ġewwa is-sit tal-park and ride (il-Foss ta' Crownworks u Hornworks). Is-servizz ta' trasport li ser ikun jopera minn ġewwa s-sit tal-park and ride lejn il-belt Valletta u lura ser ikun provdut b'xejn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx stħarriġ u studju flimkien mas-sidien tal-ħwienet tal-Belt Valletta jekk l-intoduzzjoni tal-park & ride huwiex se joħloq impatt negattiv, u jekk dan hux se jtellef minn negozju li fl-aħħar mill-aħħar f'kull negozju l-Gvern ta' Malta jaqsam fid-dħul tan-negozju permezz tat-taxxi? Jista' jgħidilna jekk hemmx ħsieb li l-Belt Valletta tiġi alterata f'silent city u sabiex xi negozjant li għandu medda art mhux ħażin x'imkien fil-viċinanzi, ikun jista' jibbenefika bi pjaċir billi jibni belt tan-negozju fil-viċinanzi u b'aktar aċċessibbilta' kemm għal ħaddiem kif ukoll għax-xerrej u dan wara li l-Onor. Ninu Zammit f'isem il-Gvern Malti indika bl-aktar mod ċar kif se tiġi alterata l-Belt Valletta billi jingħalqu l-arterji servili ġewwa l-Belt Valletta flimkien mas-sistema tal-ħlas tal-park and ride?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qabel ma nħareġ id-dokument konsultattiv Valletta u Floriana: Strateġija għall-aċċessibilta' li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra, il-Gvern kien diġa kkonsulta u ġab il-qbil dwar il-prinċipji mill-assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw il-kommunita’ kummerċjali fosthom Republic Street Business Community Association, Merchants Street Business Community, GRTU, Valletta Alive Foundation u Malta Chamber of Commerce. Kollha qablu mall-proposti tal-Gvern li dawn huma miżuri essenzjali għas-sostenibilita tal-Belt Valletta.
Il-fehma ta’ dawn l-organizzazjonijiet hi li l-proposti magħmula ser iservu biex iżiedu u jqawwu l-attivita’ kummerċjali fil-Belt billi jtaffu l-akbar ostaklu li jeżisti llum għat-tkabbir ta’ din l-attivita’. B'hekk jitnaqqas in-numru kbir ta’ karozzi ipparkjati għal ġranet sħaħ ta’ nies li ma jkunux qed jużaw il-ħwienet u joħonqu l-ħin kollu l-ispazju u li jista' jiġi użat minn min ikun irid jiġi bil-karozza tiegħu biex jinqeda’ mill-ħwienet tal-Belt.
Il-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jagħmel il-Belt xi
silent city
. Il-Belt Valletta hi l-Belt Kapitali ta’ Malta li għandha identita’ residenzjali, kummerċjali u amministrattiva. Il-fehma tal-Gvern hi li l-identita’ residenzjali u dik kummerċjali qed ibagħtu minħabba li s-sistema antika ta’ restrizzjoni tal-‘V
’ Licence
qed tfixkel u mhux tgħin biex din il-Belt tkun aċċessibbli.
Bit-tkabbir taż-żona pedonali, il-Gvern qed jimmira li jsebbaħ l-esperjenza ta’ dawk li jiġu jżuru l-Belt sew biex jixtru, sew biex jaħdmu. L-esperjenza ta’ Triq ir-Repubblika għall-ġid ta’ l-attivita’ kummerċjali f’dik it-triq hi lezzjoni mportanti għal spazju akbar fil-Belt. Għan ewlieni tal-iStrateġija hu li jitnaqqsu l-karozzi li jdumu ġranet sħaħ weqfin fit-toroq tal-Belt. Fil-każ tal-qalba tal-Belt – fejn qed nagħmlu żona pedonali – irridu nnaqsu l-użu tal-karozza biex innaqqsu t-tniġġiż u nsebbħu l-ambjent ta’ dak li aħna nqisu li għandu jkun l-aktar ċentru kummerċjali importanti ta’ bejgħ mill-ħwienet f’Malta kollha.
Il-Belt Valletta diġa għandha toroq oħra pedonali, partikolarment Triq ir-Repubblika u Triq Żakarija. Il-fatti juru li minn meta dawn it-toroq saru pedonali, il-kummerċ fihom ma naqasx.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-parking facility li tilqa' l-park and ride?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jispjega d-domanda. Jekk qed jirreferi għal kemm jesgħa l-park and ride facility, dan huwa stmat li ser joffri 950 spazzju ta' parkeġġ.
Jista' il-Ministru jgħid kif se topera preċiżament il-park & ride system?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-park and ride ser jaħdem fuq prinċipju ta' parkeġġ ta' vetturi fiż-żona magħrufa bħala Hornworks and Crownworks Ditch. Inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi s-sit fejn ser issir il-park and ride. Il-passiġġieri ta' dawn il-vetturi ħa jiġu pprovduti bi trasport mis-sit tal-parkeġġ għall-Belt Valletta. Dawn is-servizzi jingħataw mingħajr ħlas.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu mistoqsijiet aktar speċifiċi, jingħata l-informazzjoni li jixtieq. Sadattant nistiednu jikkonsulta d-Dokument Konsultattiv li ħareġ il-Gvern f'Lulju 2005 fejn hemm spjegat fid-dettal x'inhu l-park and ride li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra u stqarrija tal-Gvern dwar is-suġġett ta' Lulju 2006 li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra wkoll.
Jista' il-Ministru jgħidilna kif se jikkonvinċi lill-ħaddiema li jaħdmu ġewwa l-Belt Valletta li sal-ġurnata tal-lum jużaw il-vetturi tagħhom, kif se jibdew jużaw il-public transport u x'inċnentiv se jingħataw sabiex jutilizzaw dan il-mezz?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-trasport pubbliku hu alternattiva vijabbli għal min irid jivvjaġġa minn kull parti ta' Malta għall-Belt Valletta speċjalment fil-ħinijiet tax-xogħol. Dan is-servizz hu irħis ħafna għall-konsumatur minħabba sussidju li jħallas il-Gvern u dan hu inċentiv qawwi għal min irid jagħżel x'mezz ta' trasport għandu juża' biex jidħol il-Belt. Qed ikun studjat kif is-servizz tat-Trasport Pubbliku waqt il-ħinijiet tax-xogħol jista' jitjieb u anke jindirizza r-rejalta ġdida tal-park and ride.
Biex inkun ċar, il-Belt Valletta se tkun aċċessibli għal kull min irid jidħol fiha bil-karozza. Dan ġie spjegat fil-konferenza stampa li saret fit-3 ta' Lulju, 2006.
Jista' il-Ministru jgħid eżattament kemm se tiswa lill-ħaddiem il-park and ride sabiex jipparkja l-karozza tiegħu sabiex jidħol il-Belt Valletta għax-xogħol u jekk bniedem ikun marbut bil-ħin, kemm irid jaħseb qabel sabiex jidħol għax-xogħol mingħajr ma tinqatalu xejn mill-paga?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-użu tal-park and ride ħa jkun bla ħlas. Il-ħin massimu ta' stennija biex jirkbu l-bus fil-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq ta' l-uffiċju u l-ħwienet hu proġettat li jkun bejn wieħed u ieħor ħames (5) minuti. Fil-ħinijiet l-oħra (off peak) dan il-ħin ivarja skond id-domanda u ser ikun organizzat bħala trasport regolari.
Park & Ride — Tqassim ta' xogħol fil-ħwienet ġewwa l-Belt
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif se jidħlu l-Belt Valletta dawk is-sales representatives u d-delivery personnel tal-kumpanniji sabiex iwasslu l-merċa għand tal-ħwienet wara li tidħol is-sistema tal-park & ride?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sakemm ikunu konformi mall-proċeduri stabbiliti bis-sistema tas-CVA kull sales representative u delivery personnel jistgħu jidħlu l-Belt Valletta kif joġgħobhom.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istruttura tal-ħadid forma ta' grada f'nofs it-triq u li hija 'il fuq mil-livell tat-triq, fi Triq Malta, Għajnsielem hijiex koperta mill-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet u jekk le, ittieħdu l-passi neċessarji kontra min għamel dan ix-xogħol illegali f'din it-triq li qiegħda ta' periklu għal kulmin qed jagħmel użu minn din it-triq pubblika?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-gradilja msemmija tneħħiet. Ix-xogħlijiet l-oħrajn li saru fit-triq m'humiex ikkunsidrati bħala żvilupp għalkemm dawn jistgħu jirrikjedu permessi minn aġenziji u awtoritajiet pubbliċi oħrajn.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-MEPA iddeċidiet li ma tirrifondiex ir-refund dovut lill-anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta kontrarjament għal dak li ntqal fit-tweġiba parlamentari oriġinali fuq il-każ, li ġew informati żewġ supritendenti ġimgħatejn qabel ma bdew ix-xogħlijiet u cioe fit-3 ta' Marzu, 2004, u ta' dan hemm prova li tinsab għand il-perit u l-arkitett ta' l-applikant? Ma jarax li dan huwa każ li għandu jiġi kkonsidrat biex ir-rimedju mistħoqq lill-persuna imsemmija jingħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kundizzjonijiet tal-permess għall-iżvilupp riferut mill-Onorevoli Interpellant kienu jirrikjedu li l-perit/applikant jinfurmaw lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u lill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bil-miktub ġimgħatejn qabel jibda x-xogħol ta' tħaffir fis-sit sabiex dawn l-aġenziji jwettqu moniteraġġ peress li s-sit jinstab f'żona skedata minħabba importanza arkeoloġika. L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma ġietx infurmata kif stabbilit fil-permess. Għalhekk ġiet irtirata l-garanzija bankarja. Sa llum l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċeviet l-ebda evidenza li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kienet informata. Jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet tal-permess kienu fil-fatt osservati imqar mis-Sovrintendenza, l-Awtorità tikkunsidra li tirrifondi il-garanzija.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm baqa' impjegati mal-Public Lotto Department, x'inhu l-grad tagħhom u x'funzjoni għandhom fl-istess department?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa id-dipartiment tal-Lotto qed jieħu ħsieb il-Lotterija tal-VAT u joħroġ xi permessi għal-lotteriji.
Għalkemm fuq il-kotba, id-Dipartiment tal-Lotto huwa compost minn 21 persuna, bħalissa hemm 15 il-persuna li qed jirraportaw għax-xogħol. Tlieta huma sospizi mix-xogħol. Waħda hija bil-parental leave, oħra bhalissa hija bil-maternity leave u ieħor bi special unpaid leave. Erba qed jgħamlu xogħol ta’ watchman. Il-gradi ta’ dawn l-impjegati huwa kif ġej:
2
Principal
2
Assistant Principal
2
Computer Operators
1
Clerk
1
Stamper
1
Diary Operative
5
General Hand
1
Motor Transport Diver
1
Officer in charge Minor Staff
1
Operational Support Worker
1
Senior Tradesman
1
Tradesman
1
Watchman
1
Assistant Technical Officer
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' persuna mill-Magħtab li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li applikat għal tlett ikmamer fl-area magħrufa bħala ta' Wied Dukkar, Naxxar u li r-riferenza tal-każ mal-Joint Office huwa A2882/1997, u li tingħata dawn b'kirja peress li għandha familja ta' ħames itfal? Ma jaħsibx li dan huwa każ urġenti fiċ-ċirkostanzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna konċernata applikat fl-Uffiċċju Konġunt biex tieħu, għal skop ta' residenza, razzett li jifforma parti minn art agrikola. Peress li responsabbilita' ta' allokazzjoni ta' proprjeta' għal skop ta' residenza ordinarja taqa' fi ħdan id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, ikun aktar f'waqtu li l-persuna konċernata tagħmel l-applikazzjoni tagħha lil dan id-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata s-sistema tad-drenaġġ fi Triq ix-Xatt, fl-Imġarr, Għawdex meta sal-lum dan dejjem qed ifur minn fosos bil-konsegwenzi li qed ikun ta' detriment għas-saħħa ta' kulħadd, inkluż turisti li qegħdin jinżlu mit-triq il-ġdida tal-Moll ta' l-Imġarr, Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma miexja bid-disinji tas-sistema ġdida li ser issir ġewwa l-Imġarr Għawdex kollu. Preżentament ma hemm l-ebda sistema għajr dik privata ta' fosos. Hija r-responsabilta tas-sidien tal-propjeta li ma jħallux il-fosos ifuru.
Ix-xogħol fuq is-sistema il-ġdida ser issir waqt il-kostruzzjoni tat-Triq tal-Imġarr.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed jintefa' id-dawl li hemm fuq il-koppla tal-Mosta eżatt fis-1.30 a.m. u tkun dlam ċappa bil-konsegwenza li jista' jiġi kkawżat inċident fl-ajru meta qiegħda fid-direzzjoni ta' ħafna passaġġ ta' ajruplani? Ma jidhirlux li huwa meħtieġ li din tibqa' mixgħula sakemm jisbaħ kuljum biex kull ajruplan li jkun għaddej jaraha u tiġi evitata xi diżgrazzja u aktar protetta r-Rotunda tal-Mosta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-dawl li hemm fuq il-koppla tal-Mosta huwa biss għad-dekorazzjoni u mhux għal skop ta' 'Aircraft Warning'.