Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiswa l-proġett ta' tneħħija tas-siġar u affarijiet simili sabiex iseħħ it-tisbiħ tal-Belt? Jista' jgħid x'se jħawwel minflok il-ftit siġar li hemm quddiem Kastilja u għalxiex se jsir u kemm se jintnefaq u x'se jgawdi l-poplu Malti minn dan il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jara għaliex saret diskriminazzjoni fil-ħruġ tal-permessi tal-bini meta fil-każ ta' persuni mill-Mosta li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament biex jibnu terran u żewġ flats tal-plot tagħhom li jaqa' taħt il-BDS scheme - dettalji wkoll qed jintbagħtu separatament - liema permess inħareġ subject to clearance from the Housing Authority ma saritx l-istess kondizzjoini għall-Plot Numru 4 fl-istess triq? Ma jaħsibx il-Ministru li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi investigata fiċ-ċirkostanzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li fil-permess għall-applikazzjoni għall-izvilupp PA 997/04, li nħareġ fit-18 ta' Mejju 2004, ma saret ebda kundizzjoni min-naħa ta’ l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) subject to clearance from Housing Authority. Jidher li dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet isiru normalment mill-Awtorità tad-Djar innifisha.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm lid-dipartiment tas-saħħa li l-qabar nru. 16, li huwa proprjeta' skond l-istess kuntratt korrettiv tat-2 ta' Ġunju 2005, jiġi żgumbrat minn min qed jabbuża minnu fejn hemm inkluż persuna li isimha qed jintbagħat separatament, mill-Kunsill Lokali ta' l-Imġarr?
Jaħseb il-Ministru li ħadd, hu min hu, m'għandu jabbuża minn xi poter meta dan is-sit huwa esklussivament tal-familja Calleja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-qabar numru 16 fiċ-Ċimiterju ta' l-Imgarr li dwaru kienet ġa ngħatat risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 10113, ġie trasferit għal fuq isem il-familja Calleja li kienu akkwistaw il-qabar numru 31 fl-istess ċimiterju permezz tal-kuntratt datat id-9 ta' Ottubru 1962, liema qabar qatt ma' kien fil-fatt intuża mill-familja msemmija. Sadanittant, dan il-qabar beda jintuża bħala ossarju għall-għadam tal-komun.
Il-kuntratt ta' korrezzjoni li sar fit-8 ta' Ġunju 2005 kellu l-għan li kif xieraq jirregolariżża din is-sitwazzjoni. Huwa għalhekk li l-familja msemmija ngħatat il-qabar numru 16, filwaqt li l-Gvern ħa lura l-qabar numru 31 u dan sabiex din il-familja tieħu qabar kif ġa kien sar, filwaqt li l-għadam fl-ossarju ma jitqanqalx.
Għaldaqstant ma jinħtieġ l-ebda sgumbrament, aktar u aktar meta huwa l-każ li l-aħħar fdalijiet li kien hemm fil-qabar numru 16 ġew trasferiti għall-ossarju kif hija l-prattika komuni li jsir kull meta jkun hemm tindif ta' oqbra li mhumiex privati.
Ghalhekk il-qabar numru 16 kif spjegat, huwa qabar privat u ħadd għajr għall-familja Calleja m'għandu jippretendi xi dritt fuq dan il-qabar.
Jekk l-Onorevoli Interpellant ja]seb li qed isir xi abbuż mill-persuna imsemmija fil-Kunsill Lokali ta' l-Imġarr, nitolbu jagħmel mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija armla ta' ex impjegat mal-gvern għandhiex dritt tieħu pensjoni addizzjonali u cioe' dik tat-teżor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi lill-persuna in kwestjoni fid-departiment ikkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna mill-Mosta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tirċievi pensjoni ta' l-invalidita' ta' Lm37.89 meta l-persuna msemmija kien jaħdem bħala full-time farmer u dejjem kien jiddikjara d-dħul tiegħu fir-return ta' l-income tax? Taħseb li dan huwa każ li għandu jiġi rivedut?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Minstru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet wara l-mewt ta' persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li miet fit-3 ta' April 2006 wara l-inċident stradali li seħħ fis-27 ta' Marzu 2006? Peress li jidher li kien hemm xi cameras fil-viċin, hemm recording ta' l-inċident? Jista' jara jekk il-pulizija hijiex qed teskludi jew tinkludi li kien hemm xi vettura tal-pulizija involuta?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba il jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W240, li għadha tgħodd.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hux minnu li housing department se jiġi amalgamat mal-housing authority, u jekk hu l-każ x'se jiġri mill-ħaddiema fi ħdan dan id-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli opportunita' ngħid fi Tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti kif ukoll f'okkażjonijiet pubbliċi, il-funzjonijiet tas-settur tal-housing, li preżentament jaqgħu taħt l-Awtorita' tad-Djar, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jiġu amalgamati f'entita' waħda.
Għalkemm għadhom għaddejjin diskussjonijiet interni dwar is-suġġett, hu maħsub li l-impjegati fi ħdan id-Dipartimenti msemmija jibdew jiffurmaw parti minn din l-entita'.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni għal freedom of movement ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li żżewġet fis-sena 2004 lil persuna ta' nazzjonalita' Maltija li isimha u n-numru ta' l-identita' tagħha wkoll qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talba li saret dwar l-'exempt person' status (u mhux "Freedom of Movement") tal-persuna kkonċernata għadha qed tiġi eżaminata.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta kienet l-aħħar data tal-promozzjonijiet fil-forzi armati ta' Malta u jgħid ukoll jekk hux qiegħed isir xi eżerċizzju biex jingħataw promozzjonijiet fil-forzi armati ta' Malta fejn hemm vakant u kif rrakkmanda l-ombudsman u meta se jingħataw dawn il-promozzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-aħħar promozzjonijiet li kienu saru għall-Armata kollha ħarġu b’effett minn Jannar ta’ l-2001. Bħalissa qed jittieħdu passi biex isir eżerċizzju fejn postijiet vakanti fl-Armata jkunu jistgħu jiġu mimlija. Il-promozzjonijiet ser jingħataw meta dan il-proċess jiġi eżawrit.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif tqassam ix-xogħol lil kull wieħed u waħda mis-surġenti maġġuri li ġew promossi riċentement u kemm għandhom nies inkarigati taħthom? X'għajnuna qed jingħata kull wieħed u waħda minnhom biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-Surġenti Maġġuri fil-Korp tal-Pulizija huma assenjati xogħol skond l-eżiġenzi tas-servizz. Hemm Surġenti Maġġuri li huma assenjati xogħol amministrattiv, prosekuzzjonijiet, oħrajn li huma stazzjonati fid-Distretti u Taqsimiet fejn primarjament huma inkarigati mit-tqassim ta' xogħol tas-surġenti u kuntistabbli stazzjonati fid-Distrett jew Taqsima. Infurmat ukoll illi, bħal ma jsir f'kull grad fil-Korp tal-Pulizija, kull meta jkun hemm il-ħtieġa, dawn jingħataw kull assistenza mill-uffiċjali superjuri tagħhom. Ma nħossx illi t-tagħrif dwar kif huma komposti d-diversi Distretti u Taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija, għandu jkun ippublikat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-korp tal-pulizija hemmx ħsieb li jinbidlu l-armi li qed jintużaw minn revolver għall-pistola? Kemm qed ikun l-ammont ta' ħin għal taħriġ fl-użu tal-bdil ta' dawn il-pistoli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija ilu s-snin jagħmel użu minn armi tan-nar, kemm tat-tip revolvers kif ukoll pistoli. Infurmat ukoll illi għall-ewwel darba minn din is-sena, il-Korp introduċa taħriġ regolari fl-immaniġġjar u l-użu ta' l-armi tan-nar, fejn kull membru tal-Korp jattendi għal sessjoni ta' taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija darba kull tlett xhur. Dan it-taħriġ ikopri l-użu kemm ta' revolvers kif ukoll ta' pistoli.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna minn San Ġwann bil-każ numru 307470 li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadu sal-lum ma ngħatax risposta mill-kummissarju tat-taxxi interni dwar cheque li jidher li jekk inħareġ issarraf minn ħaddieħor? Ma jaħsibx li dan għandu jingħata risposta malajr meta l-każ imur lura għat-18 ta' Settembru 1987?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata tista’ tingħatha informazzjoni u għajnuna fuq dan il-każ partikulari mis-sezzjoni tar-refunds fi Block 3.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18044, cioe': Jista' il-Ministru jgħid kemm se tonfoq l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni biex tmur f'uffiċini ġodda, kemm f'dik li hi kera kif ukoll l-ispiża totali li ser tintnefaq biex il-post fil-Valletta Waterfront jista' jiġi wżat mill-awtorita' (jiġifieri l-ispiża kapitali)? Jista' jikkonferma wkoll jekk il-VISET kenux issottomettew offerta meta din kienet inħarġet mill-MCA? Approvaha l-Ministru din l-ispiża? X'kienu l-fatturi li wasslu biex l-awtorita' għażlet il-Valletta Waterfront u mhux l-offerti l-oħra li kienu sottomessi? Jista' jgħid ukoll kemm nefaq il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament f'safar u spejjeż relati, bħal lukandi, subsistence allowances, eċċ. bejn Jannar u Diċembru 2005? X'kienu d-destinazzjonijiet u l-iskop ta' kull vjaġġ? Kemm dam barra mill-uffiċċju tul dan is-safar, li tweġiba għaliha kellha tingħata f'seduta oħra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kera ta' l-uffiċini l-ġodda se tkun ta' Lm30,400 fis-sena mingħajr VAT (Lm38 għall-kull metru kwadru) filwaqt li l-ispiża kapitali tammonta għal Lm150,000 mingħajr VAT. Infurmat ukoll li l-VISET ma kienux issottomew offerta.
Dawn l-ispejjeż ġew inklużi u approvati fil-Business plan 2006-2008 ta' l-MCA. Il-kera kienet approvata mill-Ministeru tal-Finanzi.
Id-deċiżjoni ta' l-għażla kienet ibbażata fuq l-aħjar offerta wara negozjati ma' kumpaniji li ġew shortlisted u li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa mill-Awtorita'.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid bejn l-1 ta' Jannar, 2003 u t-28 ta' Lulju, 2006 kemm-il exchange sar mid-dipartiment ta' l-artijiet ma' sidien li kienet itteħditilhom l-art? Min huma l-persuni nvoluti? Meta kienet itteħditilhom l-art, fejn kienet din l-art u kemm hi kbira l-art? Kemm kienet stmata li tiswa l-art li tteħditilhom? Fejn qiegħda l-art li ngħatat bi tpartit, kemm hi kbira din l-art u kemm kienet stmata mid-dipartiment? F'kull każ min kien il-perit li għamel l-istima ta' l-art li oriġinarjament ittieħdet u l-art li ngħatat bi tpartit?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar l-exchanges li saru bejn l-1 ta' Jannar 2003 u t-28 ta' Lulju 2006 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li applikazzjoni għan-nazzjonalita' Maltija ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li saret fit-8 ta' Ottubru, 1999 u li reġgħet saret mill-ġdid sentejn ilu, tiġi pproċessata? Ma jaħsibx li dan huwa każ li għandu jiġi deċiż malajr u li ċ-ċittadinanza tingħata kif mistħoqq?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18671, ninfurmah li l-persuna kkonċernata għadha ma kkuntattjatx id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-Ministri se jitwasslu fil-ministeru rispettiv tagħhom minn meta tidħol fis-seħħ il-park & ride u meta l-Belt Valletta se tinbidel f'pedestrian zone?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Ministri ser jibqgħu jitwasslu l-Belt bħal ma jagħklu llum. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Belt Valletta mhiex ser tinbidel f'pedestrian Zonekollha. Partijiet minnha biss ser ikunu magħluqin għall-karrozzi. Pjanta turi dawn it-toroq qed tiġi mqiegħda guq il-mejda tal-Kamra. Dawk il-Ministri li għandhom il-Ministeri f'din iż-zona ser jinstabilhom parkeġġ viċin, barra miż-żona pedonali.
Jista' il-Ministru jara kif il-prezz tad-diesel għall-boats li jaħdmu fil-qasam tat-trasport intern f'Malta kien qed jinbiegħ sa l-24 ta' Mejju, 2006 bir-rata ta' 2000 litru għall-prezz ta' Lm958.08, liema prezz huwa maħruġ mis-soċjeta' Falzon Services Station Limited, inħoss li huwa serq sfaċċat? Jista' jara x'investigazzjonijiet qed isiru biex il-prezz tad-diesel ikun wieħed stabbli u ġust u mhux jogħla, allavolja ma jkunx hemm awment fis-suq internazzjonali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li s-supply tad-diesel għal 'boats' jaqa' bħala 'bunkering activity' li ilu liberaliżżat għal numru ta' snin. Għaldaqstant il-Korporazzjoni Enemalta m'għandha l-ebda kompitenza f'dan il-qasam u mhix f'pożizzjoni li tikkummenta jew tinvestiga dan l-operat għaliex ir-Regolatur ta' dan is-settur jaqa' taħt ir-responsabbilita' ta' Ministeru ieħor.
Jista' il-Ministru jgħidilna preċiżament fejn se jew jista' iseħħ xi proġett ta' bini tan-negozji fil-viċinanzi u f'zona ċentrali jekk mhux ġewwa l-Marsa jew Raħal Ġdid u min jista' ikun li jibbenefika minn tali proġett?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega f'aktar dettal x'inhi l-informazzjoni li għandu bżonn.
Jista' il-Ministru jgħidilna preċiżament kemm se jiswa l-pjan li għandu l-gvern sabiex iġib l-arterji prinċipali fil-Belt Valletta fuq bażi pedestrian?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport bħalissa qiegħda tiġbor stimi ta' xogħol tar-road markings u sinjali li huma ta' bżonn għall-pedestrianisation. Jekk l-Interpellant hu interessat ikun jaf dwar il-pavimentar ta' dawn it-toroq, nitolbu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid preċiżament ma' min ikkonsulta l-Gvern Malti dwar il-proġett park & ride, kif se jitħallas tali proġett u jekk tali proġett hux megħjun minn xi fondi li l-poplu Malti mhux se jkollu jagħmel tajjeb għalihom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-intenzjonijiet tal-Gvern dwar proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ trasport fil-Belt Valletta tħabbru f’dokument 'Valletta u Floriana: Strateġija għall-aċċessibilta' li l-Gvern ippublika fis-sena 2005. Dan id-dokument saret referenza għalih fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 20144 u kopja tiegħu tqiegħdet fuq il-mejda tal-Kamra.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal sezzjoni 7 fejn hemm lista mhux kompluta ta’ organizzazjonijiet li magħhom saret il-konsultazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument konsultattiv. Wara li dan id-dokument ġie ppublikat, inħareġ invit għall-pubbliku ġenerali biex jagħti l-kummenti. Dan sar matul is-sena li għaddiet u kull kumment ġie evalwat biex tinstab soluzzjoni ħalli jinħarsu l-interessi tal-Belt Valletta u dak nazzjonali.
Il-proġett tal-
park and ride
qed jiġi ffinanzjat minn sorsi pubbliċi differenti:
1. Xogħlijiet ta’ thejjija tat-toroq li jwasslu minn u lejn is-sit kienu ffinanzjati bħala proġetti taħt il-vot kapitali ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport;
2. Xogħlijiet infrastrutturali fis-sit qed jiġu ffinanzjati minn fondi li ġabret il-MEPA taħt skema li fiha min jagħmel żvilupp fiż-żona jagħti kontribut għal faċilitajiet ta’ parkeġġ, magħrufa bħala
Commuted Payment Parking Scheme
;
3. L-operat tal-
park and ride
se jiġi ffinanzjat minn dħul li se tagħmel is-sistema l-ġdida ta’ ħlas għal min jidħol fiż-żona kkontrollata ġewwa l-Belt Valletta u jibqa’ hemm għal aktar minn nofs siegħa (u li ha tieħu post is-sistema tal-
‘
V’ Licence
.)