Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux qed jiġu skrutinati l-każi ta' l-inġustizzji li nqatgħu? Is-sentenzi mogħtija kienu kollha ġustifikati? Jemmen il-Prim Ministru li l-każi kollha li nqatgħu mit-tribunal kienu mogħtija sentenza ġustifikabbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li meta qed jirreferi għal każi ta’ inġustizzji, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet li kienu deċiżi mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji u sussegwentament dawk deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji.
Nista nikkonferma illi s-sentenzi li kienu jingħataw kemm mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji kif ukoll mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, kienu jiġu skrutinati qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar jekk dawk is-sentenzi għandhomx jiġu aċċettati jew le.
Ninsab infurmat illi kien hemm sentenzi mogħtija kemm mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji kif ukoll mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, li ma ġewx aċċettati għax ma kienux meqjusa bħala ġustifikati.
Jista' il-Prim Ministru jgħid issa li għadda l-budget, kif wettaq id-djalogu ta' konsultazzjoni mal-poplu Malti fir-rigward tal-budget meta dawn id-djalogi seħħew ġewwa ċentri partiġġani tal-Partit Nazzjonalista u mhux f'postijiet li setgħu jintlaħqu mill-poplu in ġenerali? Jista' jgħid x'tip ta' djalogu kellu l-gvern mal-poplu u kemm dan kien reali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-laqgħat tad-djalogi bħala konsultazzjoni rigward il-baġit saru fis-Sala tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, fil-Kumpless Aċċess ġewwa l-Birgu, fl-Iskola Primarja Patri Ġuże Delia fis-Siġġiewi, fl-Iskola Sekondarja Lily of the Valley fil-Mosta u fl-iskola tal-Gvern fil-Qala, Għawdex.
Ma nistax nifhem kif l-Onor Interpellant qed isejjaħ dawn iċ-ċentri bħala ‘ċentri partiġġjani tal-Partit Nazzjonalista’ u li ma jistgħux ‘jintlaħqu mill-poplu in ġenerali’.
Barra dan, kull familja f’Malta u Għawdex kellha l-opportunita’ li tressaq il-veduti tagħha wara li ntbagħtilha fuljett li spjega il-ħsibijiet tal-Gvern għall-baġit. Mijiet ta’ familji irrispondew f’din il-konsultazzjoni.
Nixtieq infakkar l-Onor Interpellant li l-Opposizzjoni ikkritikatni talli żammejt laqgħa ta’ djalogu dwar l-użu tal-fondi li ser nirċievu mill-Unjoni Ewropea fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara u akkużat lill-Gvern li qed juża l-iskejjel għal skop partiġġjan !
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif u għal liema għan daħal hu personali sabiex issir forma ta' merger bejn Sign it u l-Malta Trade Fair Corporation? Min se jieħu l-art fejn kienet tinżamm u topera dawn il-fieri u x'tip ta' żvilupp se jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-premessa tal-mistoqsija hi totalment falza. Infakkar lill-Onorevoli membru f’dak li jiena kont għidt pubblikament ft-28 ta’ Ġunju 2005, fl-okkazjoni tal-ftuh tat-tmienja u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta. Dakinhar kont għidt :
‘Din l-edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali qed isseħħ f’mument kritiku għall-Korporazzjoni tal-Fieri. Huwa importanti li f’dan
il-mument jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin biex din l-attivita’ tkompli tkun xprun għal ħidma kummerċjali u ekonomika f’pajjiżna bħal ma dejjem kienet. Iż-żmien għaddej u flimkien irridu nsibu x’għandha tkun l-aħjar triq għal pajjiżna.
Il-parametri f’moħħi huma ċari. Irrid li din l-attivita’ kummerċjali tkompli tiżviluppa b’mod li hi wkoll tirrispondi għal bżonnijiet ta’ pajjiżna. Irid jinstab post ġdid għall-Fiera Internazzjonali li taqdi l-bżonnijiet kollha ta’ pajjiżna – nenfasizza l-kliem ‘il-bżonnijiet kollha’. B’dan infisser li fejn nistgħu nikkonsoldaw attivitajiet oħra li llum għandna f’pajjiżna u oħrajn li rridu niġbdu lejn pajjiżna – bħal servizzi akbar u aħjar għal konferenza internazzjonali – allura rridu nagħmlu hek. Is-soluzzjoni trid tkun waħda li tuża r-riżorsi limitati ta’ pajjiżna bl-aħjar mod u billi jinħolqu sinerġija li sal-lum għadna m’esplorajniex biżżejjed.’
Ma nistax nirrispondi it-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onor Interpellant dwar min ser jieħdu din l-art u x’tip ta’ żvilupp se jsir għax din hija art privata.
Jista' il-Ministru jgħid kif u għal liema raġuni partikolari ex-chairman tal-MTA baqa' jitħallas meta spiċċa mill-kariga?
Fuq liema premessa partikolari dan baqa' rikonoxxut mill-gvern u baqa' jitħallas ta' xejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-eks Chairman ta’ l-MTA kellu kuntratt definit ta’ sentejn u li fiż-żmien tar-riżenja kien fadallu sitt xhur biex jiskadi.
Il-Gvern iddeċieda li, a bażi ta’ dan il-kuntratt, l-eks
Chairman
jibqa’ jitħallas is-salarju sa l-iskadenza tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċaqlieqa tal-Malta Maritime Authority ta' ftit metri ta' l-uffiċċju fil-Belt għal ġewwa l-footprint tal-Waterfront? Għal liema raġuni saret tali ċaqlieqa u jekk tali awtorizzazzjoni għal tali ċaqlieqa ġietx fl-ewwel instant impeduta li sseħħ peress li saret għal xejn b'xejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar preċiż fil-mistoqsija tiegħu peress li l-Awtorita Marittima ma għamlet l-ebda ċaqlieqa ta' xi uffiċċju tagħha ġewwa l-footprint tal-Valletta Waterfront.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rapporti li l-bini tal-Malta Maritime Authority kienx ikkundannat jew ta' periklu għal ħaddiema u l-pubbliku in ġenerali u f'dan il-kontest jiġi ppreżentat ir-rapport jekk dan seħħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li m'hemm l-ebda bini ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta li hu kkundanat jew hu ta' periklu għall-ħaddiema inġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid preċiżament kif u meta l-MEPA awtorizzat il-pjan li jitbiddel għal proġett imsemmi ta' SmartCity? Nitlob sabiex tiġi ppreżentata dokumentazzjoni dwar kif il-MEPA stmat u ħarset lejn il-proġett preċiżament mill-bidu ta' l-għarfien ta' tali proġett sal-ġurnata fejn ġie ppreżentat tagħrif ġdid ta' kif se titqassam l-art.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet avviż bl-intenzjoni li tamenda il-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir fid-dawl tal- Proposta għall-iżvilupp ta' SmartCity u affarijiet oħra. Hu mistenni li fil-ġranet li ġejjin l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tapprova abbozz ta' dan it-tibdil fil-Pjan Lokali sabiex tagħmel konsultazzjoni pubblika kif titlob il-liġi. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadha ma rċeviet l-ebda tagħrif ġdid dwar kif inhu maħsub li titqassam l-art.
Jista' il-Ministru jgħid preċiżament x'tip ta' preparamenti qed iseħħu sabiex nilqgħu għall-influss b'mod regolari ta' immigranti li se jidħlu f'pajjiżna mill-1 ta' Jannar 2007, hekk kif il-Bulgarija u r-Rumanija se jissieħbu ġewwa l-Unjoni Ewropea bil-probabbilta' li jaħdmu b'mod irregolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 21897.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux se jitbiddel l-Awditur Ġenerali peress li ġie kkritikat mill-PAC, u b'mod speċjali mill-Ministru Austin Gatt, dwar il-każ tal-voice of the Mediterranean?
Huwiex il-każ li ġew avviċinati persuni oħra biex jintgħażel persuna oħra minflok?
Jista' il-Ministru jgħid kif jiġi regolat il-ġbir tat-taxxa minn fuq it-tluq minn Malta li jistabilixxi kemm fir-realta' jsiefru u jitħallsu t-taxxi? Nitlob rendikont ta' kemm ilha li daħlet fis-seħħ tali sistema tassattiva versus l-ismijiet tal-passiġġieri.
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-taxxa ta' tluq hi miġbura mingħand il-linji ta' l-ajru li fuq il-bejgħ ta'
biljetti lil dawk il-passieġieri li joriġinaw minn Malta. Dawn il-linji ta' l-ajru jagħtu rendikont regolari ta' l-ammont ta' biljetti li jkunu biegħu u jagħmlu l-pagament relativ. Qatt ma nġabbru ismijiet ta' passiġieri li kienu ħallsu t-taxxa ta' tluq kemm ilha li daħlet din it-taxxa mill-1997.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, ġie appuntat chairman u fuq liema merti ntgħażel u fost il-kemm-il għażla ġie magħżul jew maħtur? Min eżamina tali għażla jew ħatra?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlestew Triq San Ġużepp u Triq San Paċifiku, Mosta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li-tender għall-bini ta' toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant kien għalaq fil-25 ta' Lulju 2006. Id-Dipartiment tal-Kuntratti aġġudika dan it-tender u l-kuntrattur magħżul għandu jirċievi l-Letter of Acceptance fil-jiem li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid preċiżament kif iċ-ċittadin Malti se jkun protett u jiġi assigurat li ebda ċittadin ieħor barrani mill-pajjiżi membri ġodda fl-Unjoni Ewropea u cioe' Bulgaria u Rumania, ma jieħdux xogħol Malti, peress li nafu li kull qatra tgħodd għall-ħaddiema miż-żewġ pajjiżi msemmija, cioe' li paga 'l isfel minn dik magħrufa minn paga minima hija biżżejjed għalihom? Kif se jiġi assigurat il-poplu Malti li se jiġi protett meta hawn min fil-qasam ta' min iħaddem lest biex jimpjegahom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa applikazzjoni għal permessi ta’ xogħol għal ċittadini ta’ pajjiżi membri ta’ l-EU jiġu approvati b’mod awtomatiku.
Minn naha l-oħra, l-applikazzjoni għal permessi għal
non-EU citizens
jiġu kkunsidrati kif deskritt fir-risposta għal PQ21704. Qabel ma tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni, dettalji dwar il-
vacancy
jidhru fuq il-website ta’ l-ETC (taħt
Work Permits)
u kull ċittadin Malti jista’ jinkdika l-interess tiegħu f’dawn il-
vacancies
billi javza l-KXT. Il-KXT tirreferi dawn il-persuni lill-prinċipal li jkun qed jagħmel il-
vacancy
, u l-prinċipal ikollu jirrapporta lura lill-KXT u jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. B’dan il-mod, il-Maltin qegħdin jingħataw id-dritt li jiġu kkunsidrati għal
vacancies
qabel
non-EU citizens
.
Informat ukoll li f'dan l-istadju l-applikazzjonijiet għal ħaddiema mill-Bulgaria u r-Rumania jiġu pproċessati bl-istess mod bħal dawk ta'
non-EU citizens
.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Dar Malta fi Brussell? Jista' jgħid preċiżament kemm se jiġi jiswa dan l-embellishment u min ħa t-tenders għal tali proġetti? Jista' jgħid meta u kemm se ddaħħal il-Kaxxa ta' Malta mill-kirjiet imsemmija mill-gvern mill-istess proprjeta' fi Brussell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala waqaf ix-xogħol fuq il-proġett tat-terminal taċ-Ċirkewwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq it-Terminal taċ-Ċirkewwa għadu għaddej, tant li fil-jiem li għaddew ġew approvati l-permessi neċessarji mill-M.E.P.A. Bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji għall-ħruġ tat-tenders għall-bini kif approvat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il karozza hemm mal-gvern, kemm minnhom huma mixtrija u kemm huma mikrija mis-sena 1992 sa llum, f'liema dipartiment jinsabu assenjati u x'inhu n-numru tar-reġistrazzjoni ta' kull karozza u għal liema użu qed jintużaw u min qed juża kull vettura, inklużi dawk li jintużaw mid-diretturi u diretturi ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant tirrekjedi ħafna ħin sabiex tinġabar u nemmen li r-riżorsi tagħna għandhom jiġu użati aħjar.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni kull dipartiment għażel li jixtri jew jikri tali karozzi? Jista' jagħti l-prezz ta' kull vettura li jinsabu maċ-ċivil u anke l-prezz mikri ta' kull karozza, il-mudell f'każ li mixtri u l-prezz ta' kirja jekk kemm-il darba tkun mikrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif issir l-għażla ta' kull karozza mixtrija u għal liema għan tkun inxtrat tip ta' vettura minn oħra? F'dan ir-rigward nitlob li saħansitra jiġu ppreżentati t-tenders ta' kull vettura kemm mixtrija jew mikrija.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se jintnefqu eżatt il-Euro 805 miljun li huma mwegħda mill-Unjoni Ewropea sa l-elezzjoni li ġejja u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra b'mod dikjarat kif se jintnefqu eżatt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-flus li ġejjin mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013 qed jiġu programmati. Iż-zewġ abbozzi ta’ programmi tal-Fondi Strutturali, Operational Programme I u Operational Programme II, ilhom pubbliċi u fuq il-websites prinċipali tal-Gvern minn Ġunju u Lulju ta’ din is-sena rispettivament. Dawn jagħtu indikazzjoni tajba ta’ kif ser jintefqu l-flus (anke b’eżempji ta’ inizjattivi), mhux biss sa l-elezzjoni iżda għas-seba’ snin li ġejjin. Il-Proġetti speċifiċi jitgħażlu formalment meta jkun hemm qbil formali bejn il-Kummissjoni Ewropea u Malta fuq il-Programmi. Dan mistenni li jintlaħaq sa’ l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' il-Ministru jispjega b'mod ċar kif il-gvern baqa' sabiex jaħdem flimkien mal-privat fir-rigward tal-windfarms, meta illum jista' jinvesti direttament fil-proġett il-poplu Malti permezz tal-finanzi mill-Ewropa ġaladarba llum nafu kemm jiswa l-investiment li se jibda jrendi f'enerġija fi żmien disgħa snin? Għaliex il-gvern qed jaħdem mal-privat u min huma dawk li tefgħu l-interess tagħhom fis-sejħiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-Gvern permezz tal-MRA ħareġ sejħa għall-espressjoni t’interess għall-iżvilupp ta’ windfarms fl-ibħra territorjali Maltin. Kif kien indikat f’din is-sejħa, huwa l-ħsieb tal-Gvern li jinbnew windfarms fuq bażi ta’ Public Private Partnership fejn hu qed jagħti konċessjonijiet għall-iżvilupp fuq siti fil-baħar li jiġu stabbiliti, waqt li mbgħad ikunu l-kumpaniji privati li jidħlu għall-finanzjarjament ta’ l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni ta’ dawn l-windfarms u r-riskji kollha assoċjati ma’ żvilupp bħal dan. L-elettriku ġġenerat ikun jista' jinbiegħ skond tariffi stabbiliti bejn il-partijiet konċernati.
Il-ħsieb tal-Gvern huwa li r-riskji li jġorru magħhom teknoloġiji ġodda għandhom jinġarru propju minn dawk li jkunu qegħdin jippromovuhom u b’hekk għandhom ikunu l-kumpaniji privati li jidħlu għal dan ix-xogħol.
Il-lista ta’ kumpaniji u konsorzja li tefgħu espressjoni t’interess għall-iżvilupp ta’ windfarms fl-ibħra territorjali Maltin kienet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti.