Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dokumenti tal-qorti

Question

Jisa' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-okkażjonijiet meta dokumenti tal-qorti spiċċaw fil-ministeru tiegħu jew ta' l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici? Jikkonferma jekk fit-tehid tad-dokumenti tal-qorti li jappartjenu każijiet ta' individwi ma kien hemm ebda awtorizzazzjoni mill-uffiċjali nkarigati tal-qorti? Jikkonferma wkoll li ma saret ebda proċedura kif stabbilita fil-kodiċi dwar l-organizzazzjoni ċivili biex seta' isir dan? Jaf li dan jista' iwassal għall-proċeduri kriminali kontrih stess jew kontra l-istess segretarju parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici li ammetta hu stess li kien ordna batch partikolari ta' ittri uffiċjali li jinġiebu fil-ministeru? Jista' jgħid x'se jagħmel bħala passi fid-dawl ta' dan kollu?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-ewwel domanda nġiebu f'tlett darbiet l-ittri uffiċjali eżekuttivi taħt l-artikolu 166A tas-sena 2005 u dawk tal-bidu tal-2006. Għar-rigward t-tieni ma nistax nikkonferma li d-domandi in kwistjoni waslu għand l-Onor. Segretarju Parlamentari mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-uffiċjali tal-qorti għaliex fil-fatt kien hemm tali awtorizzazzjoni. Għar-rigward t-tielet domanda dak li sar kien skond id-disposizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u proċedura ċivili. Għar-rigward għar-raba' domanda ma ġie komess ebda reat kriminali u għalhekk ma hemm lok għal ebda proċedura kriminali kontra ħadd. Għar-rigward l-ħames domanda ma jidhirx li hemm xi passi x'jittieħdu fid-dawl ta' dan kollu.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Dar Malta fi Brussell? Jista' jgħid preċiżament kemm se jiġi jiswa dan l-embellishment u min ħa t-tenders għal tali proġetti? Jista' jgħid meta u kemm se ddaħħal il-Kaxxa ta' Malta mill-kirjiet imsemmija mill-gvern mill-istess proprjeta' fi Brussell?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ Dar Malta fi Brussel wasal fl-istadju finali. Ix-xogħolijiet fuq ġewwa qegħdin fl-istadju finali wkoll. Tender għas-servizzi ta’ support fuq il-proġett ġie maħruġ minn Martin Xuereb & Associates. L-ispiża kollha tax-xogħolijiet ta’ tisbiħ huma fl-istess linja tar-rispons tal-passat, b’eċċezzjoni għall-indiċi ta’ l-inflazzjoni, li issa qed tiġi applikata skond il-kuntratt tal-kuntrattur Belġjan. Il-kuntratti tal-kiri għadhom ma ġewx negozjati u figuri tad-dħul għadhom m’humiex disponibbli għalissa.

Triq li tagħti minn Naxxar għall-Mosta — Street lighting

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum it-triq prinċipali li tagħti minn Naxxar għall-Mosta min-naħa ta' Sta. Margerita l-Mosta għadha mingħajr street lighting fejn hija perikoluża, speċjalment in-naħa fejn hemm barriera miftuħa li tmiss litteralment mat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-responsabbilta' ta' l-street lighting f'din it-triq taqa' taħt il-Kunsill Lokali u mhux taħt l-Enemalta għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Anzjani residenti fi djar privati — Għajnuna/sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' għajnuna u/jew sussidju qed jagħti l-gvern, f'dawk il-każi ta' nies anzjani li qegħdin fil-homes privati u kulma għandhom hija l-pensjoni u m'għandhom xejn aktar u qegħdin jintalbu jħallsu Lm18 kuljum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika sussidju li jagħti l-Gvern hu għal dawk l-anzjani li qegħdin taħt l-iskema tal-Private Public Partnership Scheme.

Mosta — Biċċa art fi Triq Dawriet il-Wied

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex quddiem it-Triq Dawriet il-Wied, il-Mosta biċċa art żdingata tħalliet hekk għal diversi snin u għadha hekk sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art in kwistjoni fil-fatt hija tal-Gvern u sa issa għadu ma ġiex deċiż x'għandu jsir minnha għaliex ma saret l-ebda talba lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar din l-istess art li fuqha jidher li hemm xi fdalijiet storiċi.

Telephone recordings

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju qegħdin jiġu ttapjati (rekordjati) telefonati ta' nies u dan speċjalment meta jkunu qegħdin jiddiskutu l-politika avversarja tal-gvern? Jaf li fil-fatt dawn qegħdin iseħħu u jarax li jekk huwa l-każ dan huwa ksur lampanti tad-demokrazija f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Interċetazzjoni ta' telefonati jsiru kif stabbilit fl-Att dwar is-Servizz tas-Sigurta', wara li jinħareġ mandat mill-Ministru tal-Ġustizzja u ta' l-Intern jew mill-Prim Ministru. Interċetazzjoni ta' telefonati ma jsirux għall-iskopijiet li semma l-Onor. Interpellant iżda għal dawk elenkati fl-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta'. Kull min għandu xi ilment dwar l-operat tas-Servizz jista' japplika quddiem il-Kummissarju mwaqqaf bil-liġi.

Mosta — Patrols mill-pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qegħdin isiru patrols u kull meta fiz-zona ta' Santa Margerita u dan biex jitrażżan l-istorbju u kontroll ta' żgħażagħ, speċjalment fl-inħawi ta' Triq id-Dura, fil-Mosta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda regolarment kemm fil-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.

MCAST — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti tal-MCAST ma ġewx informati qabel ma applikaw li ma kenux sejrin jingħataw stipendju meta dawn biddlu l-course of studies tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 22909, Seduta 481.
Leg 10 PQ #23451 Sitting 487 2007-01-29 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ngħata t-tender ta' l-awtorita' Maltija tat-turiżmu ta' cheaffeur cars lil Zarb Coaches? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-proċess ta' dan it-tender kollu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Life Rafts li jġorru t-turisti

Question

Jista' l-Ministru jispjega fuq liema kriterju saret id-deċiżjoni li dawk il-boats li huma 'il fuq minn 24 metri tal-ħadid ġew kostretti li jibdlu s-sistema li għandhom preżenti ta' life rafts li tiswa eluf ta' liri f'investiment meta boats li jġorru t-turisti ta' l-istess qisien imma huma magħmulin mhux tal-ħadid ma ġewx ordnati li jagħmlu li-istess? Ma jaħsibx il-Ministru li f'każ li din id-deċiżjoni tibqa' nonostante l-fatt li hemm stramberija jekk mhux inġustizzja dwar il-kriterju li s-sidien li ħafna minnhom huma żgħar, għandhom jingħataw xi forma ta' għajnuna biex jagħmlu tajjeb għal dan it-tibdil immedjat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bastimenti kummerċjali li jbaħħru fil-portijiet u ibħra territorjali huma regolati skond ir-Regolamenti dwar il-Bastimenti Kummerċjali tal-2002 u skond il-Kodiċi ta’ Prattika għas-Sigurta` ta’ Bastimenti Kummerċjali li jifforma parti integrali minn dawn ir-regolamenti. Dawn ir-regolamenti ġew fis-seħħ bis-saħħa ta’ Avviż Legali Nru 284 tal-2002. Il-Kodiċi msemmi kien jagħti avviż li partijiet minnu kellhom jiġu fis-seħħ b’mod gradwali Bis-saħħa ta’ Avviż Legali 327 tal-2004 Council Directive 98/18/EC tas-17 ta’ Marzu 1998 dwar Regoli u Standards ta’ Sigurta` għall-Bastimenti tal-Passiġġieri inġiebet fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004. Fost provedimenti oħra, Artiklu 6 Paragrafu 3(f) tad-Direttiva msemmija jistabbilixxi li bastimenti tal-passiġġieri tal-ħadid jew materjal ekwivalenti u li huma ‘il fuq minn 24 metru kellu jkollhom abbord life rafts. Dawn it-tip ta’ bastimenti kellhom jimplimentaw dawn il-provedimenti kif ġej: I) Bastimenti li nbnew qabel l-1 ta’ Jannar 1940: sal-1 ta’ Lulju 2006; II) Bastimenti li nbnew fil- jew wara l-1 ta’ Jannar 1940 iżda qabel il-31 ta’ Diċembru 1962: sal-1 ta’ Lulju 2007; III) Bastimenti li nbnew fil- jew wara l-1 ta’ Jannar 1963, iżda qabel il-31 ta’ Diċcembru 1974: sal-1 ta Lulju 2008; IV) Bastimenti li nbnew fil- jew wara l-1 ta’ Jannar 1975 iżda qabel il-31 ta’ Dicembru 1984: sal-1 ta’ Lulju tal-2009; Bastimenti li nbnew fil- jew wara l-1 ta’ Jannar 1985 iżda qabel id-data li tidher f’Artikolu 14(1): sal-1 ta’ Lulju 20

Mosta — Triq il-Poeta - Bring-in Sites

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju tpoġġew il-bring-in sites dwar riċiklaġġ ta' l-iskart fi Triq il-Poeta, Mosta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li l-għażla tas-siti għall-Bring-In Sites hija f’idejn il-kunsilli lokali rispettivi. Sadanittant jien infurmat li fi Triq il-Poeta ma tqiegħdu l-ebda bring-in sites, u dan minħabba l-ilmenti tar-residenti li tressqu quddiem il-Kunsill Lokali. Però is-sit għandu l-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tkun tista’ titpoġġa bring-in site. Dan għaliex is-sit huwa konformi ma’ l-Avviż Legali 152 ta’ l-2004.

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni kull dipartiment għażel li jixtri jew jikri tali karozzi? Jista' jagħti l-prezz ta' kull vettura li jinsabu maċ-ċivil u anke l-prezz mikri ta' kull karozza, il-mudell f'każ li mixtri u l-prezz ta' kirja jekk kemm-il darba tkun mikrija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

MCAST — Kors dwar il-community

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux veru li ċerti studenti fl-MCAST li qed isegwu kors dwar il-community mhumiex qed jiġu mogħtija stipendju? Ma jaħsibx li dan qed joħloq inġustizzja u diskriminazzjoni fil-konfront tal-kategoriji ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond ir-Regolamenti studenti li qabel Settembru 2006 irċivew l-istipendju waqt li kienu jattendu xi kors, u f'din is-sena akkademika qegħdin jerġgħu isegwu kors ieħor ta' l-istess livell m'humiex intitolati għal stipendju.

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif issir l-għażla ta' kull karozza mixtrija u għal liema għan tkun inxtrat tip ta' vettura minn oħra? F'dan ir-rigward nitlob li saħansitra jiġu ppreżentati t-tenders ta' kull vettura kemm mixtrija jew mikrija.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi x-xiri ta’ vetturi għall-ħtiġijiet tal-Gvern, bħal kull xorta ta’ akkwist ieħor għall-użu uffiċjali, jaqa’ taħt ir-Regolarmenti ta’ l-2005 dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Madankollu, fir-rigward ta’ karozzi akkwistati biex jintużaw bħala l-vettua uffiċjali ta’ kapijiet jew uffiċjali oħra li, skond il-kuntratt tagħhom, huma intitolati għal karozza bl-ispejjeż kollha mħallsa, r-regolamenti li japplikaw huma dawk ipprovduti taħt iċ-Ċirkulari tal-Miniteru tal-Finanzi MFC 5/98. Għar-rigward tat-tieni part ital-mistoqsija, ma narax il-ħtieġa li dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Special Cleaners Ltd.

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li l-kumpannija Special Cleaners Ltd. kienet diġa' bdiet topera x-xogħol ta' tindif fil-Qorti ta' Malta sa xhur qabel ma ġiet mogħtija t-tender fil-31 ta' Lulju 2006 u dan żgur minn April 2006? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min ta d-direct order biex tagħmel dan l-istess Special Cleaners Ltd.? Jista' jgħid kemm laħqet tħallset pagamenti diretti l-istess kumpannija ta' l-iSpecial Cleaners Ltd. u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-payment vouchers li saru bejn April 2006 sa qabel ma ngħatat it-tender l-istess kumpannija Special Cleaners Ltd.? Jista' jgħid jekk ingħatax rapport jew informazzjoni lill-bord ta' l-għażla dwar it-tenders fil-qorti li din l-istess kumpannija kellha diġa' direct order qabel ma sar l-istess bidding tat-tender?

Response (BORG, TONIO)

Il-kumpanija Special Cleaners Limited bdiet topera x-xogħol ta' tindif fil-Qrati ta' Malta fit-8 ta' Awissu 2006. Din il-kumpanija ġiet ingaġġata wara sejħa pubblika għall-offerti. Il-kuntratt għal dan ix-xogħol ingħata fil-31 ta' Lulju 2006. L-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja ma tat l-ebda direct order lill-kumpanija Special Cleaners Ltd. Ma sar l-ebda pagament mill-Qrati tal-Ġustizzja lill-kumpanija Special Cleaners Ltd. bejn April 2006 sa qabel ma ngħatat it-tenderl-istess kumpannija. Naturalment, peress illi t-tindif fil-Qorti ma sarx a bażi ta' "direct order", ir-risposta għall-aħħar parti tad-domanda hi fin-negattiv. Il-payment vouchers għat-tindif tal-Qorti diġa' tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru tal-Qoti — Proċessi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intilfu proċessi mir-Reġistru tal-Qorti bejn Ottubru 2005 sa Ottubru 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar kemm intilfu proċessi fir-Reġistru tal-Qorti. Pero' nfakkar li kull min jitlob li jara proċess ikollu jiffirma għalih ħalli jinżamm rendikont ta' kull wieħed. Jingħad ukoll li mhux l-ewwel darba li proċess jinqabad ma' ieħor u jitqiegħed f'garżelli ta' dati differenti. Infurmat ukoll illi fil-perijodu indikat ma ntilef ebda proċess mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġurisdizzjoni Kriminali.

Special Cleaners Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma li l-kumpannija Special Cleaners Ltd. ingħatat ix-xogħol ta' tindif fl-isptar Monte Carmeli? Jekk fl-affermattiv, kemm ilha b'dan il-kuntratt, min kienu dawk li tefgħu magħha t-tenders, kif intgħażlet u kemm laħqu tħallsu payment vouchers lill-istess kumpannija xahar b'xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Special Cleaners Ltd ma ngħatatx xogħol ta' tindif ġewwa l-Isptar Monte Carmeli.

Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li sal-lum il-persuna mill-Mosta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadu ma ngħatax pensjoni meta dan diġa' għalaq 65 sena u meta hu ried iħallas il-kontribuzzjoni b'lura li kellu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ dwar Għajnuna Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatement, għadha qed tiġi rifjutata lilha l-għajnuna soċjali meta l-istess raġel tagħha, li dettalji dwaru wkoll qed jintbagħtu separatament, għadu sal-lum diżokkupat u għalhekk ħadd minnhom m'hu qed jirċievi ebda għajnuna soċjali u l-ebda introjtu ta' xejn? Ma taħsibx il-Ministru li dan huwa każ urġenti li jimmerita attenzjoni immedjata fiċ-ċirkostanzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.