Jista' l-Ministru jara li t-Triq Dun Salv Zarb, Għargħur fejn parti minnha hija għalqa f'nofs it-triq, tiġi minnufih esproprjata u b'hekk tinfetaħ it-triq sew u jkunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet neċessarji u t-triq tkun miftuħa bħala waħda regolari peress li din it-triq hija kollha mibnija u fiha numru kbir ta' residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat, u ċioe` lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tat-Toroq, peress li esproprijazzjoni tat-tip imsemmija fid-Domanda, isiru biss fuq talba tad-Dipartiment fuq indikat.
04.12.98
Kummissjoni dwar l-Investigazzjoni kontra l-Korruzzjoni — Kuntratt
Question
Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk sarx kuntratt mal-membri u ċ-chairman tal-Kummissjoni dwar l-Investigazzjoni kontra l-Korruzzjoni fejn ġie assigurat terminu ieħor ta' sitt snin?
Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll x'inhu l-ħlas għal kull membru ta' din il-kummissjoni nkluż l-istess chairman?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ġiet maħtura
għal perijodu ta' ħames snin b'seħħ mis-16 ta' Novembru
1998. Ic-Chairman huwa l-imħallef Albert Manche LLD u l-
Membri huma s-Sur John Harrison BEM u l-Avukat Raymond
Zammit LLD.
Fil-preżent, l-honoraria huma Lm5,414 fis-sena għaċ-
Chairman u Lm3,660 fis-sena għall-Membri.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-Adv. No. 260 sale tale quale għal garage No. 1 tal-gazzetta tal-Gvern tad-9 ta' Ottubru, 1998, li bħala tender ma kellhomx jiġu sottomessi dawk inqas minn Lm7,800?
Il-Ministru ma jarax li dan huwa għoli ħafna meta ftit tax-xhur ilu dawn inbiegħu mill-istess Housing Authority għal Lm5,800? Jista' l-Ministru jara li dan jiġi rivedut mill-ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-garaxx kien oriġinarjament abbinat ma maisonette li nħareġ għall-allokazzjoni taħt skema tal-Awtorita' tad-Djar, taħt is-sistema tal-punti u taħt kundizzjonijiet ta' sussidju. F'din il-ħarġa l-prezz kien ta' Lm5,800.
Peress li dan il-garaxx issa ħareġ għall-bejgħ b'sejħa għall-offerti l-prezz mitlub huwa dak fis-suq miftuħ.
24.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-persuna nkarigata tieħu l-passi sabiex tiġi emendata t-time-table tal-Matsec Examinations fil-każ tas-suġġett ta' l-English Literature u dan peress li se jikklaxxja ma' żewġ suġġetti importanti li huma l-Fiżika u l-Matematika ta' London University?
Il-Ministru qed jara li jekk ma jsirux l-emendi neċessarji f'din it-time-table tinħoloq tensjoni, ansjeta' u ċertu paniku fost l-istudenti li f'ċertu suġġetti bħall-Fiżika u l-Matematika jkunu bilfors iridu iktar minn ċans wieħed għad-dħul fis-Sixth Form/Junior College? Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi peress li jekk ma jsir xejn jidher li dan huwa forma oħra ta' numerus clausus?
Response (GALEA, LOUIS)
Billi l-eżamijiet tal-Matsec u dawk ta' Bordijiet oħra jsiru fl-istess żminijiet, hija diffiċli ferm li ebda eżami ta' Bord ma jaħbat ma xi eżami ta' xi Bord ieħor (mhux biss ta' Londra). Din hi problema li tinqala' kull sena u li għaliha m'hemmx soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jara li jsiru patrols regolari fil-Għargħur in partikolari quddiem il-playing field fi Triq San Nicola u dan minħabba possibbilta' ta' abbuż ta' drogi, storbju, eċċ.?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa.
23.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, dwar sussidju fuq il-kera li preżentement qegħda tħallas Lm60 fix-xahar, jiġi pproċessat kemm jista' jkun malajr?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-każ diġa ġie proċessat u l-applikant dalwaqt jirċievi ċ-'cheque' tas-sussidju fuq il-kera mid-Dipartiment tat-Teżor.
23.11.98
Jista' l-Prim Ministru jara x'inhi r-raġuni u x'inhu jżomm milli jsir il-ħlas lill-fizzjali ta' l-Armata li għandhom dritt għall-performance bonus għas-sena 1997?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-proċeduri meħtieġa ġew konklużi u l-ħlas se jsir mill-
aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha biss pensjoni ta' Lm139.36c, huwa ġustifikat bħala rata ta' pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna ndikata kien ġia ġie rivedut wara talba oħra f'dan is-sens f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 6180/97 li risposta tagħha ngħatat fis-seduta 76 tad-9 ta' Ġunju 1997. Infatti l-persuna ndikata kienet infurmata bir-riżultat ta' l-investigazzjoni permezz ta' ittra mid-dipartiment li ġġib id-data ta' l-4 ta' Ġunju, 1997.
Minkejja dan, jiena rġajt tlabt lid-Dipartiment sabiex jikkonferma jekk il-persuna kkonċernata hijiex tirċievi dak kollu possibbli taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Il-persuna għandha tiġi nfurmata direttament dwar dan kollu.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kien li wassal li l-barriera ta' Binġemma fil-limiti tan-Naxxar wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet reġgħet bdiet taħdem u beda jitqatta' l-blat? Jista' l-Ministru jgħid jekk mit-twaqqif tagħha li huwa ben notat mis-sindku tan-Naxxar, kien hemmx xi ordni oħra u possibbilment ħruġ ta' permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m'hemmx barrieri f'Binġemma.
23.11.98
Jista' l-Ministru jara li wara li saret l-esproprjazzjoni ta' art f'Main Street, Għargħur tal-familja Borg u li d-dokumenti neċessarji għal prova tat-titolu tagħhom lill-Kummissarju ta' l-Artijiet saret, jista' jgħid meta l-Kummissarju beħsiebu jkompli l-proċedura spettanti biex wara tmien snin din il-familja tieħu l-prezz ta' l-art esproprjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għad ma ġietx provduta lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, mill-familja konċernata, l-informazzjoni neċessarja biex tiġi stabbilita' l-provenjenza ta' l-art li għaliha qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli għal-land suvey sheets ta' Malta u Għawdex? Kemm swiet? Għaliex dawn fihom daqstant żbalji u għadhom jintużaw? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru fir-rigward ta' dawn l-iżbalji?
Response (BORG, TONIO)
Is-'survey sheets' bi skala 1:2500 ta' Malta u Għawdex li saru fis-sena 1988 ġew kommissjonati mill-istitut ġeografiku nazzjonali Franċiż bħala parti minn kuntratt li kien jinkludi ħafna elementi neċessarji biex dan it-tip ta' xogħol jibda jsir mill-Maltin. Il-valur tal-kuntratt kien seba miljun Frank Franċiż.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħallset lill-Gvern Malti Lm500,000 biex l-elementi kollha li rriżultaw minn dan il-kuntratt u xi nvestimenti kapitali oħra, jgħaddu lill-Awtorita' tal-Ippjanar.
Il-'Mapping Unit' fi dan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn żmien għal żmien taġġorna dawn il-mapep skond il-bżonn, kif ukoll tipprovdi l-istess mapep lill-klijenti varji fuq bażi kummerċjali.
10.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-persuna mill-Mosta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed jitlob għajnuna finanzjarja minħabba saħħtu, u dan kif jiġi deċiż mill-Bord, jiġi kemm jista' jkun konkluż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment, permezz ta' l-Uffiċċju Distretwali, ser jibgħat għall-persuna konċernata biex jara jekk għandux dritt għal xi tip ta' benefiċċju.
10.11.98
Jista' l-Ministru jara li fl-area magħrufa bħala Taż-Żokrija, fil-Mosta fejn hemm saħansitra Housing Estate ukoll, tibda tidħol il-bus route imqar f'xi ħin partikolari fil-għodu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li diġa' kienet ikkunsidrata l-possibilita' li mill-inħawi taż-Żokrija tibda' tgħaddi l-karozza tar-Rotta 47, iżda dan għadu mhux possibbli għax it-toroq li jwasslu lejn u 'l barra minn Taż-Żokrija għadhom ma' jagħtux il-possibilita' li jgħaddu minnhom il-karozzi tal-linja.
Jista' l-Ministru jara li jsiru pelican lights u traffic lights fil-bypass ta' l-Iklin fejn regolarment jaqsmu l-pedestrians min-naħa għall-oħra ta' l-istess bypass?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat wara diskussjonijet mal-Kunsill Loklali ta' l-Iklin ser jiġu nstallati Pelican lights kif miftiehem.
Jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li l-mandati ta' qbid u dikriti mill-Qorti Ċivili jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern bin-numri tal-karta ta' l-identita' u l-aħħar indirizz tad-debitur peress li dawn l-avviżi saru aktar spissi u billi hawn ħafna ismijiet, xorta sar diffiċli biex tkun taf jew tidentifika id-debitur? Fil-każ ta' kumpanniji jew partnerships, jista' jingħata wkoll in-numru tar-reġistrazzjoni?
Dan is-suġġeriment jista' jfisser tibdil fil-liġi iżda naħseb li din l-emenda żgħira m'għandhiex tkun ta' ostakolu.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jista ikun indikat li s-suġġerimenti tal-Onorevoli Interpellant jiġi riferit lill-Law Courts Advisory Committee sabiex dan ikun jista` jiddiskutihom fid-dawl ta` konsiderazzjonijiet oħra bħad-dritt għall-privatezza u r-riperkussjonijiet ta` natura amministrattiva li jista` jkun hemm bħala konsegwenza ta` tali bdil u sabiex wara l-istess Kumitat ikun jista` jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu fir-rigward.
Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni ta' l-applikant, li ismu qed jintbagħat separatament, għal sussidju biex jissewwulu s-soqfa tiġi approvata kemm jista' jkun malajr?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li din it-talba ġiet approvata.
9.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jitħallsu l-benefiċċji għall-mard lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li beda s-sick leave tiegħu fit-12 ta' Frar, 1998 minħabba mard serju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna msemmija ġiet mogħtija l-Pensjoni ta' l-Invalidita' mis-17 ta' Ottubru, 1998. Il-ħlas dovut tal-Mard ta' qabel din id-data ġie kkalkulat u ser jirċievi benefiċċju għall-perjodu ta' meta kien fuq nofs paga u għal perjodu ta' meta kien bla paga.
9.11.98
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Land Registry qiegħda tuża l-land survey sheets ta' l-1988 meta taf li hemm żbalji? Kemm qed tħallas ta' dan is-servizz talli qiegħda tuża dawn il-pjanti żbaljati mgħoddija mill-Planning Authority?
Response (BORG, TONIO)
Ir-Reġistru ta' l-Artijiet, bħala kull organizazzjoni oħra f'Malta, ma jistax ma jagħmilx użu mill-'base map' ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. F'Ġunju 1994 ir-Reġistru tal-Artijiet laħaq ftehim mal-'Mapping Unit' tal-Awtorita' tal-Ippjanar sabiex għal ħlas ta' Lm 1000 fis-sena isir użu mill-'base map'. Fl-1994 kien intlaħaq ftehim ukoll li wara tlett snin, iż-żewġ partijiet jerġgħu jiddiskutu l-ħlas. Fl-1997 skada l-ftehim u sa llum għadu ma ntlaħaqx ftehim ieħor. Minħabba f'hekk l-'Land Registry' ma bbenefikax mill-aġġornamenti li saru sa llum mill-Awtorita' tal-Ippjanar. S'issa għadhom għaddejjin d-diskussjonijiet biex jiġi stabillit il-ħlas. Fid-dawl tal-fatt li (i) dawn iż-żewġ entitajiet jaqgħu fid-dekasteru tal-istess Ministeru u (ii) l-insistenza ta' dan il-Ministeru għal integrazzjoni dejjem akbar fil-qasam tal-'land use management', wieħed jittama li tinstab soluzzjoni fl-iqsar żmien possibli.
Tajjeb ukoll illi niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant, illi minkejja li l-'updating' u/jew korrezzjoni tal-'map base' ma jistgħux isiru mir-Reġistru ta' l-Artijiet, meta u jekk tiġi innutata xi ħaġa fil-'map base', dan ir-Reġistru normalment jgħaddi din l-informazzjoni lis-sezzjoni tal-GIS fi ħdan il-MITTS sabiex din tinforma lill-'Mapping Unit' tal-Awtorita' tal-Ippjanar.
Sadanittant tajjeb ikun jaf l-Onor. Membru, anke kieku l-'base map' hija perfetta, t-titolu għall-propjeta' ma joħrogx biss mill-istat ta' x'hemm fuq l-art fil-ġurnata ta' l-applikazzjoni imma ukoll mill-provenjenza u dokumenti oħra. Il-periti u n-nutara huma notifikati permezz ta' ċirkolarijiet tad-Dipartiment tar-Reġistru tal-Artijiet, li fuqhom hemm qbil mal-kmamar rispettivi, sabiex jiġu megħluba problemi li jistgħu jinqalgħu fil-prattika.
09.11.98