Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li joħorġu l-promozzjonijiet tal-court recorders 1 (one) għall-court recorders 2 (two)?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isir manpower survey u management study tar-riżorsi umani tal-Qorti u kull eżerċizzju ta` promozzjonijiet irid jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-konklużjonijiet ta` dan l-istudju.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Mikielang Sapiano Technical Institute, l-istudenti fl-apprenticeship course tal-Micro Computer Technology fit-tieni sena, wara tliet xhur tal-course kienu mingħajr teacher fil-Micro Computer? Ma jaħsibx il-Ministru li trid issir xi ħaġa mmedjata meta l-istudenti waslu għall-eżamijiet peress li dan qed jikkawża li jtellfu l-interess fl-istudenti fil-qasam indikat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa mill-bidu tas-sena skolastika 1998-1999 is-suġġett 'Microcomputer Technology' ġie assenjat lil għalliem Part-Time li huwa mpjegat ma' kumpanija parastatali. Dan l-arranġament ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar snin. Sfortunatament, fil-bidu tas-sena skolastika, kien hemm diffikulta' dwar ir-'release' ta' dan u ta' persuni oħrajn mill-kumpanija tagħhom. Sakemm twittew id-diffikultajiet għaddew xi ġimgħat. Ninsab infurmat ukoll li dan l-għalliem kellu bżonn jattendi għal xi konferenzi u d-dipartiment ħaseb u ra li biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet li kien hemm, sar ftehim biex dan l-għalliem jagħti xi lezzjonijiet, anki waqt il-vaganzi tal-Milied. Huwa maħsub li safejn huwa possibbli jiġu mogħtija lezzjonijiet iżjed biex jikkumpensaw għan-nuqqasijiet li kien hemm u li dwarhom id-dipartiment ma kellu ebda kontroll.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu l-gvern jħallas l-arrears dovuti lill-impjegati kollha tat-tarzna f'taxxa mħallsa żejda minnhom, u li wħud minnhom għandhom jieħdu f'mijiet ta' liri Maltin?
Response (DALLI, JOHN)
Il-ħlas tar-refunds hu regolat mill-provvista ta` fondi maħsuba għal dan il-għan.
L-ammonti dovuti lill-ħaddiema tad-Drydocks ma jkunux ikkunsidrati għalihom waħedhom iżda jifformaw parti mill-ammont totali ta` refunds li d-dipartiment għandu jagħti lil taxpayers oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li għandu pension number 16/084384 li kien intitolat għall-pensjoni mensili ta' Lm263.99c u li din f'daqqa waħda u proprju f'Ottubru 1998 niżlet għal Lm159.56c?
Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet u d-dettalji kollha dwar dan l-aġir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba hija ta' natur kunfidenzjali, tlabt lid-Dipartiment biex jinfurmaw direttament il-persuna kkonċernata bl-informazzjoni kollha dwar il-każ tagħha. Jien infurmat li kemm hi u kemm persuni għan-nom tagħha diġa' kellhom xi laqgħat ma' uffiċjali tad-Dipartiment dwar il-każ.
1.2.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonantii ġewwa l-Għargħur, l-Iklin, il-Mosta u n-Naxxar li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
1.2.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu regolarizzati bħala pensjoni dawk il-ħaddiema li llum huma pensjonanti wara li kienu marru minn maċ-Ċivil għall-korporazzjonijiet jew entitajiet parastatali?
Jista' l-Ministru jgħid li bħal dawn hemm madwar 160 pensjonant li qegħdin jistennew l-aġġustament meħtieġ u rikjest?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant, jidher li hu qiegħed jirreferi għal pensjoni tat-Teżor li titħallas taħt l-Ordinanza tal-Pensjonijiet. Għaldaqstant nitlob lil Onor Interpellant li jressaq il-Mistoqsija tiegħu lil Onor. Ministru tal-Finanzi.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-għajnuna soċjali għal mara li romlot wara li żewġha miet qabel l-eta' tas-60 sena u li ma ħallasx il-benefiċċji soċjali maż-żmenijiet kollha b'mod regolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħlas tal-Għajnuna Soċjali huwa suġġett għat-test tal-meżżi. Ir-rata dovuta tiddependi minn-numru ta' persuni li jkunu jiffurmaw il-familja.
Armla li m'għandhiex pensjoni kontributorja, u li tgħix waħedha, titħallas rata ta' Għajnuna Soċjali ta' Lm27.13 fil-ġimgħa li magħhom jiżdiedu Lm1.34 bħala Bonus Addizzjonali. Il-persuna tkun tista' tibbenefika wkoll minn 50 ċenteżmu fil-ġimgħa jekk tkun tħallas il-kera għal post fejn toqgħod, u tista' wkoll tikkwalifika għal skont fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Persuna fuq l-Għajnuna Soċjali normalment tkun intitolata biex tirċievi wkoll l-Allowance Supplimentari ta' Lm1.15 fil-ġimgħa.
25.1.99
Jista' l-Ministru jara li l-istreet lighting f'Santa Maria Estate, Mellieħa u fl-area fejn hemm il-boathouses bin-numri 93 et segwitu jitwaħħlu u dan peress li fin-nuqqas tagħhom hemm ċerta biża' fost il-persuni li jokkupawhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata l-asphalt meħtieġ fi Triq New Street off Triq il-Ħtajriet, Mosta meta r-residenti ilhom jgħixu hemm għal snin twal u żgur hemm min ilu jgħix għal 15-il sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment u dejjem, jekk is-servizzi neċessarji huma diġa' mgħoddija.
Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, Ref. HAS 96/98 u li din ġiet invalida minħabba klawsola 5 (d ii) li tgħid: "ftehim ta' enfitewsi temporanja li ma jeċċediex s-16-il sena li jkun magħmul qabel id-data appuntata", dan jiġi mogħti lura l-flus li ħallas lill-awtorita' inklużi r-riċerki u dan meta l-applikant huwa diżokkupat u jgħix bir-relief? Il-Ministru jara li dan huwa każ partikolari fiċ-ċirkostanzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-applikant kien jaf ben tajjeb li ma setgħax japplika għax l-enfitewsi temporanja kientet għal wieħed u għoxrin sena b'effett mill-31 ta' Awissu 1988. Dan il-kuntratt ma ġiex prestentat ma' l-applikazzjoni li ngħatat lill-Awtorita' tad-Djar fid-19 ta' Ottubru 1998. Il-fatt li għandu dan iċ-ċens temporanju ħareġ mir-riċerki. Kopja ta' l-kutratt ta' l-enfitewsi temporanju ġiet ippresentata l-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Novembru 1998.
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem li biex tiġi proċessata applikazzjoni, l-ħlas ammistrattiv huwa ferm għola mid-depositu imħallas cioe' Lm10.
Jekk l-applikant jixtieq ir-riċerki li ssottometta lill-Awtorita' tad-Djar, dan jista' jiġi l-uffiċċju ta' l-Awtorita' tad-Djar u jingħata kopja tagħhom.
18.12.98
Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li f'Għawdex hemm Nutara Pubbliċi li għalkemm ilhom jaħdmu 'l fuq min 16-il sena b'danakollu m'huma rappreżentati bl-ebda volum ta' xogħolhom fuq l-ixkafef ta' l-Arkivju Nutarili fir-Rabat? Jekk fl-affermattiv, dan in-nuqqas (li jmur kontra l-interessi kemm tal-komparenti fuq l-atti u testmenti relattivi kif ukoll tal-pubbliku li jenħtieġlu jaqrahom) ifisser li ebda volum minn tagħhom ma kien ġie eżaminat mill-Qorti tar-Reviżjoni skond il-liġi?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru tal-Ġustizzja jordna li l-affari tiġi normalizzata kemm jista' jkun malajr?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li f'Għawdex hemm Nutar Pubbliku wieħed, li ilu aktar minn sittax il-sena jaħdem, iżda m'hu rappreżentat b'ebda volum fl-Arkivji Nutarili fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern f'Għawdex.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat.
18.12.98 (pm)
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2419 u dan b'riferenza għall-PAB 587/95/E rigward l-iżvilupp fil-Qawra wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli kontra l-istess applikant?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li b'referenza għad-domanda parlamentari 2419 segwita b'2688 irid jingħad illi l-każ inbeda bi ħruġ ta' ordni ta' infurzar ECF 451/94 nhar il-31 ta' Awissu, 1994. Appell minn din l-enforcement ġie dikjarat invalidu fis-26 ta' Jannar, 1998. Sussegwentement, applikazzjoni PA 443/98 ġiet sottomessa fis-27 ta' Jannar, 1998 u rifjutata fit-8 ta' April, 1998.
Fiċ-ċirkostanzi l-każ qiegħed jiġi eżaminat sabiex jittieħdu dawk il-passi neċessarji skond il-liġi u possibilment segwiti bit-tneħħija tal-ksur b'azzjoni diretta mill-Awtorita` għas-spejjeż tas-sid.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jara min ta l-ordni u taħt liema permess skond il-liġi ngħatat din l-ordni biex żona f'Hope Street, Mosta fejn dan l-aħħar saret bus shelter ġie wkoll dikjarat "no parking zone"?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirrferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jara jekk il-Barriera ta' Birguma, fil-limiti tan-Naxxar hijiex qed topera bil-permessi meħtieġa u jekk hu l-każ, sa liema distanza mill-qtugħ tal-blat għall-ewwel għalqa li tmiss mal-barriera jista' jitqatta' dan il-blat skond il-kondizzjonijiet imposti mill-Minerals Board?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-barriera li ġġib l-applikazzjoni numru 4762/97/15A, inħareġ il-permess fil-11 ta` Settembru, 1998; il-permess hu marbut b`kondizzjonijiet u pjanti approvati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` pjanta immarkata PA4762/97/15A.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jara li Triq Dun Salv Zarb, fil-Għargħur fejn parti minnha hija għalqa f'nofs it-triq, tiġi minnufih esproprjata u b'hekk tinfetaħ it-triq sew u jkunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet neċessarji u t-triq tkun miftuħa bħala waħda regolari peress li din it-triq hija kollha mibnija u fiha numru kbir ta' residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Din it-triq partikulari hi waħda min dawk li ġew diskussi mal-Kunsill Lokali tal-Għargħur. Id-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal il-mod kif din it-triq tkun tista tingħata wiċċ.
Jista' l-Ministru jara li l-applikant, li ismu qed jintbagħat separatament, li xi ġimgħat ilu applika għal driving licence u li din għandu bżonnha ħafna minħabba esiġenzi kbar familjari, jibgħatu għalih biex jagħmel l-eżamijiet meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jara x'azzjoni ttieħdet f'dik li hija enforcement kontra l-persuna li tilfet l-appell tagħha fil-Planning Appeals Board (Ref. PAB 587/95 E) 5MS u ECF 95/94 u dan in konnessjoni ma' bini ta' taraġ u għeluq ta' viżjoni għad-dannu ta' terzi, meta l-istess terzi nteressati għadhom qegħdin jistennew li l-persuna responsabbli treġġa' lura x-xogħlijiet illegali li wettqet?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Membru mhix korretta. PAB 587/95/E jirrigwarda żvilupp fil-Qawra diġa' deċiż mill-Bord ta' l-Appelli filwaqt li ECF95/94 jirrigwarda żvilupp permess mill-Awtorita' tal-Ippjanar f'Tal-Balal limiti ta' l-Iklin.
Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jipprovdi r-referenzi preċiżi sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
11.12.98(pm)
Jista' l-Prim Ministru jara li l-każ li hemm pendenti fl-ismijiet li qed jintbagħtu separatament fejn jittratta każ ta' avukata li fiċ-ċirkostanzi hi u l-familja tagħha sofrew u għadhom isofru ħafna fuq kwestjoni li ġiet ħafna u ħafna fl-idea tiegħi inutilment minfuħa mill-awtoritajiet, jara li jreġġa' kollox lura u jara li jsir dak mistħoqq favur din l-istess avukata u l-familja tagħha li fuq kollox diġa' saritilha ħafna ħsara kemm fil-professjoni u fis-soċjeta' għal
xejn? Il-Prim Ministru ma jarax li jekk jibqa' hekk sieket din l-inġustizzja fiċ-ċirkostanzi se tkompli titwal?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-każ li għalih qed jirreferi l-Onorevoli
Membru jirrigwarda proċeduri ta' dixxiplina li saru fuq
avukatessa, li kienet uffiċjal pubbliku, mill-kap tad-
dipartiment tagħha. Dawn kienu proċeduri li jirrigwardaw
allegata insubordinazzjoni. Din l-uffiċjal irriżenjat mis-
servizz u għażlet li l-proċeduri dixxiplinarji ma
jitkomplewx kontra tagħha. Iżda għamlet ċitazzjoni fil-
Qorti fuq punt preliminari li nqatet kontra tagħha, u wara
li appellat, il-Qorti ta' l-Appell ikkonfermat l-ewwel
deċiżjoni. Issa għamlet kawża Kostituzzjonali fuq l-istess
punt, tilfitha fl-ewwel stanza u hemm Appell quddiem il-
Qorti Kostituzzjonali fuq l-istess punt.
Jidher li kienet l-avukatessa li nefħet il-każ u ġabet
fuqha l-konsegwenzi li qed issemmi, bil-ħafna proċeduri li
għażlet li tiftaħ fil-Qorti. F'dan l-istadju wieħed irid
issa jistenna li jiġi deċiż l-Appell Kostituzzjonali.