Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6184 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

CCF — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jara x'wassal li żewġ acting maġġuri tal-ħabs fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li kien ilhom acting għal aktar minn sentejn f'din il-kariga issa jitneħħew minn din il-kariga? Xi kriterji ntużaw biex dan l-appointment tneħħa u x'kumpens se jingħatalhom tas-servizz li taw f'dan il-perjodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li riċentement, wara li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ppubblikat ir-riżultat ta' l-eżami għal-ħatra ta' Senior Correctional Officers, 15-il Correctional Officer ġew promossi għal grad ta' Senior Correctional Officer. Minħabba f'hekk, 5 mill-11 il-uffiċjal li kienu qed jagħmluha ta' Acting Senior Correctional Officers tneħħew minn din il-kariga peress li posthom imtela minn dawk li kisbu l-promozzjoni. Dawk li tneħħew kienu dawk li ġew maħtura l-aħħar u matul il-perijodu li dawn kienu jagħmluha ta' Acting Senior Correctional Officers huma kienu jitħallsu deputising allowance kull xahar. Gradwalment il-bqija ta' l-Acting Senior Correctional Officers jitneħħew minn din il-kariga, u dan isir meta uffiċjali oħra jkunu ġew imħarġa fix-xogħol li preżentement qed isir minn dawk il-persuni li kisbu l-promozzjoni għal grad ta' Senior Correctional Officers. 26.04.99
Leg 9 PQ #5787 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Liċenzji — Applikazzjoni "to carry"

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm l-applikazzjoni għal-liċenzja "to carry" tal-persuna mill-Mosta li ismu qed jintbagħat separatament li ilu li applika minn Awissu/Settembru ta' l-1998? Il-Ministru ma jarax li dan huwa dewmien mhux ġustifikat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li parti mid-dewmien biex tinħareġ il-liċenzja 'to carry' lill-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hu dovut għall-fatt li l-persuna konċernata għad trid tiġi msejjħa mid-Dipartiment ta' l-Ambjent biex toqgħod għat-test dwar ġarr ta' arma għal skop ta' kaċċa. Ninsab infurmat ukoll li billi dawn it-testijiet isiru s-Sibtijiet biss hemm lista twila ta' applikanti biex jiġu msejjħa għal dan it-test. 22.03.99
Leg 9 PQ #5811 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Pilots

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li jimla' l-vacancies bħala piloti fl-Air Squadron fil-Forzi Armati ta' Malta, meta żgur li hemm erba' nieqsa u dan kif hemm indikat fil-White Paper dwar l-Armata li din tgħid li għandu jkun hemm 12 bħala compliment?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Forzi Armati bħalissa mhumiex f'pożizzjoni li jħarrġu iżjed bdoti fuq l-ajruplani tagħhom. Dan peress li hemm pjanijiet sabiex fi żmien ta' madwar sena jinbiegħu l-ajruplani tat-tip Birddog u minflokom jinxtraw oħrajn. Hemm il-ħsieb li meta jinxtraw dawn l-ajruplani, tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal bdoti ġodda.

Valletta — Uffiċċju tal-MAM

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5225 u r-risposta tal-Ministru, peress li jiena nformat li r-risposta m'hijiex kompleta, jista' l-Ministru jara li dan il-każ jiġi nvestigat biex f'każ li jirriżulta li kien hemm użu ħażin tal-poter jittieħdu l-passi neċessarji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għaliex ir-risposta mhix kompleta, biex inkun nista` ninvestiga l-ilment ta` l-Onor. Interpellant.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonantii ġewwa l-Għargħur, l-Iklin, il-Mosta u n-Naxxar li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet Mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant. 16.3.99
Leg 9 PQ #5269 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Maġġura

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li ngħatat il-promozzjoni ta' Maġġura fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, li isimha qed jintbagħat separatament, mhijiex qegħda tagħmel xogħol relatat mal-promozzjoni msemmija u dan peress li din qegħda fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin bħala skrivana u saħansitra qegħda tirrifjuta li tmur lura fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant mhux talli mhux qed tirrifjuta li tmur lura fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin talli fil-fatt bdiet taqdi d-doveri tagħha fil-Faċilita' fl-1 ta' Marzu ta' din is-sena. Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna, flimkien ma' oħrjan li għaddew mill-interview għal post ta' Senior Correctional Officer, ser jingħataw il-ħatra fil-ġranet li ġejjien. 09.03.99

Naxxar — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders relattivi għall-għoti ta' tarmac u wkoll bankini fi Triq il-Ġnien, Naxxar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti biex isiru bankini u l-illivellar ta` Triq il-Ġnien, Naxxar ħarġet fil-5 ta` Frar, 1999. Jien infurmat ukoll li x-xogħol ta` l-asfalt ma jistax isir għalissa.

Valletta — Uffiċċju tal-MAM

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4756 u r-risposta mogħtija, jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma li ma tqegħdux partitions fissi bħala parti minn dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru verament jgħid li ma nfetaħx iktar minn bieb wieħed? X'ġiegħel li x-xogħol ma tkompliex kif ġie ppjanat? Jista' l-Ministru jgħid min ordna dan ix-xogħol u jekk dan kellux l-awtorizzazzjoni biex jagħmel dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħala parti mix-xogħol imsemmi tqegħdu żewġ `demountable partitions`. Mhuwiex magħruf għall-liema pjanijiet qed jirrefri għalihom l-Onor. Interpellant. Dan ix-xogħol sar fuq istruzzjonijiet maħruġa miċ-`Chief Executive` ta` l-Awtorita` Marittima.

Naxxar — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu l-pelican lights fit-tarf ma' Għargħur Road kantuniera ma' St Paul's Street, Naxxar u dan peress li t-traffiku li jkun ġej minn St Paul's Street m'huwiex iċedi lit-traffiku li jkun irid joħroġ minn Għargħur Road għall-istess St Paul's Street?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista` jsir.

Naxxar — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li kull meta l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Naxxar bħalma hi l-karozza numru 55 li tidħol il-Għargħur, ma jkunux jistgħu jidħlu minn Naxxar minħabba xi festa jew fiera bħat-Trade Fair, jgħaddu mill-Iklin u b'hekk iniżżlu lill-passiġġieri li jkunu għan-Naxxar fejn ir-roundabout, ħdejn iċ-Ċimiterju tan-Naxxar u tibqa' sejra r-rotta normali għall-Għargħur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fi żmien it-Trade Fair, il-venda tan-Naxxar tkun trasferita għal ħdejn il-grounds tal-fiera u l-karozzi għal Għargħur jibqgħu jaħdmu b`mod regolari. Meta jkun hemm il-festa fin-Naxxar, jien infurmat li s-servizz bin-numru tar-rotta 56 jibqa jaħdem minn u lejn il-Għargħur kull siegħa u jgħaddi mill-Iklin.
Leg 9 PQ #5228 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ref>PAB 587/95/E

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet wara r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 2688 datata 15/12/98 tas-Seduta 35?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2688 segwita b'dik li ġġib in-numru 5228 ninsab infurmat illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar laħqet ftehim mas-sid sabiex ineħħi l-irregolarita' hu stess sabiex jiġu evitati spejjeż li normalment ilaħħqu ammonti konsiderevoli jekk l-operazzjoni issir mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Is-sid ġie mwissi li jekk jonqos u ma jneħħix l-irregolarita' kif kommess minnu fi żmien qasir, l-Awtorita' tneħħi hi a spejjeż tiegħu. Dan hu konformi mal-politika ta' l-Awtorita' li fil-każi fejn is-sid jaċċetta li jneħħi hu stess, l-istess Awtorita' tagħti ċ-ċans biex dan isir. 08.03.99
Leg 9 PQ #5229 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' snieter

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-transfer tal-liċenzji tas-snieter minn fuq persuna għall-terzi, qegħdin jieħdu tul twil ta' żmien, jekk mhux xhur? Jista' l-Ministru jgħid ukoll għaliex qed ikun hemm dewmien żejjed biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' liċenzji to keep u to carry? Ma jaħsibx il-Ministru li dan id-dewmien qed jikkawża inġustizzja mal-kaċċaturi u nassaba?

Response (BORG, TONIO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-ftit xhur li din l-amministrazzjoni ġiet fdata bit-tmexxija tal-pajjiż, diġa' ittieħdu diversi inizjattivi fosthom li l-liċenzja 'to keep' ma tiġix ekwiparata għall-liċenzja 'to carry' u b'hekk il-liċenzja raħset minn Lm19 għal Lm7. Ġew solvuti wkoll problemi konnessi mal-polza tal-assikurazzjoni marbuta mal-liċenzja tas-snieter. Kif jaf ben tajjeb l-Onor. Interpellant, minn Jannar ta' din is-sena, is-sistema ta' liċenzjar ta' armi ġiet komputerizzata. Kull meta tiġi ntrodotta xi sistema ġdida wieħed jistenna li għal bidu jinqagħlu xi problemi. Iżda skond ma jien infurmat, dawn il-problemi qed jiġu ndirizzati sabiex jintlaħaq l-għan li kienet introdotta din is-sistema, ċioe' li jitħaffef il-proċess u jitnaqqas l-inkonvenjent għal pubbliku. 08.03.99

Sigurta' soċjali — Care order

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma hux veru li nħarġet care order fil-konfront ta' persuna minuri wara li naqas li jirritorna d-dar mill-iskola u li llum jinsab f'St Patrick's u li sal-lum il-ġenituri tiegħu għadhom imċaħda minn kull informazzjoni ta' dan kollu? Ma jidhirlux il-Ministru li din il-care order li nħarġet f'Jannar ta' din is-sena trid tiġi minnufih diskussa mal-partijiet kollha, inklużi l-ġenituri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hinix dispost li nagħti informazzjoni dwar każijiet fejn l-aspetti personali huma assolutament kunfidenzjali u dan fl-aħjar interess tal-partijiet kollha involuti. Infakkar lill-Onor. Membru li l-liġi stess tipprovdi għar-rimedji kollha neċessarji f'każijiet bħal dawn. 1.3.99
Leg 9 PQ #5009 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċident waqt logħba football

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija arrestawx lil xi ħadd waqt u wara l-inċidenti li seħħew matul logħba football tal-Premier Division bejn Tas-Sliema u Birkirkara fil-31 ta' Jannar, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm tressqu nies il-Qorti u x'kien l-eżitu tal-każi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-jiem ta' wara l-logħba football li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, il-Pulizija żammet xi nies in konnessjoni mal-investigazzjoni li qed issir dwar l-inċidenti li nqalgħu waqt il-logħba. Ninsab infurmat ukoll li s'issa għadu ma tressaq ħadd quddiem il-Qorti. 01.03.99
Leg 9 PQ #4747 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Bord ta' l-Appell

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4505 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u ċioe' jista' l-Ministru jgħid u jara meta se jibdew jinstemgħu l-appelli ta' l-1995 u l-1996 tal-VAT quddiem il-bord ta' l-appell? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pendenti petizzjonijiet ta' l-appell quddiem dan il-bord u kemm s'issa ġew deċiżi mill-1995 'il hawn? Jista' l-Ministru jara wkoll kemm hemm pendenti f'dak ta' CET quddiem l-istess bord ta' l-appell?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-smiegħ ta` l-appelli mill-Bord ta` l-Appelli tal-VAT beda f`Mejju ta` l-1996. In-numru ta` appelli pendenti sas-17 ta` Frar 1999 kien ta` 1,125, filwaqt li n-numru ta` appelli li ġew deċiżi sa` l-istess data kien ta` 396. In-numru ta` appelli pendenti quddiem it-Tribunal ta` l-Appelli tas-CET sas-17 ta` Frar kien ta` 230.

Valletta — Uffiċċju tal-MMA

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li saru xi xogħlijiet strutturali fl-Uffiċċju tal-MMA (Malta Maritime Authority) ġewwa Lascaris Wharf, Valletta? Jista' l-Ministru jikkonferma li dawn ix-xogħlijiet saru wara li kien hemm l-awtorizzazzjoni kif soltu jsir? Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proċedura normali ġiet segwita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma sar l-ebda xogħol strutturali fil-bini ta` l-Awtorita` Marittima f`Lascaris Wharf ħlief li nfetaħ bieb ta` daqs normali.

MMA — Bord

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li għadu ma nħatarx il-Bord ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid min mexxa l-awtorita' fl-assenza taċ-chairman jew deputy chairman tul il-perjodu li għadda minn meta skada t-terminu tal-bord ta' l-istess awtorita', u dan in vista tal-fatt li l-liġi tqiegħed it-tliet diretturi tat-tlett direttorat fuq livell wieħed u għalhekk ma jidhirx li jista' jkun hemm ħaddieħor li jmexxi l-awtorita' fl-assenza ta' chairman jew deputy chairman? Jista' allura l-Ministru jgħid min se jerfa' r-responsabbilta' għad-deċiżjonijiet li laħqu ttieħdu f'dan il-perjodu jew li jistgħu jittieħdu sakemm jinħatar chairman, u li m'humiex deċiżjonijiet li huma kompitu tad-diretturi msemmija hawn fuq? Jista' l-Ministru jassigura li fil-fatt ma ttieħdux deċiżjonijiet ġewwa l-istess awtorita' li jmorru kontra deċiżjonijiet tal-bord preċedenti jew xi kumitat imwaqqaf mill-istess bord?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord ta` l-Awtorita` Marittima mistenni jiġippubblikat din il-ġimgħa. Jien infurmat li matul dan il-perjodu l-Executive Directors ma ħadu l-ebda deċiżjoni jew ġagħlu lil xi ħadd li jieħu deċiżjoni li għaliha huma ma jerfgħux ir-responabbilta.
Leg 9 PQ #4788 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Partitarju Nazzjonalista

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tressaqx il-Qorti u jekk le, meta beħsiebhom il-pulizija jressqu l-Qorti lill-partitarju Nazzjonalista li kien armat b'sikkina jaħraq karozza u żewġ muturi u dan kif muri aħjar fl-istorja rapportat lokalment fil-gazzetti lokali fid-29 ta' Ġunju, 1987 (kopja ta' dan qed tintbagħat separatament)?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien hemm żewġt irġiel suspettati u li wieħed minnhom illum huwa mejjet. Infurmat ukoll illi l-każ issa huwa preskritt, għax għaddew 11-il sena mill-inċident li, mill-proċess verbal ma jirriżultax li kellu x'jaqsam mal-politika. 22.02.99

VAT — Bord ta' l-Appell

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jara meta se jibdew jinstemgħu l-appelli ta' l-1995 u l-1996 tal-VAT quddiem il-bord ta' l-appell? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pendenti petizzjonijiet ta' l-appell quddiem dan il-bord u kemm s'issa ġew deċiżi mill-1995 'l hawn? Jista' l-Ministru jara wkoll kemm hemm pendentii f'dak ta' CET quddiem l-istess bord ta' l-appell?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Pensjonijiet — Pensjoni Nru.21/080466

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-pensjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li sa riċentement kellha pensjoni ta' Lm139.36ċ u li din f'daqqa waħda ġiet riveduta u qed tingħata pensjoni ta' Lm98.62ċ? Ma jarax il-Ministru li din il-pensjoni kif emendata hija miżera ħafna biex din l-armla tgħix fl-eta tagħha ta' 73 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha u r-raġuni tat-tnaqqis mill-pensjoni tagħha. Id-Dipartiment għandu jinformaha ukoll dwar xi benefiċċji oħra li tista' tikkwalifika għalihom. Jiena nfurmat li r-rata ta' pensjoni kontributorja li qed tirċievi l-Armla issa, tirrefletti l-medja ta' kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati ta' żewġha. 15.2.99