Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus s'issa fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju f'Għawdex? Tista' tgħidilna jekk għadx hemm kontijiet pendenti? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm kontijiet li ma jistgħux jitħallsu għax m'hemmx l-awtorizzazzjoni tal-finanzi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
JIena nfurmata li s'issa tħallsu Lm44,173 għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju. Għad hemm kontijiet pendenti li għal wieħed minnhom tinħtieġ l-awtoriżżazzjoni tal-Finanzi.
Tista' l-Ministru tgħidilna kemm hemm kontijiet u ħlasijiet pendenti fil-qorti ta' Għawdex dwar board and lodging u x'qiegħed iżomm li ma jitħallsux? X'sar s'issa biex tingħata l-awtorizzazzjoni meħtieġa ħalli jsir il-ħlas? X'passi se jittieħdu biex il-ħlas eventwalment isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ammont ta' kontijiet u ħlasijiet pendenti mill-Qorti ta' Għawdex huwa ta' tlett elef u ħamsin Lira Maltin (Lm3050).
Saret talba lill-Finanzi sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa ħalli jkun jista' jsir il-ħlas.
Tista' l-Ministru tgħidilna kemm daħlu għand id-direttur tas-servizzi korporattivi f'Għawdex rapporti dwar nies morda matul is-sena 1999, dipartiment b'dipartiment? Kemm saru spezzjonijiet mit-tabib tad-dipartiment fl-istess sena u xi ħlasijiet saru għal hekk fl-istess perijodu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li matul is-sena 1999 daħlu b'kollox 19021 rapport għand id-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi dwar impjegati morda. Dawn kienu mqassmin hekk: 5032 fid-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp, 13513 fid-Dipartiment tal-Customer Services, 407 fid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi, 30 fis-Segretarjat Permanenti u 39 fis-Segretarjat Privat. Matul l-istess sena t-tabib għamel 3063-il spezzjoni b'kollox.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 12243.
Jista'l-Prim Ministru jgħid jekk hux veru li f'Għawdex introduċew policy ġdida dwar l-accumulation of vacation leave minn sena għall-oħra u differenti minn dik ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, min ippropona din il-policy u bl-awtorita' ta' min? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dawn l-affarijiet ġewx diskussi ma' l-unions konċernati? Kemm hemm f'Għawdex każi fejn l-accumulation of leave għadu ma ġiex approvat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jirriżultalix li hemm xi policy ġdida dwar accumulation of leave f'Ghawdex.
Dwar kemm ma ġewx approvati talbiet għal accumulation of leave nistieden l-Onorevoli Membru jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk fil-każ indikat fid-dokument mibgħut separatament minn din il-mistoqsija jikkostitwixxix indħil mis-sindku tal-kunsill lokali tal-Gżira? Jekk fl-affermattiv, peress li ndħil minn sindki fix-xogħol tal-pulizija jista' jirrifletti ħażin fuq il-ben amministrazzjoni ta' l-istess kunsill lokali, jista' l-Ministru jara li dan it-tip ta' ndħil jiġi mwaqqaf minnufih?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jikkonċerna primarjament l-operat u funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Għalhekk nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjoni saret wara l-ħsara li saret fi Pjazza fil-Għargħur, nhar l-Erbgħa ta' ġimgħat jew tlieta ilu, meta ħaddiema ta' kuntrattur waqt li kienu qegħdin iħaffru toqba bil-jackhammer bil-barka tal-kunsill lokali tal-Għargħur tajru t-three phase, saret splużjoni u kien biss b'xorti tajba li ma kienx hemm vittmi?
Jista' jgħidilna wkoll jekk kienx hemm il-permessi meħtieġa biex isiru dawn ix-xogħlijiet fi Pjazza tal-Għargħur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol inkwestjoni kien qed isir mill-Kunsill Lokali li hu responsabbli wkoll mill-ħruġ tal-permess għal dan it-tip ta` xogħol. Għal dan il-għan id-Dipartiment ma jkollux `records` dwar tali permessi.
Peress li mid-dokument li qed jintbagħat separatament jidher li l-awtorita' ta' l-ippjanar qed naqbad ma' dawk in-nassaba li ilhom żmien jużaw dura fl-inħawi ta' Pembroke, jikkonferma l-Ministru li dan huwa 'l bogħod minn dak li kien wiegħed il-gvern tiegħu qabel l-elezzjoni ta' l-1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-iStop and Enforcement Notice li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma nħarġitx kontra xi kategorija partikolari tal-pubbliku, iżda kontra min abbużivament għamel żvilupp illegali fuq art pubblika, liema art hija wkoll skedata minħabba l-valur ekoloġiku tagħha.
Dan l-iżvilupp jikkonsisti f`diversi kmamar (duri) mibnija b`tipi diversi ta` materjal inkluż tankijiet, pjanċi u fdalijiet ta` materjal tal-bini. Barra minnhekk inbnew ukoll xi ħitan tas-sejjiegħ bl-iskop li ċerti partijiet minn din l-'area' ġew maqsuma f`porzjonijiet. Tali żvilupp normalment jirrekjedi permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u minn dawk kompetenti.
Ninsab infurmat ukoll li n-Notice imsemmija ġiet servuta wkoll kontra l-Kummissarju ta` l-Artijiet illi huwa l-propretarju tal-art in kwestjoni. Ta` min jgħid ukoll li saru diversi lmenti minn residenti tal-lokal u minn għaqdiet ambjentali kontra dan l-iżvilupp partikolari. Għaldaqstant l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tħossx li 'qabdet' ma` xi ħadd, iżda ħadet dawk il-passi li jidrilha xierqa skond il-liġi. Naħseb li l-Onor. Interpellant ma kellu l-ebda intenzjoni fid-domanda tiegħu li jiddefendi nies li jiksru l-liġi. Lanqas m`hemm xi ħaġa fil-Programm Elettorali tal-Gvern li tgħid li l-Gvern għandu jagħlaq għajnejh għall-abbużi li jsiru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, waħda wara l-oħra, f'dawk il-każijiet deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji fejn ġew deċiżi favur ir-rikorrenti, li huma mpjegati fiċ-Ċivil, u li sal-lum ma ġewx mogħtija l-promozzjonijiet mistħoqqa, jew għax weħlu fil-PSC jew għal xi raġuni oħra? Jaħseb allura li m'hemmx skop li dawk il-każijiet simili pendenti quddiem it-tribunal ma baqax skop li jitkomplew?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi hemm sitt każi li rrefera għalihom l-Onorevoli Membru; hemm tlieta li ma ġewx implimentati għax il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħasset li ma tistax tagħmel ir-rakkomandazzjoni tagħha għall-ħatra nvoluta, hemm żewġ każi fejn intalbet ritrattazzjoni u każ ieħor fejn id-deċiżjoni qed tiġi impunjata permezz ta' kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
It-tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija hija fin-negattiv.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li applikat għall-għajnuna tal-housing bħala single parent? Jista' jgħid meta l-każ tagħha, li issa ilu pendenti għall-aktar minn sitt snin, effettivament se jiġi konkluż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tkun ikkunsidrata flimkien ma' oħrajn li għandu pendenti d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma li minn nhar it-Tnejn 3 ta' Jannar, 2000 twaqqaf jew aħjar ġie sospiż is-servizz ta' surface mail fil-Malta Post p.l.c.? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni u jafx li issa Malta hija probabbilment l-unika pajjiż fl-Ewropa li għandha surface mail ma jiffunzjonax fis-servizz tal-posta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nikkonferma li b`sehh mit-Tnejn 3 ta` Jannar, 2000, il-Maltapost issospendiet is-servizz ta` `Surface Mail`. Il-Kumpanija hadet dan il-pass minhabba li kienet qed tiffaccja diffikultajiet b`dan is-servizz, fosthom telf finanzjarju u dewmien sinifikanti u minghajr ebda kontroll fuq il-kwalita` tas-servizz.
Ma jirrizultalix li Malta hija l-uniku pajjiz fl-Ewropa li ghandu servizz ta` `Surface Mail` ma jiffunzjonax. Fil-fatt, dan is-servizz qed jinghata mid-dinja postali.
Jista' l-Ministru jirrileva kemm-il applikazzjoni għal xogħol privat mill-istess impjegati tad-dipartiment ġew sottomessi f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jgħidilna wkoll kemm minnhom ġew approvati u kemm minnhom ma ġewx approvati, u dawn ta' l-aħħar jekk inhu l-każ fuq liema mertu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm 10 applikazzjonijiet għal xogħol privat mill-impjegati ta' dan id-Dipartiment. Xi wħud minnhom kienu applikazzjonijiet għal liċenzja ta' ħanut jew ta' xi liċenzja tas-sewqan.
Sitta minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, iżda l-erba' l-oħra ma ġewx approvati.
Dawk li ma ġewx approvati kienu dawn li ġejjin:
1. Applikazzjoni biex jinfetaħ ħanut tad-dolceria;
2. Applikazzjoni għal Category C/E driving licence (Truck driver);
3. Applikazzjoni biex jinġabar żejt ta' l-ikel użat minn Restaurants
permezz ta' truck;
4. Applikazzjoni għal Category D driving licence. (Minibus, Bus,
Coach).
Fl-erba' każijiet imsemmija, l-applikazzjonijiet ġew irrifjutati għaliex ix-xogħol involut isir f'ħinijiet li fil-parti l-kbira huma identiċi għal ħinijiet normali tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jara li fi Triq in-Nissieġ, Ħaż-Żabbar, il-persuna li fil-pjanta li qed tintbagħat separatament qed titħalla tipparkeġġja coaches/tal-linja fil-garaxx immarkata bil-Plot No.43, ma tostakulax l-entratura ta' quddiem il-Plot No.69 fejn jgħixu r-residenti u għandhom l-vettura tagħhom u wkoll biex f'kull każ ssir barrier quddiem ir-residenza ta' Plot No. 69 u dan peress li x-xufier tal-coach qed wkoll jitla' l-bankina ta' quddiem din ir-residenza?
Jaħseb il-Ministru li dan huwa każ ta' urġenza u li l-awtoritajiet diġa' jafu bih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ilment li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed ikun investigat mill-Pulizija li ser tieħu azzjoni skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni tar-reliġjużi f'Malta mqassma f'qassisin, patrijiet u sorijiet? Kemm minnhom huma impjegati mal-gvern u kemm minnhom huma mpjegati mal-Knisja? Jista' jgħid ukoll l-age groups tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kaamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel u fl-aħħar parti tal-Mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija numru 4202. Ta' min jgħid li s-saċerdoti u r-reliġjużi li jagħtu servizz fil-Knisja mhumiex meqjusa mill-Knisja bħala mpjegati tagħha, iżda bħal 'Ministri tal-Knisja'.
Jista' l-Ministru jgħid xi proċedura qegħda tintuża fl-MIA (Malta International Airport) biex is-sick leave jiġi konvertit għal special sick leave? Din il-proċedura qegħda tiġi applikata f'kull każ jiġifieri bħalma ġiet applikta fil-każ tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li skond Klawsola 18 tal-Ftehim Kollettiv 'f'każ ta' sptar jew mard fit-tul li jkun ċertifikat mit-tabib tal-Kumpanija bħala mard ta' natura serja. meta l-impjegat ikun spiċċalu l-'leave' għal mard b'paga sħiħa għal dik is-sena, ikuin intitolat għal 'leave' għal mard addizzjonali li jkun ekwivalenti għal wieħed u nofs tal-'leave' għal mard b'paga sħiħs li ma jkunx utilizza fis-sentejn ta' qabel'.
Il-każ li għalih qed issir riferenza huwa wieħed li jimmerita kunsiderazzjoni speċjali u għalhekk ġiet applikata din il-klawsola fil-konfront tal-ħaddiem ikkonċernat. Minn Settembru tal-1998 'l hawn ma kien hemm ebda każ ieħor bħal ta' dan il-ħaddiem. Jekk ikun il-każ, l-M.I.A. mhux ser toqgħod lura milli tapplika l-istess kunsiderazzjoni kif għamlet f'dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex proprju issa qed jintalab ċ-ċertifikat ta' l-ischool leaving certificate lil dawk l-applikanti li għamlu l-course kollu b'suċċess għal gwardjani tal-kunsilli lokali u dan żgur fil-każ Ref. tiegħu LWA/53/97? Il-Ministru jara li ladarba din ma kenitx mitluba fl-applikazzjoni oriġinali, m'għandhiex tintalab issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ghalkemm dan il-Ministeru mhux responsabbli ghall-ħruġ ta` liċenzji ta` liema responsabilita hi tal-Kummissarju tal-Pulizija, nista` nghid illi l-ħtieġa ta` `school leaving certificate` toħroġ mir-Regolamenti dwar il-Gwardjani Lokali tal-1996.
Il-Ministru jara li wara d-deċiżjoni mill-Qorti ta' l-Appell sede Ċivili fil-każ Monsinjur Dun Joseph Vella Gauci vs l-Awtorita' tax-Xandir, deċiża riċentement fis-17/11/99 fejn l-appell ġie mċaħħad fuq teknikalita' proċedurali, l-Awtorita' tax-Xandir għandha tara li ma toħloqx pożizzjoni diskriminatorja fl-għoti ta' liċenzja għall-community radio service lill-Katidral tal-Belt Victoria, Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jaghmel id-domanda tieghu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ex-Chairman tal-MIA, is-Sur Nicky Degiorgio meta jsiefer jħalli l-karozza fir-restriced area fejn iħalluhom il-managers u li wkoll fejn qed iħalli d-driver taċ-chairman, is-Sur Zammit ukoll?
Il-Ministru ma jarax li dan l-abbuż fis-sigurta għandu jieqaf minnufih?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li z-zona msemmija, jigifieri fil-mina taht it-Terminal, mhijiex zona ta' sigurta', li x-xufier taċ-Chairman jipparkja l-karozza tiegħu fil-mina wara vendikazzjoni li saritlu fuq il-karozza personali tiegħu u li l-allegat abbuż fis-sigurta ma jeżistix.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-Kummissarju milli jieħu l-azzjoni meħtieġa skond il-liġi kif awtorizzat u jneħħi l-iżgombru ta' karozzi abbandunati li jinsabu fi Triq il-Waqqafa, Mosta, wara l-ground tal-football?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vetturi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant tneħħew.
Jista' l-Ministru jara għaliex ma ġiex meħud in konsiderazzjoni l-fatt li l-istudent ta' l-iskola primarja tal-Mosta, li l-partikularitajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu 10 snin u minħabba mard ma setax jagħmel l-eżamijiet f'Ġunju li għadda u per konsegwenza tpoġġa fil-klassi 6th G? Jista' l-Ministru jara li ma tkompliex tissokta din l-inġustizzja fil-konfront ta' dan l-istudent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta t-tfal fil-primarja ma joqgħodux għall-eżami annwali hija l-proċedura li jittieħed in konsiderazzjoni l-eżami ta' nofs is-sena. Jinstab minn kien il-kandidat li ġab marki aktar u dak li ġab marki anqas u il-kandidat li ma qagħadx għall-eżami jiġi kkunsidrat li ġab il-marki ta' bejniethom.
Dan kien il-proċess li l-awtoritajiet ta' l-iskola segwew f'dan il-każ ukoll.
Informat ukoll li meta wieħed jikkonsidra ukoll l-order of merit ta' dan it-tifel bejn Year 4 u Year 5 ma' dak li ingħatalu biex tela' Year 6, l-awtoritajiet ta' l-iskola isostnu li qatt ma saret jew kien hemm ħsieb li ssir xi inġustizzja.