Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet maħsuba, u jekk hemm, fiex waslu, biex titwessa' l-parti ta' Triq il-Mitħna li tisbokka fi Triq Durumblat fil-Mosta, minħabba l-konġestjoni kontinwa maħluqa bit-traffiku qawwi li jgħaddi minnha kuljum?
Jista' jgħid jekk hemmx xi pjani mill-Gvern Ċentrali jew dak lokali biex jingħalqu għat-traffiku jew jiġu one way xi toroq li jipprovdu l-uniku aċċess minn u lejn il-qasam tad-djar Ta' Mliet lejn iċ-ċentru tal-Mosta? Jekk iva, liema huma? X'aċċess se jibqa' għall-eluf ta' residenti fl-imsemmi qasam tad-djar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Gvern għadu kif lesta l-esproprijazzjoni biex it-triq titwessa, u qed jittieħdu passi biex tiġi ppreparata sejħa għal offerti għal dan ix-xogħol.
Dwar l-immaniġjar tat-traffiku fil-lokal din hija `domain` tal-Kunsill Lokali, u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inbdewx u fiex waslu l-proċeduri biex tinfetaħ għat-traffiku Triq il-Ħtajriet li aktar minn erba' snin ilu kienet indikata mill-gvern u mill-kunsill tal-Mosta bħala soluzzjoni alternattiva għas-sistema tat-traffiku minn u lejn iċ-ċentru tal-Mosta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru taħdidiet ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u ġiet stabilita rotta alternattiva sabiex it-traffiku ikun jista` jiħfief minn ġoċ-ċentru tal-Mosta.
Għadu kif tlesta s-`survey` ta` din ir-rotta u ser jibda x-xogħol biex isiru l-pjanti dettaljati għall-kostruzzjoni tal-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet għad fadal isiru mill-Gvern Ċentrali rigward servizzi pubbliċi għal abitazzjonijiet privati, fiż-żoni Ta' Sriedak u Ta' Xkora, fil-Mosta biex it-toroq fl-inħawi msemmija jkunu jistgħu jinbnew b'mod diċenti għar-residenti li diġa' ilhom jabitaw hemm għal diversi snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tieghu lill-Ministeru konċernat peress li l-Ministeru tieghu ma jaghmilx servizzi pubbliċi ghall-abitazzjonijiet privati.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri mibdijin snin ilu biex ikun hemm pjan li jirregolarizza camping site viċin il-bajjiet fit-tramuntana ta' Malta? Jista' jgħid x'qed isir mid-dipartimenti konċernati kif ukoll mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ikun ikkontrollat il-bini llegali li qed ikerraħ l-ambjent madwar il-kosta tat-tramuntana, u li apparti li jżid aktar perikli għas-saħħa pubblika, qed jikkawża danni lill-industrija turistika?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-pjan lokali tal-Majjistral ta` Malta jkopri 'policies' intiżi biex isolvu l-problemi assoċjati ma` 'camping sites' u wkoll jissuġġerixxi siti addadati għal dan l-użu. L-Awtorita` bħalissa qegħda taħdem fuq 'policy paper' fir-rigward ta` 'Caravans and Camping Sites'.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-policy kurrenti ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar dwar bini llegali madwar il-kosta hi skond kif stipulat fl-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp li japplika għal żvilupp illegali f`kull żona f`Malta u f`Għawdex fejn sar bini illegali wara l-1992, minn mindu twaqqfet l-istess Awtorita`. F`dawn il-każi tinħareġ Stop and Enforcement Notice kontra s-sid ta` l-art u kontra minn jokkupa l-art meta dan ta` l-aħħar ikun magħruf u tiġi segwita l-proċedura kif indikat fl-Att imsemmi.
Ninsab infurmat ukoll li minn żmien għall-ieħor l-Awtorita` tagħmel spezzjonijiet f`siti partikolari u fejn jirriżultalha li sar xi żvilupp illegali dan jitneħħa u dan isir skond ir-riżorsi li jkunu disponibbli.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru tal-Finanzi għall-mistoqsija parlamentari numru 14598, jista' l-Prim Ministru jgħid ta' liema ministeri huma dawk is-Segretarji Permamenti li taw struzzjonijiet biex l-internal auditors jagħmlu spezzjonijiet fuq l-attendenza? Jista' jgħidilna wkoll, f'kull każ, jekk dawn talbux il-permess ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Spezzjonijiet fuq l-attendenza isiru kull fejn u kull meta jkun hemm bżonn. Segretarju Permanenti m'għandux bżonn permess ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta fid-diskrezzjoni tiegħu jidhirlu li għandu jqabbad l-Internal Auditor jagħmel spezzjonijiet fuq l-attendenza.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux vera li l-Universita' tat kuntratt lill-Koperattiva University Coperative Book Shop Society Limited magħrufa aħhar bħala Book Shop, u dan bil-fakulta' li topera żewġ t'ħwienet fl-Universita' u fil-Junior College, Msida meta skond l-informazzjoni li għandi din il-koperattiva hija f'pożizzjoni ta' djun kbar li jlaħħqu iktar minn Lm200,000, u meta l-konsiderazzjoni min-naħa ta' l-Universita' għal dan il-kuntratt li lanqas biss ħareġ tender huwa nil?
Jaf il-Ministru li s-sitwazzjoni ħa;ina ta' din il-koperattiva, hija hekk rikorrenti għal dawn l-aħħar erba' snin u x'inhi r-raġuni li din il-koperattiva baqgħet għaddejja meta hemm dawn id-djun kbar?
Jaf il-Ministru li din il-koperattiva, kellha outlet fil-Junior College meta qatt ma ħareġ tender għal dan fil-Junior College?
Jaf ukoll il-Ministru li l-post li kienu qegħdin joperaw fl-Universita' li l-ħlas dovut lill-istess Kunsill ta' l-Istudenti li għandhom administrative rights fuq il-post, ma kenux wkoll qed jiġu onorati u għadhom sal-lum bla ħlas u l-istess kuntratt riċenti li sar lanqas biss daħlu listess KSU fil-kuntratt in kwestjoni u jafx allura l-Ministru li dawn diġa' ingidmu mal-Lm14,000 fid-drittijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Billi għad m'għandniex staff list aġġornata ta' l-impjegati tal-gvern, jista' l-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm diretturi skala 3, diretturi skala 4, diretturi skala 5, assistenti diretturi, uffiċjali fi skala 5, senior principals u principals, skond l-iskala tagħhom fis-Servizz Ġenerali tal-gvern? Jista' jgħid ukoll f'liema gradi hemm iżjed mill-complement, u f'liema inqas?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-complement fil-gradi jew skali kif qed jitlob l-Onorevoli Nterpellant.
Il-complements jinbidlu kontinwament skond l-esigenzi tas-Servizz u għalhekk mhux possibbli tingħata tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija.
Billi għad m'għandniex staff list aġġornata ta' l-impjegati tal-gvern, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent assistenti prinċipali, uffiċjali eżekuttivi u skrivani (clerks) fis-Servizz Ġenerali tal-gvern skond kull grad? Jista' jgħid ukoll f'liema gradi hemm iżjed mill-complement, u f'liema inqas?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fil-preżent, fis-Servizz Pubbliku, hemm 531 Assistenti Prinċipali, 537 Uffiċjali Eżekuttivi u 1763 Skrivani.
Il-complements jinbidlu kontinwament skond l-esigenzi tas-Servizz u għalhekk mhux possibbli tingħata tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw promozzjonijiet matul is-sena 1999, grad grad, fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tagħha, dipartiment b'dipartiment?
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm impjegati fid-dipartimenti taħt ir-responsabbilta' tagħha, dipartiment b'dipartiment, li kienu qegħdin jittieħdu proċeduri kriminali kontrihom fil-qrati ta' Malta u Għawdex matul is-sena 1999?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li b'kollox hemm 18-il impjegat li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex li kienu qegħdin jittieħdu proċeduri kriminali kontrihom matul is-sena 1999. 7 minn dawn huma mpjegati tad-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp filwaqt li l-11 l-oħra huma mpjegati tad-Dipartiment tal-Customer Services.
Tikkonferma l-Ministru li fl-uffiċċju ta' l-anzjani f'Għawdex dan l-aħħar kien hemm ħafna skartar u li hemm min jidħol regolarment tard bla permess ta' ħadd? X'passi se tieħu biex dawn l-abbużi jinqatgħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma jirriżultax li hemm l-irregolaritajiet li qed isemmi l-onor interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma u liema huma dawk id-dipartimenti tal-gvern li jħaddmu s-sistema ta' l-internal audit? X'allowance qiegħed jingħata l-internal auditor f'kull każ? Liema minn dawn l-internal auditors jagħmlu wkoll spezzjonijiet dwar l-attendenza ta' l-impjegati fuq ix-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil bidu ta` din is-sena kien hemm sittax `internal auditors` u dawn kienu qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fi tnax-il Ministeru. Peress li fi Frar li għadda sitta minn dawn ġew promossi Assistent Diretturi, n-numru ta` `internal auditors` naqas għal għaxra u dawn qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom f`dawn it-tmien Ministeri:
Il-Ministeru tal-Finanzi
L-Uffiċju tal-Prim Ministru
Il-Ministeru tas-Servizzi Soċjali
Il-Ministeru ta` l-Edukazzjoni
Il-Ministeru tas-Saħħa
Il-Ministeru ta` l-Agrikoltura u Sajd
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali
Il-Ministeru ta` Għawdex
L` Allowance li qegħda tingħata lill kull internal auditor hija ta` sitt mitt lira (Lm 600) fis-sena.
L-ispezzjonijiet regolari ta` l-attendenza ta` l-impjegati mhix parti mix-xogħol ta` `l-internal auditors`. Pero jista` jagħti l-każ li fuq struzjonijiet tal-Permanent Secretary dawn jagħmlu spezzjonijiet fuq l-attendenza.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kumitati u/jew bordijiet governattivi li fihom il-membri jitħallsu onorarja? Jista' jgħid f'kull każ kemm huwa l-ħlas ta' l-onorarja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' kumitati u/jew bordijiet governattivi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li l-membri tagħhom jitħallsu onorarja.
Rigward bordijiet u kumitati oħra nistieden lill-Onorevoli Nterpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamenti numru 14096, tista' l-Ministru tgħid kemm għad fadal, fid-dipartimenti li jaqgħtu taħt ir-responsabbilta' tagħha, talbiet għall-accumulation of leave li għadhom ma ntlaqgħux? Tista' tgħid min ta' l-ordni għal xi proċeduri ġodda dwar talbiet bħal dawn ladarba l-Prim Ministru qal li ma kien hemm ebda policy ġdida dwar l-accumulation of leave?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.
Għar-rigward it-tieni parti, jiena nfurmata li s-Segretarju Permanenti ta struzzjonijiet lid-Diretturi biex meta jkollhom talbiet għal akkumulazzjoni ta' Vacation Leave mill-impjegati tagħhom jieħdu in konsiderazzjoni:
i) in-numru ta' jiem li l-applikanti jkunu ħadu bħala leave għal mard matul is-sena li tagħha ikunu qed jitolbu li jfaddlu l-vacation leave; u
ii) każijiet meta l-applikanti ma jkunux nstabu d-dar meta t-tabib imqabbad mill-Ministeru jkun mar jżurhom għall-verifika tal-mard tagħhom.
Jiena nfurmata li s-Segretarju Permanenti ħareġ dawn l-istruzzjoni wara li rriżultawlu każijiet fejn impjegati kienu qed jitolbu li jfaddlu l-vacation leave meta
a) kienu ħadu ġimħat sħaħ ta' leave tal-mard fejn il-ġenwinita' tiegħu kienet serjament dubbjuża jew
b) għal aktar minn darba ma kinux nstabu d-dar meta t-tabib mar jżurhom biex jivverifika l-mard tagħhom.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14093, tista' l-Ministru tgħidilna kemm hu l-ammont totali pendenti ta' ħlasijiet li għad baqa' jsiru in konnessjoni maċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju? Tista' tgħidilna kemm hu l-kont pendenti li jenħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-finanzi? Kemm ilu pendenti u għaliex din l-awtorizzazzjoni ma nġabitx minn qabel skond ir-regolamenti finanzjarji?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ammont totali ta' ħlasijiet pendenti in konnessjoni maċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju f'Għawdex huma ta' Lm33,628. Il-kont li jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-Finanzi huwa ta' Lm3,000 u jirregwardja l-miġja ta' Orkestra mill-Italja għaċ-Ċelebrazzjonijiet ta ' l-Anniversarju ta' Malta Repubblika li din is-sena kienu ikbar mis-soltu għax kien il-25 Anniversarju u l-aħħar wieħed tat-tieni millennju. Il-kont ilu pendenti mit-13 ta' Diċembru.
Ministeru għal Għawdex — Kumitati/bordijiet governattivi
Question
Tista' l-Ministru tgħidilna għal liema kumitati u bordijiet governattivi l-Ministeru għal Għawdex ikun mitlub biex jinnomina r-rappreżentant jew rappreżentanti tiegħu? Tista' tgħidilna jekk hemmx kumitati u bordijiet fejn il-Ministeru għal Għawdex naqas li jagħmel in-nomini tiegħu? Jekk fl-affermattiv, għaliex ġara dan u għal liema kumitati u bordijiet baqa' ma ġiex nominat rappreżentant?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Naħseb li l-onor interpellant japprezza li l-Ministeru għal Għawdex huwa rappreżentat fil-Kabinett, l-ogħla livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u fejn, nista' nassigura lill-onor interpellant, l-interessi ta' Għawdex huma dejjem imħarsa kif jixraq.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista kompluta tad-diretturi u aġenti diretturi, skond il-grad tagħhom, li kienu responsabbli minn xi dipartiment fl-1998? Jista' jgħidilna kemm minn dawn id-diretturi, skond il-grad, ma ssottomettewx rapport biex jiġi ppubblikat fl-"Annual reports of Government departments" li ġie ppubblikat dan l-aħħar? Għaliex ġara dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawk l-uffiċjali li kienu jokkupaw il-kariga ta' Direttur fl-aħħar tas-sena 1998. Din il-lista tinkludi postijiet li kienu vakanti f'Diċembru 1998 u li kienu temporanjament okkupati minn Agenti Diretturi li l-ħatra tagħhom dehret fil-Gazzetta tal-Gvern.
Fil-pubblikazzjoni Annual Reports of Government Departments, normalment jiġu nklużi rapporti ta' dipartimenti li jipprovdu servizzi għall-pubbliku jew għal dipartimenti oħra tal-Gvern. Kif jidher mill-indiċi tal-ħarġa ta' l-1998 ta' din il-pubblikazzjoni, dawk id-dipartimenti li joffru servizzi speċifiċi, li minnhom hemm il fuq minn sittin wieħed, kollha ssottomettew rapport dwar l-attivitajiet tagħhom.
Jista'l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux veru li applikanti biex jimlew il-post/ijiet ta' direttur f'Għawdex u anke f'Malta kienu se jitħallew barra u ma jibgħatux għalihom għall-intervista biex b'hekk jinqalgħu barra ħelu, ħelu? Jista'jikkonferma li mbagħad bagħtu għalihom wara li ntervjena hu stess għax irċieva xi rapport? Jista' l-Prim Ministru jiggarantixxi li mil-lum 'il quddiem kull applikant eliġibbli għall-intervista biex jimtela post vakanti ta' direttur jibgħatu għalih u hekk ma jkun hemm ħadd li jiddeċiedi minn qabel li għandu jinqala' barra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mhux kull min japplika għal post ta' Direttur jissejjah għhal intervista. Madanakollu l-fatt li applikant ma jissejjaħx għal intervista ma jfissirx li dan ikun tħalla barra minn konsiderazzjoni għall-post li jkun applika għalih.
Is-Senior Appointments Advisory Committee jagħmel short listing ta' l-applikanti u, fejn jinħass neċessarju, issir intervista.
Mhux minnu li jiena ntervenejt kif hemm fit-tieni mistoqsija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhija l-proċedura preżenti biex jinħatru s-segretarji permanenti? Jista' jgħid ukoll jekk il-kap taċ-Ċivil li jmiss isir hux se jinħatar bl-anzjanita' jew inkella xorta oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-Segretarji Permanenti inkluż il-Kap taċ-Ċivil isiru skond il-provvedimenti tal-Kostituzzjoni ta' Malta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru emendi għall-Estacode matul is-sena 1999? Liema kienu? Jista' jgħid liema emendi hemm proposti għall-futur immedjat u jekk hux se jsiru diskussjonijiet ma' l-unions qabel ma dawn l-emendi jiġu effetwati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi fl-1999 ma sarux emendi fl-Estacode.
Kull tibdil li jsir fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati tal-Gvern isir permezz ta' ċirkolarijiet uffiċjali li wara jiġu nkorporati fl-Estacode.
Hija l-prattika li jsiru diskussjonijiet ma l-Unions qabel ma jkunu se jiġu introdotti xi bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati tal-Gvern.