B'riferenza CT 84 rigward it-tender li ħarġet fuq xerographic paper, peress li għandi informazzjoni li l-kumitat tal-kuntratti bagħat għall-orħos offerta u għal xi raġuni tawh ċans 10 ijiem sabiex jikkjarifika xi affarijiet mad-dipartiment jew inkella sabiex jagħti risposta lid-dipartiment jekk hux f'pożizzjoni li jieħu din it-tender, jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċedura tinħassx li hija normali peress li issa diġa' nkixfu l-prezzijiet ta' dan il-kuntrattur u jista' jagħmel pressure fuq suppliers barranin sabiex jingħata l-prezz li kkwota hu ħalli jkun jista' jiggarantixxi ruħu għat-tender?
Il-Ministru jara li din il-proċedura hija ġusta fiċ-ċirkostanzi, speċjalment għal oħrajn li kkwotaw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta` l-adjudikazzjoni għadu għaddej u mhux opportun ngħati nformazzjoni f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma meta tħallsu l-ammont ta' Lm600 għal 1000 siegħa overtime li ħadem il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament u li jaħdem fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet, għal perjodu bejn l-1987 u Ottubru tas-sena 1989 kif indikat fir-rapport li għamel l-Ombudsman Case No. 302, meta fil-fatt jien informat li dawn sal-lum għadhom ma tħallsux lill-persuna indikata?
Jista' allura l-Ministru jara li dan il-ħlas iseħħ malajr biex ma tibqax tiġi mġedda din l-inġustizzja?
Il-Ministru ma jarax li każijiet bħal dawn meta għandek rakkmandazzjonijiet mill-Ombudsman, l-gvern għandu jara li japplika dawk ir-rakkmandazzjonijiet minnufih?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet s'issa m'għandhix approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi sabiex tħallas dawn is-Lm600. lill-persuna konċernata.
Peress li l-Ombudsman informa lill-persuna konċernata li l-Ministeru tal-Finanzi kienu approvaw dan il-ħlas, id-Dipartiment tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni talab lill-Ministeru tal-Finanzi għal kjarifika.
Ta' min jgħid li l-Ministeru tal-Finanzi kien approva l-ħlas ta' Lm1346.634 għal xi overtime li kien sar fl-1989 u fl-1991 u dan tħallas fl-aħħar ta' l-1995.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed tingħata informazzjoni lill-pubbliku in ġenerali dwar min hija l-kumpannija li biha jkunu kkuntrattaw għas-servizz tal-gwardjani lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-isem tal-Kumpanija fejn ikun impjegat il-Gwardjan Lokali jidher fuq l-uniformi li dawn ikunu libsin waqt il-qadi tad-doveri tagħhom. Għaldaqstant ma nafx għaliex l-Onorevoli Interpellant wasal għall-konklużjoni li semma fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex il-fatt li l-provvedimenti leġislattivi għal dawk li huma kontroll tal-finanzi pubbliċi, jiġu riveduti meta l-aħħar li saru u ġew imposti fuqna kien fl-1962, meta konna għadna kolonja?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin saru emendi sostanzjali kemm fil-Financial Administration & Audit Act, 1962 kif ukoll fil-Financial Regulations, 1966, li jirrigwardjaw il-kontroll tal-finanzi pubbliċi. Fost dawn l-emendi wieħed jista` jsemmi d-dħul fis-seħħ ta` l-Att dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Verifika Nazzjonali, fejn ġew emendati diversi artikoli fil-Liġi ta` l-1962, kif ukoll ir-Regolamenti ta` l-1966, dwar Xiri Pubbliku ta` Provvisti u Servizzi, li emendaw ir-Regolamenti ta` l-1966.
Bħalissa, wkoll, il-Ministeru tal-Finanzi qed jagħmel review kompleta ta` l-Att tar-Regolamenti msemmija biex ikompli jaġġornhom.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem f'Għawdex li jirċievu għotja ta' flus mingħand il-gvern? Tista' tgħid jekk hemmx xi ħsieb li din l-għotja tiżdied biex tkun tirrifletti ż-żmenijiet tal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem f'Għawdex li jirċievu għotja ta' flus mingħand il-Ministeru għal Għawdex huma dawk li jinżammu fil-festi ta' Santa Marija u ta' Santa Margerita. Ma hemmx il-ħsieb li din l-għotja tiżdied.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'rimedji effettivi hemm meta persuna fiċ-Ċivil, li qiegħda b'kuntratt, tingħata performance rating li qed jiġi kontestat minnha u din ma tistax tmur quddiem il-PSC?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li dawk l-uffiċjali li jkunu qegħdin fuq kuntratt marbut ma performance għandhom meżżi stabbiliti fil-kuntratt stess kif jistgħu jikkontestaw performance rating. Jekk issir xi talba f'dan is-sens u l-kontestazzjoni ta' l-uffiċjal ikkonċernat tinstab ġustifikata dan jingħata r-rimedju li jkun xieraq.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir l-esproprjazzjoni meħtieġa u x-xogħol fi Triq Dun Salv Zarb, Għargħur, biex din it-triq finalment tiġi formata bit-tarmac jew bil-bitmac biex ir-residenti jibdew igawdu d-dritt, bħal residenti oħrajn fil-qrib li jgawdu t-triq tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed jittieħdu passi mid-Dipartiment biex art li mhiex żvilupabbli u li qegħda tinblokka l-ftuħ tat-triq tkun tista` tinxtara mingħand is-sidien tagħha.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux vera li l-Universita' tat kuntratt lill-Koperattiva University Coperative Book Shop Society Limited magħrufa aħhar bħala Book Shop, u dan bil-fakulta' li topera żewġ t'ħwienet fl-Universita' u fil-Junior College, Msida meta skond l-informazzjoni li għandi din il-koperattiva hija f'pożizzjoni ta' djun kbar li jlaħħqu iktar minn Lm200,000, u meta l-konsiderazzjoni min-naħa ta' l-Universita' għal dan il-kuntratt li lanqas biss ħareġ tender huwa nil?
Jaf il-Ministru li s-sitwazzjoni ħa;ina ta' din il-koperattiva, hija hekk rikorrenti għal dawn l-aħħar erba' snin u x'inhi r-raġuni li din il-koperattiva baqgħet għaddejja meta hemm dawn id-djun kbar?
Jaf il-Ministru li din il-koperattiva, kellha outlet fil-Junior College meta qatt ma ħareġ tender għal dan fil-Junior College?
Jaf ukoll il-Ministru li l-post li kienu qegħdin joperaw fl-Universita' li l-ħlas dovut lill-istess Kunsill ta' l-Istudenti li għandhom administrative rights fuq il-post, ma kenux wkoll qed jiġu onorati u għadhom sal-lum bla ħlas u l-istess kuntratt riċenti li sar lanqas biss daħlu listess KSU fil-kuntratt in kwestjoni u jafx allura l-Ministru li dawn diġa' ingidmu mal-Lm14,000 fid-drittijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-University Bookshop ma jappartenix lill-Universita` imma hu koperattiva. Il-Kooperattiva tal-kotba hi entita` awtonoma mill-Universita` ta' Malta. Il-ftehim li ġie ffirmat reċentement bejn il-Kooperattiva u l-Universita` ftehim li ġa' kien jeżisti sa minn meta twaqqfet il-Kooperattiva fl-1992. Dan il-ftehim li għadu kif ġie ffirmat jippermetti li l-Kooperattiva tidħol f'arranġament ma' terzi persuni dwar l-amministrazzjoni tan-negozju tagħha.
Il-kuntratt ma ngħatax mill-Universita`. L-għoti ta' dan il-kuntratt ġie tutelat mill-President tal-Bord tal-Koperattivi kif ukoll mill-Universita`. Il-Kooperattiva għadha kemm iffinalizzat ftehim ma' entita` kummerċjali li topera fil-kotba wara sejħa għall-offerti li saret fid-29 ta' Lulju ta' l-1999. L-offerti ġew kollha kemm huma eżaminati mil-Laqgħa Ġenerali ta' l-istess Kooperattiva.
Il-Bord tal-Kooperattivi għandha rapport iktar dettaljat fuq dan kollu, inkluż ir-rapporti finanzjarji kollha tal-Kooperattiva kif approvati mill-awditur. Fir-rapporti finanzjarji ma nstabu ebda rregularitajiet. L-Universita` laħqet ftehim mal-koperattiva biex fuq medda ta' żmien jiġu ssaldati d-djun li għandha l-koperattiva.
Rigward il-ftehim mal-KSU, nikkonferma li kien hemm ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-kooperattiva u l-KSU. Permezz tal-ftehim li se tidħol fih il-Kooperattiva ma' terzi persuni, se jiġi assigurat li l-ħlasijiet pendenti ma' l-istess KSU se jiġu onorati, bħal m'huma se jiġu onorati l-ħlasijiet pendenti l-oħra kollha mal-kredituri l-oħrajn tal-Kooperattiva.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru għal Għawdex għall-mistoqsija parlamentari numru 14728, jista' jgħid x'passi se jieħu kontra minn kien responsabbli li għamel dawn l-ispejjeż kollha bla permess bil-quddiem tal-Ministeru tal-Finanzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma jittieħdu xi passi kontra min jagħmel spejjes bla ma l-ewwel jieħu l-permess tal-Ministeru tal-Finanzi, l-ewwel jiġi determinat jekk ikunx hemm ġustifikazzjoni adeguata.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm uffiċjali fil-ministeru li joqogħdu jaħdmu wara l-ħin? Tista' tgħid kemm hemm impjegati mill-minor staff ikunu metħieġa joqogħdu wkoll wara l-ħin jekk jitħallsux overtime jew inkella jieħdu xi allowance? F'kull każ kemm kien il-ħlas ta' kull impjegat kull xahar minn ras għal ras f'dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati fis-Segretarjat Privat huma regolati bid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta 124 fis-16 ta' Ġunju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma li wara li d-Dipartiment tal-Kuntratti ħareġ tenders biex jinxtraw minn kuntrattur l-karti A4 bil-watermark MG, liema proċess għadu għaddej, intefgħet tender minn kuntrattur partikolari li poġġa prezz baxx ħafna li allura jista' jagħti lok għal abbuż?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prezzijiet mitfugħa b`rispons għall-avviż CT 48\2000 `Period Contract for the Supply of Xerographic Paper` ġew ippublikati fin-Notice Board tad-Dipartiment tal-Kuntratti fl-istess jum li għalqu l-offerti jiġifieri 7 ta` Marzu 2000.
Għaldaqstant mhux il-każ li nikkonferma jew le jekk intefax xi prezz baxx għax il-prezzijiet huma ppubblikati, jista` jarahom kullħadd u sta` għal min jarahom jiddeċiedi jekk xi prezz huwiex baxx ħafna jew le.
Inżid ngħid li f`każ bħal dawn mhux il-prezz biss li jgħodd imma l-kwalita` tal-karta li tkun qed tiġi offruta. Ma l-offerta kellhom jintbgħatu kampjuni tal-karta u dawn il-kampjuni jintbgħatu lill-Laboratorju Nazzjonali biex jiġu ttestjati viz-a-viz l-ispeċifikazzjonijiet ta` l-offerta. Ma tiġi aċċettata l-ebda offerta jekk il-kampjun ma jgħaddix mit-test.
Naħseb li jkun tajjeb niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant illi meta jiġi deċiż min se jingħata l-kuntratt u toħroġ il-`Letter of Acceptance` id-Direttur tal-Kuntratti joħroġ ċirkulari lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u l-Korpi Parastatali fejn jinformhom min hu l-kuntrattur, il-prezzijiet aċċettati, il-fatt li l-karta trid tkun `water marked` bill-GM u li kultant żmien kampjuni tal-karti li jinxtraw għandhom jiġu mingħuta għat-`testing` mill-ġdid biex jiġi żgurat li l-karta tkun l-istess kwalita` bħall dik li biha ntrebaħ il-kuntratt.
L-ebda kap ta` Dipartiment ma jista` jixtri karta, f`dan il-każ għall-`photocopy` jekk mhux mingħand il-kuntrattur approvat mill-Gvern u bil-prezz u l-kwalita` aċċettati inkluża l-`watermark`.
Nikkonkludi billi ngħid li prezz għoli ma jfissirx l-eliminazzjoni ta` l-abbuż. L-abbuż jinqered jekk il-kapijiet tad-Dipartimenti u l-Korporazzjonijiet Parastatali jimxu mad-Direttivi li jkun hemm fiċ-ċirkolari msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid hux prudenti li fil-Mosta, l-gwardjani lokali qegħdin jħarrku u joħorġu ċitazzjonijiet lill-vetturi direttament konnessi mas-servizz ta'funeral li jkunu qegħdin ipparkjati faċċata tal-knisja sakemm jinħareġ it-tebut fi triqtu għaċ-ċimiterju? Jista' l-Ministru jara li għandu jkun hemm ftit bon sens u li wieħed fil-ħajja ta' kuljum għandu jkun prattiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta.
Ghaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar testijiet tad-demm fuq il-bhejjem li jipproduċu l-ħalib bħal nagħaġ, baqar u mogħoż fil-Mosta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irziezet kollha li jrabbu l-bhejjem tal-ħalib isirilhom testijiet tad-demm kull sitt xhur. L-aħħar li sar dan l-eżerċizju fuq razzett fil-Mosta kien fid-29 ta' Frar 2000.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-bordijiet/kumitati li huma taħt ir-responsabbilta' tagħha u li l-membri tagħhom jitħallsu onorarja? Kemm hi din l-onorarja? Tista' tagħti l-ismijiet tal-membri kollha f'kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma hemm l-ebda bord/kumitat li jaqa' taht ir-responsabbilta' tal-Ministeru għal Għawdex u li l-membri tiegħu qegħdin jitħallsu onorarja.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru għal Għawdex għall-mistoqsija parlamentari numru 14728, jista' jgħid x'passi se jieħu kontra minn kien responsabbli li għamel dawn l-ispejjeż kollha bla permess bil-quddiem tal-Ministeru tal-Finanzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall-din il-mistoqsija ser tingħata f`xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk issa hijiex f'pożizzjoni li twieġeb għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari numru 14727?
Tista' tgħid ukoll, minn mindu bdiet taħdem l-iskema sal-lum, kemm impjegati nstabu ħatja ta' abbuż mis-sick leave, dipartiment b'dipartiment?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-applikazzjonijiet li d-dipartimenti tal-Ministeru t'Għawdex irċevew għall-akkumulazzjoni tal-vacation leave, hemm 37-il applikazzjoni pendenti. Tlieta minn dawn jikkonċernaw id-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp filwaqt li l-34 l-oħra jikkonċernaw id-Dipartiment tal-Customer Services.
L-Informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk tafx li biex sar ir-Re tal-Karnival ta' Għawdex ta' din is-sena ntuża l-istess materjal tas-sena l-oħra? Tista' tgħid kemm kien hemm ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fuqu u x'kien l-ammont totali tas-sigħat tax-xogħol? Fejn sar ix-xogħol u jekk sar f'post privat kemm tħallas is-sid konċernat? Kemm tħallset sahra (overtime) lill-ħaddiema tal-Gvern matul il-ġranet tal-Karnival? Kemm jiġi sewa b'kollox ir-Re tal-Karnival ta' Għawdex ta' din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li biex inħadem ir-Re tal-Karnival ta' Għawdex ta' din is-sena ntuża xi materjal li huwa propjeta' tal-Kunsill tal-Kultura u li kien intuża s-sena l-oħra. Fuq dan ħadmu żewġ impjegati tat-Taqsima tal-Kultura u tliet impjegati tat-Taqsima tal-Manifattura u Servizzi. Dawn l-impjegati ħadmu fuq ir-Re tal-Karnival mill-14 ta' Frar sat-2 ta' Marzu waqt il-ħinijiet normali tax-xogħol.
Ix-xogħol sar f'garaxx li inkera mingħand il-Koperattiva Agrikola Għawdxija Gozitano Limitata mis-7 ta' Frar sas-6 t'April 2000 għas-somma ta' Lm5 kuljum.
Ma tħallas ebda overtime lill-ħaddiema tal-Gvern matul il-ġranet tal-Karnival.
B'kollox ir-Re tal-Karnival ġie jiswa s-somma ta' Lm514.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux veru li f'Għawdex se jinfetaħ uffiċċju tad-Dipartiment ta' l-Istatistika? F'liema bini se jkun dan l-uffiċċju? Min huma n-nies li hemm proposti biex jaħdmu f'dan l-uffiċċju? Min se jmexxi dan l-uffiċċju u fejn qed jaħdem bħalissa? Fuq liema time-table se jaħdem dan l-uffiċċju ġdid? Tista' tgħid jekk hux veru li hemm ippjanat li min se jkun imexxi dan l-uffiċċju se jkun involut f'safar relatat ma' l-iscreening in konnessjoni ma' l-Unjoni Ewropea?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jinfetaħ Uffiċċju ta' l-Istatistika f'Għawdex. L-impjegati li huma proposti biex jaħdmu f'dan l-uffiċċju huma s-Sur Emanuel Terribile u s-Sur Mario Tabone. Dan l-uffiċċju se jkun akkomodat fiċ-Ċentru Amministrattiv u se jagħmel parti mid-Dipartiment ta' l-Istatistika. Hemm il-ħsieb li dan l-uffiċċju jaħdem fuq bażi ta' sitt ijiem fil-ġimgħa.
Ma nafx li hemm ippjanat li dawn il-persuni li huma maħsuba li se jaħdmu f'dan l-uffiċċju se jkunu involuti f'safar li hu relatat ma' l-iscreening in konnessjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq proġetti ta' restawr fiċ-Ċittaddella? Min hu responsabbli ta' dawn il-ħaddiema? Kemm saru spezzjonjiet fuq dawn il-ħaddiema din is-sena biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm skartar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent hemm żewġ gruppi ta' ħaddiema li jaħdmu fuq restawr taċ-Ċittadella.
Grupp minn dawn huwa magħmul minn tmintax-il ħaddiem taħt ir-responsabilta' tal-Uffiċjal Tekniku tas-Sezzjoni ta' Manutenzjoni u Restawr ta' Bini. Ta' min jgħid li sebgħa minn dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta' restawr u manutenzjoni kemm fiċ-Ċittadella kif ukoll f'siti oħrajn skond il-bżonn.
Il-Grupp l-ieħor jikkonsisti minn tliet ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabilta' tal-uffiċjal inkarigat mill-Construction and Maintenance Unit. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta' restawr fill-foss taċ-Ċittadella.
Matul din is-sena saru żewġ spezzjonijiet f'dawn is-siti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fl-aħħar sena fuq xogħol ta' manutenzjoni, tindif u embellishment fil-playing field f'Ta' Mliet, f'Santa Margerita u f'Taż-Żokrija fil-Mosta?
Jista' jgħid jekk hemmx pjani tal-Gvern Ċentrali jew dak lokali biex tinfetaħ playing field simili fiż-żona tal-Blata l-Għolja fl-istess lokalita'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.