Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz Pubbliku — Skrivani

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il skrivan każwali hemm attwalment mas-servizz ċivili? Kemm-il skrivan tal-post hemm mas-servizz ċivili u kemm hemm skrivani anzjani mas-servizz ċivili? Kemm-il post hemm vakanti għal skrivana mas-servizz ċivili? Kemm-il post hemm vakanti għal uffiċjali eżekuttivi mas-servizz ċivili? Kemm u kif se jimtlew il-postijiet vakanti mas-servizz ċivili, jiġifieri min jimla' l-post fir-rigward ta' dawk li llum huma skrivani anzjani jew skrivani li jaqgħu taħt l-iskrivani anzjani? Kemm u kif se jimtlew il-postijiet vakanti mas-servizz ċivili għal posting ta' skrivan, li fosthom hemm l-iskrivani każwali li jistgħu japplikaw flimkien ma' individwi minn barra ċ-ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku hemm 117 Skrivani Każwali, 1006 Skrivani u 713 Skrivani Anzjani. Il-vaganzi fil-gradi ta’ Skrivan u Uffiċjal Eżekuttiv jiġu determinati skond il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku minn żmien għal żmien. Il-postijiet ta’ Skrivan Anzjan jimtlew permezz ta’ promozzjonijiet li jsiru skond il-provvedimenti tal-Ftehim milqugħ mal-Unions fl-1993 dwar il-Klassifikazzjoni, Assimilazzjoni u Ristrutturar tal-Gradi fis-Servizz Ġenerali wara għaxar snin servizz sodisfaċenti fil-grad ta’ Skrivan. Vaganzi li jinħolqu ta’ Skrivani Kawżali jimtlew skond il-ħtieġa permezz ta’ l-iskema ta’ Sostituti Każwali.

Uffiċċju Konġunt

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12556 tas-seduta 273 tat-30 ta' Mejju 2005, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li mhux il-każ li seħħet l-eviction order bis-serjeta' fil-konfront ta' terzi u dan peress li l-fond indikat reġa' u għadu okkupat mill-istess persuni li suppost fl-istess risposta ta' mistoqsija parlamentari 12556 kienu ġew żgumbrati? Jikkonferma wkoll li għar minn hekk fil-fatt sar saħansitra xogħol strutturali li sa ddaħħal l-eletttriku mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-istess uffiċċju konġunt? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu issa wara dan kollu, u x'se jagħmel fid-dawl ta' dan l-iskandlu fl-apert?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-ordni ta' żgumbrament fil-fatt ġiet esegwita u l-oġġetti kollha li kien hemm fir-razzett ġew imneħħija mill-gvern u l-aċċess għalih ġie magħluq. Il-persuna li ġiet żgumbrata għandha applikazzjoni taħt l-iskema tal-Art Agrikola tal-Gvern biex tiġi rikonoxxuta fil-qbiela tar-razzett u r-raba mdawwar miegħu. L-informazzjoni li ingħatat ma' din l-applikazzjoni għadha qegħda tiġi verifikata. L-Uffiċċju Konġunt ma kellu l-ebda ħjiel jew sehem fid-deċiżjoni ta' l-Enemalta li iddaħħal l-elettriku fil-fond in kwestjoni.

Taxi driver

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24913 li tagħha l-Ministru wieġeb hekk: "Ninsab informat li t-tag ta' dan it-taxi driver ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-qorti fejn qed jinstema l-każ abbażi tar-regolament 131 (6) ta' l-MVR Liġi Sussidjarja 65.11. Fir-rigward tad-dewmien sabiex jinstama l-każ, jien informat li dan ma jaqax taħt il-kompetenza ta' l-awtorita' dwar it-trasport", jarax il-Ministru li qegħda tintuża two weights two measures meta f'każ ieħor ferm agħar minn dan it-taxi driver u nalludi għall-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jsuq taxi wkoll li dan għalkemm hemm allegazzjoni ta' każ ta' sokor waqt il-qadi ta' dmirijietu, ħalla n-nies l-art l-Imdina, meta suppost kien tour magħhom ta' sagħtejn u saħansitra ġġieled ma tnejn ta' l-awtorita' u xorta waħda wara ħamest ijiem sospensjoni, ingħata lura t-tag. Għaldaqstant jarax il-Ministru li dan huwa abbuż meta ġie preferut minn persuna li ssemma fil-mistoqsija parlamentari 24913 li dan ċertament għandu każ ferm inqas serju minn din l-istess persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'se tkun issa l-pożizzjoni ta' l-awtorita' dwar it-trasport?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Naxxar — Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li fi 21st September Avenue, Naxxar ikun hemm zebra crossing fejn il-MUSEUM? Jara li din hija ħtieġa urġenti għas-salvagwardja tat-tfal li jattendu ċ-ċentru tal-MUSEUM?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku rriżulta li m’hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali sabiex issir Zebra Crossing fi Vjal 21 ta’ Settembru. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima rriżulta li hemm Zebra Crossing fi Vjal 21 ta’ Settembru biswit k/m Triq Zenqa.

Qorti tal-Familja — Applikazzjonijiet għall-medjazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tagħrif dwar kemm saru applikazzjonijiet għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja mill-2004 sal-lum? Kemm saru medjazzjonijiet fiċ-ċentru tal-medjazzjoni mill-2004 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ applikazzjonijiet għal medjazzjoni li daħlu fil-Qorti ta’ Malta mill-2004 sas-16 t’April 2007, kemm bħala ittri kif ukoll bħala noti, huma kif indikat fit-tabella hawn taħt: SenaIttriNoti 20041,034459 2005878446 2006969353 2007*26895 *sas-16 ta’ April. Rigward il-Qorti ta’ Għawdex, ninsab infurmat kif ġej:- SenaNumru ta’ applikazzjoniijiet (rikorsi/noti/ittri) 200496 200593 200692 200718 Irid jingħad li sas-17 ta’ April, dan it-tip ta’ proċeduri ma jikkonċernawx biss talbiet għal separazzjoni personali iżda jinkludu wkoll kull tip ta’ eventwalita’ komtemplata fl-Avviżi Legali numri 396/2003 u 397/2003. Infurmat ukoll illi sal-lum kienu reġistrati għaxar (10) każi ta’ medjazzjoni fiċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta.

Taxi driver — Liċenzja sospiża

Question

Jista' l-Ministru jara kif taxi driver liċenzjat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għadu bil-liċenzja sospiża għal iktar minn sitt xhur u dan wara li l-proċeduri ma ntemmewx fil-konfront tiegħu mhux minħabba nuqqas fil-konfront tiegħu? Jista' jara li dan huwa dewmien irraġonevoli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-tag ta’ dan it-taxi driver ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-Qorti fejn qed jinstema l-każ abażi tar-Regolament 131(6) ta’ l-MVR Liġi Sussidjarja 65.11. Fir-rigward tad-dewmien sabiex jinstama l-każ, jien infurmat li dan ma jaqax taħt il-kompetenza ta’ l-Awtorita' tat-Trasport ta’ Malta.

Servizz ta' l-ilma sospiż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jingħata s-servizz ta' l-ilma li hu sospiż lil persuna mir-Rabat, li ismu qed jintbagħat separatament? Jarax li umanament hija inġusta li din il-familja ilha mingħajr dan is-servizz għal ħames snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mosta — Substation

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ttieħdet deċiżjoni li se ssir substation f'garage ta' karozza waħda fi triq privata f'College Street, Mosta meta ħajt ma' l-istess garaxx fejn se ssir substation, joqogħdu n-nies u hemm saħansitra kmamar tas-sodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-każ ġie riferit lill-Ombudsman, jidhirli li mhux għaqli nirrispondi f'dan l-istadju.

Forzi Armata — Staff sergeant

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' dawk il-membri fl-Armata li għalqu l-55 sena li jibqgħu sa wara dan il-perjodu għall-estenzjoni ta' sena u dan peress li hemm membri fl-Armata inkluż staff sergeant, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għadu sal-lum ma nformah ħadd uffiċjalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċedura fl-Armata rigward dawk li jkunu ser jilħqu l-eta ta’ 55 sena u fuqhom hija li jekk membru ta’ l-Armata jkun jixtieq ikompli fis-servizz wara l-55 sena, ikun irid japplika sa minn tlett xhur qabel ma jkun ser jagħlaq sninu u jitlob li s-servizz tiegħu jiġi estiż għal sena oħra. Ir-regola hija li t-talba ta’ l-individwu tiġi kkunsidrata u jekk din tiġi approvata, l-individwu jkun jista’ jkompli fis-servizz għal sena oħra. Din il-proċedura ser tibqa’ applikabbli sa din is-sena biss, għaliex, skond policy li ser tidħol fis-seħħ mit-8 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, is-servizz ta’ dawk kollha li ser ikunu 55 sena u fuqhom wara t-8 ta’ Jannar 2008, ser jiġi tterminat. Ninforma wkoll l-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni ta’ l-individwu msemmi għadha qed tiġi pproċessata.

Naxxar — Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li ż-zebra crossing li qiegħda preżentement fit-tarf t'isfel tal-bandli f'Labour Avenue, Naxxar titressaq viċin fejn hemm il-mużew u dan fl-interess tas-sigurta' ta' l-istess tfal li jiffrekwentaw dak il-post?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni taż-zebra crossing kif issuġġerit mill-Onorevoli Interpellant kienet studjata mill-N.I.D. u nstabet li ma tissodisfax l-istandards ta' road safety kif ipprattikati mill-Awtorita' dwar it-Trasport. Għalhekk l-Awtorita' hija tal-fehma li ż-zebra crossing għandha tibqa' kif qiegħda bħalissa.

Korriment fuq ix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiem, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separtament, weġġa' fuq ix-xogħol fit-23 ta' Ġunju, 2005 u għadu sal-lum ma ngħatax kopja ta' l-injury form għalkemm kien għamel ir-rikjesta għal dan fis-27 ta' Ottubru 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kopja ta’ l-imsemmija Injury Form inbagħtet lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fit-28 ta’ Ġunju 2005 wara li l-persuna involuta ippreżentat dan ir-rapport fl-24 ta’ Ġunju 2005. Dakinhar stess kopja oħra inbagħtet lid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi skond il-proċedura segwita mill-Environmental Landscapes Consortium (ELC). Fl-10 ta’ Jannar 2007, is-Sur Louis Marsh mill-General Workers Union (GWU), f’isem il-persuna involuta, għamel talba għal dan ir-rapport u kien riferut lid- Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali peress li dan kien investiga r-rapport.

Airport Services Company Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-Airport Services Company Limited hijiex kumpanija parastatali? Jista' jgħid ukoll kif inhu mqassam s-shareholding tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Airport Services Co. Ltd. hija Kumpanija Sussidjarja tal-Air Malta plc. L-Air Malta għandha 249,999 Ordinary Shares ta' Lm1 l-waħda minn share Kapitali tal-Airport Services ta' Lm250,000. Share wieħed ta' Lm1 hu miżmum mill-Holiday Malta Co. Ltd (li hi kompletament sussidjarja ta' l-Air Malta).

MEPA — Tibdil ta' dar f'każin tal-banda

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk id-dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandix permess mill-MEPA biex tinbidel f'każin tal-banda? Hu veru li dan il-permess ġie miċħud b'mod unanimu mid-DCC f'Novembru li għadda iżda jidher li xorta waħda qed isir xogħol fid-dar biex tinbidel f'każin tal-banda u dan fil-preżenza ta' membri tas-soċjeta' mużikali? Jista' jikkonferma jekk dan ix-xogħol li qed isir mis-soċjeta' mużikali San Girgor fid-dar imsemmija hux qed isir in vista tal-każin li għad irid jinfetaħ minkejja li l-permess ġie miċħud mid-DCC? X'passi se jittieħdu f'dan il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma nħareġ l-ebda permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex id-dar in kwistjoni tinbidel f'każin tal-banda. Fil-fatt, fis-6 ta' Novembru 2006, l-applikazzjoni relatata, PA4171/06, għall-bdil t'użu minn residenza għal soċjetà mużikali, ġiet miċħuda mill-Bord tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp. Minn spezzjoni li saret ma jidhirx li saru xi xogħlijiet li kienu jeħtieġu xi permess.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex sal-lum l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija miżżewġa u tgħix Malta ma' żewġha u ilha hekk miżżewġa mill-1997, għadha sal-lum ma ngħatatx iċ-ċittadinanza meta dan huwa każ ċar li għandu jingħata mingħajr dewmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kieku dan huwa każ ċar fejn għandha tingħata ċ-ċittadinanza mingħajr dewmien, kieku dan diġa' sar mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza. F'dan ir-rigward ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet li jsiru dwar talbiet simili għadhom għaddejjin u deċiżjoni dwar din it-talba tittieħed meta dawn l-investigazzjonijiet jintemmu.

Belt Valletta — Kamra rekwiżizzjonata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hu l-inkwilin rikonoxxut ta' kamra fil-Belt Valletta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija rekwiżizzjonata?

Response (BORG, TONIO)

Proprjeta' rekwiżizzjonata m'hiex amministrata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Servizzi ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jingħata mill-aktar fis s-servizz ta' l-ilma lil familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha mingħajr s-servizz ta' l-ilma għal dawn l-aħħar sentejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma tistax tinvestiga l-każ jekk ma jkollhiex iktar dettalji bħal isem ta' l-applikant, numru tat-telefon, numru ta' l-applikazzjoni jew indirizz komplut.

Marsaxlokk — Ponta tal-Qrajten

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-art li hemm fil-Ponta tal-Qrajten f'Marsaxlokk mikrija lill-Marsaxlokk Sailing Club (tenant no. 73206) m'hix qed tiġi offerta d-dritt tar-right of first refusal lill-inkwilin li preżentament qed jokkupa u dan kif pattwit mid-dipartiment ta' l-artijiet u l-inkwilin fil-kuntratt oriġinali tal-kera? Jikkonfermax ukoll li hemm terzi li wrew interess f'din l-art u li l-istess dipartiment beda proċeduri ta' żgumbrament lill-inkwilin preżenti sabiex l-art tingħata lil dawn it-terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkwilin li kellu l-kirja tal-fond kummerċjali msemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie żgumbrat mill-fond b'ordni tal-Kummissarju ta' l-Artijiet maħruġa fit-23 ta' Mejju 2006 skond l-Att Nru. 228 tal-Liġijiet ta' Malta. Dan kellu jsir peress li l-inkwilin baqa' dejjem ma ħallasx il-kera u l-arretrati li jammontaw għal aktar minn Lm82,000, għalkemm sar minn kollox biex din il-kera tiġi miġbura. Ser issir sejħa għall-offerti mill-ġdid ta' dan il-fond. Jekk xi ħadd mill-offerenti jitlob ir-right of first refusal din tiġi kkunsidrata wara li jagħlqu l-offerti skond il-Policy tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern.

Mosta — Substation

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ttieħdet deċiżjoni li se ssir substation f'garage ta' karozza waħda fi triq privata f'College Street, Mosta meta ħajt ma' l-istess garaxx fejn se ssir substation, joqogħdu n-nies u hemm saħansitra kmamar tas-sodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.