Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li isimha qed jintbagħtu separatament li qed fid-djar tax-xjuħ fil-Mosta, ma hux qed jirċievi l-kontribuzjoni tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata biċ-ċirkustanzi tal-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu isir biex ma ssirx traġedja fit-triq li tagħti mix-Xemxija għall-Mellieħa, eżatt fuq il-Mina tal-Mistra meta hemm visibilment qedha dejjem tinżel it-triq bil-biża li tisfronda f'daqqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed jibda jintroduċi sistemi biex il-pontijiet kollha tal-pajjiż ikunu mmoniterjati biex ikunu jistgħu jinżammu fi stat tajjeb.
Id-Direttorat bħalissa qiegħed jipprepara sejħa għal offerti sabiex erba' pontijiet primarji jiġu spezzjonati u jsiru rakkomandazzjonijiet għax-xogħol ta' manutenzjoni li jinħtieġu, u dan il-pont huwa wieħed minn dawk li ser ikunu f'din it-tender.
Jista' l-Ministru jgħid x'aggustament fil-pensjoni għandu bi dritt l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament isir fil-konfront tagħha, jekk hu l-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna msemmija dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li ħadu l-pensjoni mill-USA u li ma kienux USA Citizens, qegħdin jħalsu 30% taxxa mill-pensjoni meta dawn qegħdin jirċievu pensjoni hekk imnaqsa f'pajjiżna, Malta? Jista' jgħid jekk kienx hemm ftehim ad hoc snin ilu fejn kellha tiġi evitata taxxa imposta bħal din li tattakka l-istess pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw il-persuni li preżentament qegħdin jaħdmu fl-arkivji tal-qorti f'Malta wara li spiċċa minn hemm il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li kellu esperjenza vasta u kien jgħin lil kullħadd u li ma nagħtax il-promozzjoni tiegħu li kien ġustament jixraqlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt ta' xogħol għandu ic-Chief Executive tal-Malta Maritime Authority u jekk dan hux wieħed definittiv jew indefinittiv għal wieħed indefenittiv u min ta' din l-ordni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kuntratt li għandu ċ-Chief Executive ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta sar wieħed indefinit b'seħħ minn Marzu 1996 wara li skada l-kuntratt definit ta' tlett snin li kien sar f'Marzu 1993.
Jista' l-Ministru jgħid sallum x'sar mit-taħdidiet u xi ftehim hemm jekk hemm barra dan l-ftehim li hawn anness mal-ħaddiema tal-Maltapost, ma l-istess Assoċjazzjoni Ħaddiema Postali fiċ-ċivil, aktar u aktar wara l-bejgħ ta' aktar minn 30% ta' l-ishma lill-kumpanija barranija fi New Zealand?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-ftehim imsemmi jikkonċerna ħaddiema li llum huma mpjegati mas-Servizz Pubbliku fuq bażi full-time. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru responsabbli mis-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha l-applikazzjoni għal post ta' surgeon/orthopaedic post fid-dipartiment tas-saħħa li kien hemm min kien kwalifikat u applika u baqa ma nstema xejn fuqha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb d-domanda parlamentari nru. 31016 tas-seduta 685 datata 28/01/02 u cioe jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b'mod separat, ex surġent maġġur fil-pulizija, u li irtira mis-servizz fil-Korp tal-pulizija fl-1978 b'pensjoni ta' Lm78.25 cents fix-xahar, u li baqa jħallas l-bollol (sigurta soċjali) sal-61 sena u li kull ma qed jieħu żieda hija dik biss ta' l-għoli tal-ħajja meta ħaddieħor bħalu u saħansitra ma baqax iħallas l-bolol sal-61, ħa ħafna aktar żiediet fil-pensjoni tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu kariġi l-Avukat Ġenerali f'Kummissjonijet u Bordijiet u kemm f'kull waħda minnhom jitħallas tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Avukat Generali għandu kariga fis-segwenti bordijiet:
Membru tal-Kunsill ta` l-Universita`;
Membru tal-Kunsill tal-Fondazzjoni tal-Kon-Kattedral ta` San Gwann;
Membru tal-Kummissjoni għar-Refora tal-Welfare;
Membru tal-Maritime Jurisdiction Committee;
Membru tal-Bord taċ-Centru Malti dwar l-Arbitraġġ (ex uffiċio);
Membru (ex-uffiċio) tal-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja;
Membru (ex-uffiċio) tal-Kunsill tas-Saħħa;
(sa` Diċembru 2001) Membru tan-Nominations Committee taħt l-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika;
Membru ta` diversi Government Negotiating Group fuq diversi kuntratti ta` zvilupp (eg. Connections Projects,Cottonera, Manoel Island - Tigne`, Seaport Terminal);
Membru tar-Rule making Board taħt il-Kap. 9 u 12 tal-liġijiet ta' Malta;
Dawn il-Karigi kollha ħlief il-Bord taċ-Centru Malti dwar l-Arbitraġġ huma onorarji u fuqhom l-Avukat Generali ma jitħallas ebda ororarju jew għall-spejjes - fir-rigward taċ-Centru Malti dwar l-Arbitraġġ jitħallas is-somma Gross ta` LM3660 fis-sena - liema somma hi soġġetta għat-taxxa fuq l-Income. L-Avukat Generali jservi ukoll fuq diversi kumitati u borijiet ad hoc kif jinqala l-bzonn ukoll bla ħlas addizzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid meta sejjer jsir l-street lightning fi Triq il-Kampanjol, Magħtab fil-limits tal-Għargħur?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Kif kelli okkażjoni ngħid diversi drabi meta weġibt mistoqsijiet dwar din il-materja, minħabba diversi fatturi, mhux possibbli li tingħata data meta x-xogħol mitlub isir.
Jista' l-Ministru jgħid min huma id-debituri tal-Air Malta lokali li ilhom ma jonoraw il-ħlasijiet lil din il-kumpanija għall-aktar minn sena u kemm minnhom jaqbżu l-ammont dovut għall-aktar minn Lm 10,000?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minħabba n-natura kummerċjali tal-mistoqsija ma nħossx li jkun prudenti li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta sejrin isiru x-xogħlijiet meħtieġa biex Triq il-Barjol tkun triq li tista' b'mod bażiku tintuża għan-nies, speċjalment mir-residenti li jgħixu fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Barjol hi waħda minn dawk it-toroq li fihom hu maħsub li jsir ix-xogħol aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b'mod separat, ex surġent maġġur fil-pulizija, u li irtira mis-servizz fil-Korp tal-pulizija fl-1978 b'pensjoni ta' Lm78.25 cents fix-xahar, u li baqa jħallas l-bollol (sigurta soċjali) sal-61 sena u li kull ma qed jieħu żieda hija dik biss ta' l-għoli tal-ħajja meta ħaddieħor bħalu u saħansitra ma baqax iħallas l-bolol sal-61, ħa ħafna aktar żiediet fil-pensjoni tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara b'ċertu urġenza l-każ ta' social housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li applikat għall-post alternattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant għadha kif issottomettiet l-applikazzjoni tagħha fl-14 ta' Jannar 2002. Infurmat ukoll li l-każ, li hu wieħed bħal ħafna oħra ta' sharing accommodation, qed jiġi processat mal-każijiet l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal ċittadinanza Maltija li ilha li applikat mis-26 ta' Ottubru 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li dwarha qiegħed jistaqsi l-Onor. Interpellant kienet ġiet infurmata, b'ittra li ġġib id-data tat-22 ta' Marzu 2001, li minħabba li l-applikazzjoni tagħha kienet saret wara l-15 t'Awissu 1999, ma kienx possibbli, skond id-disposizzjonijiet ta' artikoli 6 u 27(2) ta' l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188), li din l-applikazzjoni tkompli tiġi kkunsidrata. Jista` pero` japplika għal naturalizzazzjoni (u mhux reġistrazzjoni) għal ċittadinanza Maltija.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma li dan l-aħħar fil-Maltacom, Għawdex, ħarġet ċirkolari sabiex il-branch office tar-Rabat u tax-Xewkija jiġu amministrati minn żewġ persuni Maltin li huma kapijiet ta' Dipartimenti fil-Maltacom f'Malta? Jista' wkoll jgħid kif fuq kollox hemm għidut persistenti f'Għawdex kollu, li din l-mossa saret sabiex jingħata ċ-ċans li toħroġ applikazzjonijiet fuq skala 5 jew akbar u dan biex tingħata promozzjoni fl-amministrazzjoni ġewwa Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ċ-ċirkulari li qed issir riferenza għaliha, fil-fatt ħarġet.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ta' min jgħid li l-Ftehim Kollettiv bejn il-Maltacom u l-General Workers' Union jipprovdi l-proċedura li għandha timxi biha l-Kumpanija fl-għoti ta' promozzjonijiet u/jew mili ta' vakanzi, kemm fil-gradi eżistenti kif ukoll f'oħrajn ġodda li jistgħu jinħolqu bi ftehim bejn iż-żewġ naħat. S'issa l-management tal-Maltacom ma kellu ebda laqgħa mal-General Workers' Union dwar dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant peress li ma ġiet identifikata ebda vakanza li trid timtela.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni fit-Trading Licence Office, GHQ, l-Furjana, referenza TL/G/21/01 Sliema Sports Club li diġa kien hemm l-approvazzjoni tal-Planning Authority dwarha PA SDP 14569/01M?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. Ta` min jgħid illi f`dan il-każ kien hemm ukoll dewmien minn naħa ta` l-applikant sabiex jipproduċi xi dokumenti meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara kif tista tittaffa l-problema tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba li d-dipartiment tas-sigurta soċjali tramite uffiċjal, ħa żball u talab li jiġu rifużi ammont li ingħatat lilu bħala għajnuna soċjali fl-ammont ta' Lm 806, li qegħdin jitnaqsu bir-rata ta' Lm 40 fix-xahar, jiġu mnaqssa b'rata inqas peress li huwa prattikament impossibli li dan l-anzjan li jgħix waħdu ikun jista' jkompli jgħix?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna msemmija dwar il-każ tiegħu.