Jista’ l-Ministru jgħid meta sejjer isir u jiġi konkluż ix-xogħol fi Triq il-Fortizza, Mellieħa liema triq ilha hekk mingħajr ma hija iffurmata għal snin sħaħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fi Triq il-Fortizza qed isir bħala parti mill-proġett ta' kostruzjoni fil-lokalita'.
Fl-ewwel parti ta' din it-triq għaddej ix-xogħol fiha biex issir il-formazzjoni tat-triq. Malli din il-fażi tax-xogħol titlesta, il-kuntrattur li tqabbad biex jagħmel l-asfalt ikun jista jagħti l-wiċċ, waqt li x-xogħol ikun qed jitwettaq fuq it-tieni parti.
Naturalment, tajjeb wieħed ifakkar li r-residenti f'dawn l-inħawi ser jingħataw s-servizzi kollha neċessarji bħala riżultat ta' dan ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-inħawi tal-Mellieħa ma kienx hemm is-servizz ta' l-ilma matul il-ġimgħa ta' 22/5/02 sal-ġurnata ta' 25/5/02? Veru li ir-reservoir tal-gvern kien kontaminat bil-presenza ta' annimali mejta fih? Saritx investigazzjoni dwar x'ikkawża dan u x'rimedju sejrin jiġu mwettqa biex jiġu evitati inċidenti simili jekk hu il-każ.
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li nhar il-Ħamis 21 ta' Mejju, kien hemm suspett ta' kontaminazzjoni f'nixxiegħa ta' l-ilma li tferra fil-ġibjun magħruf bħala "Tas-Salib" li jinsab fil-Mellieħa. L-ilma minn din in-nixxiegħa kien ġej imdardar minħabba xi tafal li waqa' fl-ilma. Bħala prekawzjoni, ingħalqet il-provvista ta' l-ilma mill-ġibjun li tbattal u ġie iddisinfettat.
Mhuwiex minnu li fil-ġibjun instabu xi annimali mejta. Saru diversi eżamijiet ta' kampjuni ta' l-ilma, sew min-nixxiegħa kif ukoll mill-ġibjun u nstab li l-kampjuni kollha kienu batterjoloġikament tajbin għax-xorb.
Jista’ l-Ministru konċernat jara li l-każ speċjali tal-minuri li ismu qiegħed jintbagħat separatament, li jbagħti minn spina bifida li joqgħod mal-ġenituri tiegħu ġo familja numeruża, jibda jingħata t-terapija (physioteraphy) fid-dar tiegħu u dan peress li sakemm jnizzluh mill-Mellieħa sa l-isptar San Luqa, jilħaq jgħejja u ma jkunx kapaċi għat-terapija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jara u jgħid x'inhu jżomm milli joħroġ il-permess fuq l-art indikata bl-aħdar fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament meta f'din l-art u viċin tagħha diġa` inbnew postijiet, bħalma hemm indikat fl-ittra li wkoll qed tintbagħat separatament mibgħuta mill-perit fis-26 ta' Ottubru 2001, minħabba li dan huwa każ ta' inġustizzja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-raġunijiet għar-rifjut ta` l-applikazzjoni PA 6455/00 diġa` kienu elenkati u ikkomunikati lill-perit u l-applikant.
Rigward it-talba sabiex din l-art tiġi ikkunsidrata biex tiġi inkluża fl-iskema tal-bini permezz ta` l-ittra datata 26 ta` Ottubru 2001, ninsab infurmat illi din l-ittra qed tiġi indirizzata ma` talbiet oħra simili bħala parti mill-proċess tal-pjan lokali. L-eżitu ta` dawn it-talbiet jagħmel parti mill-pjan lokali illi għad irid jiġi approvat mill-MEPA qabel joħroġ għal konsultazzjoni pubblika.
Jaf il-Ministru li l-permess maħruġ mill-awtorita` ta' l-ippjanar - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - dwar użu ta' premises minn fejn jinbiegħu l-ġelati, inkluż il-produzzjoni tagħhom, se jkun f'idejn nies barranin, dettalji dwarhom qed jintbagħtu wkoll separtament? Dan mhuwiex ta' xkiel għall-ħaddiema self-employed Maltin li diġa` bdew f'kompetizzjoni diretta mal-barranin qabel sew ma Malta jkollha tiffaċċja dan jekk tidħol bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea kif irid il-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuni indikati mill-Onor. Interpellant inħarġilhom work permit biex ikunu jistgħu jaħdmu ma` kumpanija Maltija li x-shareholders tagħha huma persuna Maltija u persuna barranija miżżewġa ma` persuna Maltija (u għalhekk għandha exempt person status li jtiha dritt li toqgħod u taħdem Malta).
Għaldaqstant hija l-kumpanija Maltija li hi responsabbli mit-tmexxija ta` l-istabbiliment li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jghid f'hiex waslet il-proċedura għall-ħrug tal-permess referenza tiegħu qed jingħata separatament u dan in konnessjoni mas-Sliema Sports Club ta' 1st Floor, Fontana Mansions, Bisazza Street, Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija minħabba oġġezzjonijiet tal-ġirien.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-petrol station li qiegħed imsemmi separatament li minħabba li għandu makna li minnha tordna l-petrol u diesel wieqfa u hemm kwistjoni fuqha pendenti, qed jigi wkoll penalizzat mil-profitt tieghu ta' 4mls fuq il-profitt normali tal-bejgħ u 3 mls oħra talli ma kienx qed jagħlaq is-sibt fit-300p.m. u tnaqqis ieħor ta' 7mls talli ġie magħluq bil-pulizija, meta ċertu ħwienet oħra li ma humiex dawk tal-petrol, zdidilhom il-ħin u inkluzi l-Hdud? Jarax li din hija forma lampanti ta' diskriminazzjoni f'dan ir-rigward? Jarax il-Ministru li dan huwa każ serju ta' abbuż mill-Enemalta u li għandu jingħata rimedju immedjata fiċ-ċirkostanzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta trid tara li l-ftehim li għandha mal-G.R.T.U. qiegħed ikun osservat minn kull parti. Min jikser il-parti tal-ftehim ma jistax jippretendi li ma qiegħed jiġri xejn. Jiena nfurmat li sid dan l-istation kull ma jrid jagħmel huwa biss li jikkonforma mal-ftehim, xejn aktar u xejn anqas.
Jarax il-Ministru li wara li ġiet pruvata s-sistema tal-one way fi Triq George Borg Olivier fir-Rabat minn Triq Santa Maria, Rabat, s'issa wieħed jista' jikkonkludi li din ma kinietx suċċess u li qed toħloq skomdu kbir għar-residenti tar-Rabat u li għalhekk għandha terġa' tigi lura mill-ġdid kif kienet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku ma wasalx fl-istess konklużjonijiet li għandu l-Onor. Interpellant. Għalkemm is-sistema preżenti tista' tkun aħjar billi t-traffiku li ġej min-naħa ta' Ħad- Dingli juża Vjal il-Ħaddiem u b'hekk jonqos il-volum tat-traffiku fi Triq Santa Marija, id-Direttorat ma jaqbilx li s-sistema tat-traffiku għandha terġa' tiġi lura kif kienet.
Jista' l-Ministru jgħid f'użu hemm tal-makkinarju goff, trakkijiet u ingenji oħra kbar fi Triq Fidel Zarb, Għargħur u li jekk it-tħaffir f'postijiet hemhekk humiex koperti kollha bil-permessi meħtiega ta' l-awtoritajiet kompetenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Enemalta ingħatat permess mid-Direttorat għat-Toroq sabiex jagħmlu trinek fi Triq Fidel Żarb il-Għargħur.
Hija responsabbilta' ta' l-Enemalta illi tassigura li l-mod li bih ikun qed isir ix-xogħol u li l-inġenji li jintużaw ikunu dawk adattati għaċ-ċirkostanzi tal-lokal.
Għalhekk tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jara kif dan ix-xogħol qiegħed jitlesta biex jekk hemm bżonn jittieħdu l-passi neċessarji ħalli ma jkunx hemm ħsara jew inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jara li l-karozzini li suppost jkunu fuq is-Saqqaja, r-Rabat ikunu hemm u mhux jkunu qegħdin f'postijiet oħra mhux awtorizzati u dan b'detriment għall-lokal stess, turisti u l-poplu fl-area in ġenerali?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant lill-awtoritajiet kompententi.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat mill-aktar fis ix-xogħol ħażin li sar fi Triq Vjal il-Qalbiena Mostin, Mosta fejn il-bankina li saret hemm spiċċat parti minnha ġo nofs id-drive in tad-dar residenzjali li jismha Kawala, propjeta' tal-familja Portelli fl-istess Triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li nvestiga l-każ id-Direttorat għat-Toroq, irriżultalu li meta saru x-xogħlijiet quddiem ir-residenza msemmija, ma deherx li kienu qed jidħlu vetturi f'din id-drive in u għalhekk ma sarux droper curbs.
Il-kuntrattur qed jieħu l-passi biex jirrimedja s-sitwazjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament, irċiviet il-kont tal-ilma u l-elettriku tal-Water Services fl-ammont ta’ Lm 226.59 cents meta dan jirrigwarda semplici flat tal-gvern fejn joqgħodu erba’ minn nies meta s-soltu preċedentament il-kont ikun biss circa Lm 80 kull tlett xhur?
Jista’ l-Minsitru jara li dan l-każ jigi investigat u jingħata r-rimedju meħtieġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir il-verifika relattiva u jekk ikun il-każ jittieħdu l-passi rimedjali.
Jista’ l-Ministru jgħid min ta’ l-ordni biex titwessa t-triq viċin għal Triq J.Quintinos, Buġibba meta ftit qabel l-elezzjonijiet lokali tal-kunsilli lokali ġiet meħuda parti minn għalqa 20 pied wiesgħa w ukoll tul l-għalqa kollha fejn ġew ukoll distrutti ma 56 dwieli f’din l-għalqa, mingħajr ma gie konsultat il-biedwi u wkoll hux vera li wara li sar il-ħajt tat-triq, dan rega’ inqala, ġie replaced b’ieħor u ddaħħal fil-propjeta’ ta’ terzi mingħajr ma kienet għada ħarġet l-espropriazzjoni ta’ din l-propjeta’?
Jista’ l-Minsitru jgħid kemm swit din l-ispiza, jekk tħallasx il-biedwi tad-dwieli distrutti u ta’ l-għalqa li ttieħdet, u jekk ġiex infurmat il-sid ta’ l-għalqa dwar dan it-twessiegħ tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi Triq Annetto Caruana li bi ftehim mas-sidien ta' l-art infetħet għall-wisa' kollha sabiex ikun faċilitat il-passaġġ ta' vetturi miż-żona. Il-bidwi kien ukoll infurmat b'dawn ix-xogħolijiet u d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura spezzjona l-għalqa msemmija u stabilixxa l-ammont ta' kumpens li dan il-bidwi għandu jibgħat.
Jien infurmat ukoll illi wara li ntlaħaq dan il-ftehim il-parti tal-ħajt li kienet inbniet, tneħħiet biex it-triq b'hekk setgħet tinfetaħ mal-linja propja. F'dan il-każ m'hemmx lok ta' esproprijazzjoni. Ix-xogħol f'din it-triq sewa Lm23,377.51. Dan ma jinkludiex il-valur tal-kumpens li jrid jingħata lill-bidwi peress li d-Direttorat għadu ma rċeviex il-kont mill-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid meta sejjer isir is-servizz tad-drenaġġ fi Triq Arthur Borton, l-Mosta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan is-servizz jonqsu l-bini ta' Pumping Station, li l-permess tagħha, jiġifieri ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, huwa mistenni li joħroġ f'qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istaircase ta’ barra fl-entratura ta’ Block F2, Housing Estate, Mosta għadu qatt ma sar u għadu sal lum bil-konkos mingħajr wiċċ lest fuq barra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta u kif qed isir it-tindif fi Triq it-Trinċetta, Mosta u l-madwar?
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirrefri l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita'.
Jista l-Ministru jara għaliex ma hux qed jingħata benefiċċji soċjali bi dritt li lil persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li dan ma għandhux kapital għola min dak li teżentah milli jieħu dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid meta bi ħsiebu jara kif sejjer jigi rranġat il-ħajt tas-sejjiegħ li ilu
mwaqqa snin b'periklu għan-nies li jinsab wieħed fi Triq il-Kurtellaz u l-ieħor fi Triq
il-Mitħna, Mosta? Jarax li f'każijiet simili għandu jkun hu stess li jara min hu sid dawn il-ħitan biex jitwettqu x-xogħolijiet meħtieġa skond l-istess liġijiet kif indikati fil-kap. 10 tal-liġijiet ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant lill-awtoritajiet kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuni li isimhom qiegħed jintbaghat separatament li
joqogħdu flimkien mal-familja tagħhom konsistenti fi tlett itfal ilkoll joqogħdu fil-post li wkoll imsemmi separatament u li għandhom kera ta' LM 60 fis-sena bis-sussidju, issa qiegħdin jintalbu li jħallsu aktar kera fis-sena meta l-missier huwa l-uniku
breadwinner
tal-familja u jaqla medja ta' LM 282 fix-xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-kera sussidjat tal-persuna ndikata kien ilu Lm100 fis-sena minn Lulju 1999. F'Novembru 2001 ġie rivedut għal rata kummerċjali għax il-persuna naqset li tipproduċi d-dokumenti mitluba.
Infurmat ukoll li issa, li ġew prodotti dawn id-dokumenti, l-kera reġa ġie rivedut għal Lm140 fis-sena skond id-dħul ta' din il-persuna u skond il-kuntratt li ffirmat meta ħadet il-post fl-1994.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għamlet ħames snin kors in fila fl-universita` fid-diploma in psychiatric nursing u li għaddiet kull sena u ġiet dikjarat li ma kenitx issodisfat fl-aħħar eżami u cioe` paper 2 għall-award tad-diploma, kif hi biss ma ġietx mgħajjta biex iġġedded il-kuntratt tax-xogħol fejn hija kienet taħdem matul il-kors f'Mount Carmel Hospital meta lil ħaddieħor fl-istess ċirkostanzi bħalha iġġeddidlu l-kuntratt b'sena qabel għamel l-aħħar re-sit ?
Jaqbel il-Ministru li dan il-każ jista' jiġi interpretat bħala wieħed ta' diskriminazzjoni fil-konfront ta' din il-persuna u li għandu jiġi implimentat ir-rimedju minnufih?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-fatti li ġew mgħoddija lili b'ebda mod ma tirriżulta xi diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuna imsemmija li għandha r-rimedji kollha bil-liġi biex tressaq il-każ tagħha.
Informat li l-Universita` ma tidħol f'ebda kuntratt ta' xogħol ma' persuni reġistrati bħala studenti fl-Institute of Health Care. Lista ta' persuni li jkunu temmew b'suċċess il-kors ta' studju tagħhom tintbagħat lid-Dipartiment tas-Saħħa wara t-tmiem ta' kull kors, hekk kif rikjest mill-istess Dipartiment. Isem il-persuna li isimha qed jidher separatament ma kienx inkluż fil-lista ta' studenti li temmew b'suċċess il-kors tagħhom fis-sena 2000.