Jista' l-Ministru jgħid għaliex u għal kemm żmien jekk hu l-każ, il-persuna anzjana li ismha qiegħed jingħata separatament, qed ikollha l-pensjoni tagħha mnaqqsa minn Lm177.804 għall Lm123.93 jiġifieri Lm53 u aktar fix-xahar? Jarax il-Ministru li dan it-tnaqqis huwa wieħed eżaġerat meta tikkumpara dak li effetivament għandha bħala pensjoni. Jarax li dan għandu jiġi rivedut mill-aktar fis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-dħul totali tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, inkluż dak mill-kapital li għandha, hu ta' l-anqas ekwivalenti għar-rata ta' pensjoni ta' l-eta' mhux kontributorja.
Jekk din il-persuna tagħżel li mill-kapital li għandha tħallas il-bilanċ dovut f'daqqa, r-rata tal-pensjoni terġa' tibda titħallas bir-rata sħieħa.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament, peress li għaliex kellha Lm400 żejda fuq l-ammont ta' Lm4000 il-pensjoni tal-mard tagħha qiegħda tiġi mnaqqsa b'ammont li bil-pensjoni li qed tieħu ma tistax tlaħħaq mal-ħajja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ħallset l-ammont dovut kollu fi żmien qasir ħafna u għaldaqstant ma nħossx il-ħtieġa li f'dan l-istadju jsir xi tibdil fir-rata stabbilita tar-rifużjoni.
Jista' l-Ministru jgħid min mid-drivers ta' l-ambulanza għandu u jgawdi l-ispecial licence? Kemm minnhom hemm li m'għandhomx special licence u qiegħdin xorta jsuqu l-ambulanza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ma tinżammx għax ma hemmx ħtieġa ta` liċenzja speċjali biex issuq ambulanza.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi stabbilita l-proċedura li tiġi segwita wara li f'nofs in-nhar u fl-għaxija jitqassam l-ikel għall-anzjani fiċ-ċentru għall-anzjani fil-Mosta, u x'inhu jsir minnu l-ikel żejjed? Jafx jekk hux qed jiġu offrut mill-ġdid l-ikel li jibqa żejjed lill-anzjani residenti jew inkella hux qed jintuża għall-skop ieħor? Hemm xi ħadd fid-dar ta' l-anzjani li jara li jiġu osservati l-proċeduri kif dejjem kienu magħrufa fit-tqassm ta' l-ikel u jista' jgħid kemm fil-fatt jibqa' ikel żejjed u x'isir minnu jew x'sar minnu matul dawn l-aħħar sentejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ikel fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta jiġi pprovdut mill-kuntrattur privat u l-ordni ssir skond kif ikunu għażlu r-residenti stess. Allura, ma tantx jidher li jkun jagħmel sens li l-kuntrattur jibgħat ikel żejjed.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Prison Street, Naxxar għadha maqluha u ilha fi stat disastruż għal aktar minn xagħrejn b'detriment sew għar-residenti li jgħixu fit-triq inklużi dawk l-anzjani u li huma b'diżabilita? Jista' jgħid ukoll meta din it-triq sejra tkun lesta mix-xogħlijiet li baqa jsiru fuqha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol f'Prison Street qiegħed jitwettaq mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Prison Street, Naxxar għadha maqluha u ilha fi stat disastruż għal aktar minn xagħrejn b'detriment sew għar-residenti li jgħixu fit-triq inklużi dawk l-anzjani u li huma b'diżabilita? Jista' jgħid ukoll meta din it-triq sejra tkun lesta mix-xogħlijiet li baqa jsiru fuqha?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħui lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jara kif il-pulizija tal-Mosta għadhom ma għamlu xejn biex inaddfu vetturi wieqfin u abbandunati fi Triq wara l-Gradiljoli, Mosta u viċin fejn hemm numri ta' vetturi mingħajr il-pjanċi u liċenzji li huma mitluqin u dawn huma primarjament vannijiet żgħar bojod?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa dwar l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara kif l-arbli tal-ground tal-futball tan-Naxxar jinsabu kważi maqlugħin għar-riskju tan-nies?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-arbli tad-dawl. L-ilment tiegħu ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti ta' l-armata għadhomx fis-seħħ fejn għandu x'jaqsam mediċina li jkollha tinxtara minn membru ta' l-armata meta din il-mediċina ma tinstabx fl-isptar jew fl-armata stess u dan peress li sa ftit ta' żmien ilu suppost li meta din tinxtara minn membru ta' l-armata, kien ikollu jiffirma fuq l-irċevuta l-medical officer biex imbagħad dak il-membru jiġi rimbursat lura l-ispejjeż li oriġinarjament kien ħallas għal dik il-mediċina?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li r-regolamenti tal-Forzi Armati dwar provedimenti ta’ mediċini għadhom fis-seħħ.
Jista' il-Ministru jara li terġa' titnaqqas il-kera li tħallas il-persuna, li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament, għall-fond li fih jgħix ma martu u erbat itfal, peress li minn Lm52 l-kera għolietlu għal Lm120 fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju fuq il-kera nħadem skond il- kuntratt li ġie ffirmat fit-30 ta' Lulju 1997.
Jista' il-Ministru jara li l-każ tal-persuna li isimha qiegħed jintbgaħat separatament u li tgħix fis-sular ta’ fuq jigi mogħti lilha flat groundfloor u dan minħabba mard li tbati minnu hija stess u minħabba li għandha familja li għadha qed trabbi, liema każ diġa huwa f’idejn il-housing?
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ittieħdet id-deċiżjoni mill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar li Triq Parades, San Pawl il-Baħar, fejn hemm ħafna residenti bil-korozza privata tagħhom, ġew esklużi li jipparkjaw fi triq tagħhom stess meta ġiet imdaħħla bay kollha reserve li tibqa' sejra sal-kantuniera u eskludiet parkeġġ għal madwar 30 vettura? Jarax li din id-deċiżjoni li ttieħdet minn min hu suppost responsabbli, qedgħha tiddiskrimina bil-kbir mar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabblitajiet tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ġenerati flus mill-qligħ ta’ tombli u attivitajiet oħra simili organizzati għall-anzjani mis-sotto kumitati tal-kunislli lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Mosta u Rabat u dan matul s-snin 1998 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali disinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma kemm naqas l-overtime fil-pulizija matul s-sena 2001/2002 komparata mas-snin 1996/1998? Jista' jgħid jekk la darba tnaqqasx l-overtime għall-ranks tal-pulizija u surgenti, tnaqqas ukoll l-performanace allowance għall-gazetted officers inkluż dak tal-kummissarju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 1996 l-overtime imħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija kien jammonta għal Lm384,814 u dak imħallas fl-1998 kien ta` Lm276.954. Dawn l-ammonti telgħu għal Lm441,157 matul is-sena 2001 u Lm211,395 sa l-aħħar ta` Mejju 2002. Kif jidher ċar m`hu minnu xejn illi kien hemm it-tnaqqis allegat mill-Onorevoli Interpellant, anzi kien hemm żieda ta` 59% komparat ma` l-1998. Xorta waħda se jibqgħu jittieħdu miżuri biex ma jkunx hemm abbuż ta` overtime, u fuq dan nimmaġina li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi perfettament.
Jista' l-Ministru jara li jiddaħħal malajr kemm jista jkun is-servizz tad-dawl fil-kamra tan-nar ta’ 19th March tar-Rabat, Malta li tinsab fix-Xagħra l-Hamra, Binġemma meta fil-vicin diġa hemm s-servizz tad-dawl lill-residenti u meta n-nuqqas tad-dawl fil-kamra tan-nar licenzjata, tista tipperikola sew ħajjiet tan-nies li jaħdmu fiha?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qegħdin isiru transfers regolari minn post għall-ieħor fil-konfront ta’ persuna li isimha qed tintbagħat separatament li huwa beachcleaner meta dan minn beachcleaer f’Għajntuffieħa, bagħtuh l-Għadira, imbagħad San Pawl ma tal-kunsilli, imbagħad is-Salina etc. Jista' l-Ministru jgħid għaliex din il-persuna qiegħda tingħata dan it-trattament?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-persuna msemmija hi mpjegata bħala General Hand u tagħmel xogħol mal-Beach Cleaning Section. Bħala tali din il-persuna tkun meħtieġa taqdi dmirijiet assenjati lilha fejn ikun hemm bżonn, bħal ma jagħmlu l-impjegati l-oħra fl-istess grad u li qegħdin ukoll fl-istess sezzjoni.
Dan il-Beach Cleaner intbagħat mal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar wara li hu stess wera x-xewqa li jaħdem mal-Kunsilli Lokali u ntbagħat ma’ dan il-Kunsill peress li hu mir-Rabat biex b’hekk ma jkunx il-bogħod minn fejn jabita.
Jista' l-Ministru jara f’hiex waslet l-applikazzjoni u l-każ tal-persuna tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament li din applikat għall-alternative accomdation?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant m'għandiex applikazzjoni valida għal akkomodazzjoni alternattiva mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dan għaliex l-imsemmi Dipartiment bagħat għal din il-persuna diversi drabi biex tirregolariżża l-applikazzjoni li kienet għamlet, iżda hi naqset li tagħmel dan.
Il-persuna konċernata ġiet infurmata li l-każ tagħha kien ikkunsidrat magħluq.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħad separatament li jgħix f’garage, dwar akkomodazzjoni soċjali referenza tiegħu 0015866?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pazjenta anzjana li isimha qiegħed jintbagħat separatament li qiegħda fl-isptar San Luqa M6, ma hiex qiegħdha tuża sodda apposta biex jiġu evitati lilha bed soars bħal ma qed jingħataw pazjenti oħra u meta din ġa ilha fl-isptar 3 xhur shah?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.