Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux veru li dan l-aħħar daħlu fil-biċċerija mat-30 ħaddiem ieħor? Jista' jgħid fuq liema kriterju daħlu dawn il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li d-Divizjoni ta’ l-Ikel u Attivita Veterinaja ghandha 17-il “Trainee Butcher” li ddahhlu dan l-ahhar biex jaghmlu “Trainee Butchers Course” ta’ sena, bi ftehim mal-Korporazzjoni tax-Xoghol u Tahrig. Dawn bdew it-tahrig taghhom wara li saru “interviews” minn fost dawk li qed jirregistraw ghax-xoghol.
Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-ward ta' l-orthopaedic fl-isptar San Luqa, fejn hemm rikoverat il-pazjent li ismu qed jintbagħat separatament, li dan riċentement ried li jiġi maħsul u nurse barrani, li ismu wkoll qed jintbagħat separatament, probabbilment mill-Afrika, barra li ma riedx jagħmel dan, kellmu ħażin bil-lingwa Maltija?
Jaf il-Ministru li dan hu każ li jimmerita attenzjoni immedjata u li dan in-nurse barrani żgur li mhux qed jagħmel ġih lis-soċjeta` Maltija b'aġiru, wara li tajnih l-impjieg f'Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kien hemm rapport li daħal għand il-Customer Care fit-30 ta` Ottubru 2002 fejn ġie msemmi li pazjent ikomplejnja li nurse barrani qallu biex jinħasel meta kien muġugħ ħafna. Fir-rapport qatt ma semma li nurse kellmu ħażin bil-lingwa maltija. Il-każ dwar il-ħasil tal-marid ġie nvestigat mil-Nursing Administration ta` l-Isptar San Luqa fejn instab li dan in-nurse li huwa miżżewweġ Maltija ftiehem ħażin mal-pazjent li kien tant muġugħ. Fil-fatt il-pazjent inħasel kif xtaq hu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk b'segwitu tar-risposta tal-mistoqsija 33028 datata 6 ta' Mejju 2002, fil-fatt inħatrux jew le l-assistant principals b'effett lura minn Novembru 2001 u dan fil-kaz tal-persuni li isimhom qiegħed jintbagħat separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-process biex 68 Ufficjali Ezekuttivi jinhatru Assistenti Principali b’effett minn Novembru, 2001 ghadu ghaddej. 37 minn dawn mistennija jinhatru f’qasir zmien.
Jista' il-Ministru jgħid x'gara mill-applikazzjoni għall-housing soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament peress li sal-lum, jigifieri snin wara, il-persuna indikata għadha mingħajr risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma oħrajn li għandu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li huwa mizzewweg cittadina Maltija, li żżewgu fit-13 ta' Ġunju 1999, li huwa wkoll ħallas l-applikazzjoni tiegħu fis-26 ta' Ottubru 1999, l-ammont ta' Lm 17 għall-aplikazzjoni taċ-ċitadinanza, (receipt number P 177347) għadu sal-lum ma ircieva l-ebda risposta?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ m`għandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31022.
Jista' il-Ministru jgħid meta sejrin jinbdew x-xogħlijiet fi Triq magħrufa bħala x-Xagħra tal-Bandieri f'San Pawl il-Baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-area inkwistjoni hi milquta minn diversi problemi, fosthom dik li m'hemmx triq ippjanata, u għalhekk hu diffiċli li jsir xogħol ta' bini tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-pensjoni tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament bħala anness nru. 1, tinqasam f'żewġ partijiet indaqs waħda lilu u oħra lill-martu li isimha wkoll qiegħed jintbagħat separatament bħala anness nru. 2, peress li dawn ilhom separati de facto għal snin twal u peress li huwa wkoll ma għadux joqgħod fid-dar matrimonjali fejn tgħix hi, liema indirizz qiegħed ukoll jintbagħat separatament bħala anness nru. 3?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna msemmija dwar il-każ tagħha.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Għargħur - Triq Fra Duminku Mifsud
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tteħditilha art mir-roads department (Ref.284/02 RD), liema art tinsab bejn Main Street u Triq Fra Duminku Mifsud , Għargħur se jiġi kkompensat meta l-plots li jmissu miegħu fuq kull naħa diġa` tħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li sar fir-records tad-Dipartiment ta` l-Artijiet, irriżulta li ma saret l-ebda talba għal espropriju mir-Roads Department għal l-art indikata li tinsab bejn Main Street u Triq Fra Duminku Mifsud u għalhekk il-persuna li dettalji tagħha intbagħtu separatament ma tistax tiġi ikkumpensata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies fil-korp tal-pulizija li temmew b'suċċess l-għoti ta' scholarship u allura preżentament għandhom status akkademiku jew professjonali?
Peress li ħarġet sejħa għal postijiet ta' spetturi tal-pulizija huwa evidenti li hemm numru ta' vakanzi x'jimtlew f'dan ir-rank, allura jista' il-Ministru jgħid għaliex mhijiex tintuża l-proċedura promulgata f'Artiklu 18 (a) tar-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku meta l-korp tal-pulizija diġa` għandu nies gradwati għax gawdew sponsorship u allura tħallsu mill-fond konsolidat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 7 membri tal-Korp tal-Pulizija li temmew b`suċċess sponsorship mill-Korp fl-Universita`. Il-promozzjonijiet għal Spetturi fil-Korp tal-Pulizija, isiru wara li jkun intemm b`suċċess il-kors ta` sena fl-Universita` ta` Malta li jwassal għac-Certificate in Policing, skond kif provdut f`regolament 16 tar-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, liema regolament jirreferi għalih ir-regolament 18(a) ta` l-istess regolamenti. Kull membru tal-Korp li jkun imħajjar li javvanza u jkollu l-kwalifiki meħtieġa jista` japplika sabiex ikun ikkunsidrat għal din il-promozzjoni.
Jista` il-Ministru jgħid meta sejjer jinħareġ l-għajnuna soċjali lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u dan wara li llum hija legalment separata u li hija tinsab disokkupata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ser tirċievi l-Għajnuna Soċjali fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jara meta sejjer jingħata r-refund tat-taxxa lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li huwa pensjonant fil-bżonn?
Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad li fi Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar mhux se jingħata tarmak minħabba main ta' l-ilma li jrid jitwassal sa Datos Flats? X'qed jikkawża dan id-dewmien? X'inhu jżomm li x-xogħlijiet jsiru immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għall-kuntrarju ta' dak li timplika d-domanda ma nistax nikkonferma li fi Triq Jean de La Cassiere, San Pawl il-Baħar mhux ser issir bit-tarmac il-parti żgħira tat-triq li għadha ma saritx.
It-tarmac ma sarx għaliex illum qed ikun hemm insistenza li s-servizzi jitwasslu fejn suppost ikunu ser jitqieghdu, qabel isir it-tarmac. Id-dewmien fl-għoti ta' dan it-tarmac kien kawża tal-fatt li min għandu bżonn is-servizz ta' l-ilma ma applikax għal dan is-servizz.
Nispera li iktar 'il quddiem ma jkunx l-istess Onor. Interpellant li jistaqsi għaliex ma ngħatax permess biex titkisser it-triq ħalli s-sid tal-flats indikati jdaħħal l-ilma fil-flats tiegħu; u b'hekk ikisser it-triq kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf id-door numbering section? Kemm hemm nies jaħdmu f'din is-section? X'inhuma l-gradi ta' dawn l-impjegati? Taħt liema direttur taqa' din is-section?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Door Numbering Unit twaqqfet fl-1995 u taqa' taħt ir-responsabbilta' tad-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet. F'din il-Unit hemm jaħdmu sbatax-il ħaddiem u l-gradi tagħhom huma kif ġej:
1 Uffiċjal fi Grad 8
1 Technical Officer
1 Assistant Officer
6 Time-Keepers
1 Senior Tradesman
1 Meesenger II
4 General Hands
2 Lab. Drivers
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema impjegati mal-gvern kienu involuti fix-xogħlijiet ta' tisbiħ li saru ta' Sliema, u San Ġiljan bejn Ottubru 2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2002? Kemm uffiċjali tekniċi kienu involuti f'dan ix-xogħol? Min huma u kemm thallsu kull wieħed f'overtime? Kemm il-direttur kienu involuti f'dawn ix-xogħlijiet? Kemm il-periti kienu involuti wkoll?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema mpjegati tal-Gvern li ħadmu fuq ix-xogħol ta' tisbiħ li saru f'Tas-Sliema u San Ġiljan bejn Ottubru 2001 u l-aħħar ta' Ġunju 2002 kien jammonta għal 144.
Kien hemm tlett Diretturi mit-Taqsima tax-Xogħlijiet li kienu nvoluti f'dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li n-numru ta' periti kien:
Disinn 2
Xogħol fuq is-sit 2
L-uffiċjali tekniċi nvoluti f'dan ix-xogħol u kemm tħallas kull wieħed minnhom f'overtime jidhru fil-lista li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 33082, jista' jara għaliex ma hux qed jingħata benefiċċji soċjali bi dritt lil persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li dan ma għandhux kapital għola min dak li teżentah milli jieħu dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33082 f'Seduta 736.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 33138, jista' jara għaliex ma hux qed jingħata benefiċċji soċjali bi dritt lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li qiegħda fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u li m'għandhiex kapital għola minn dak li jeżentah milli jieħu dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33082 f'Seduta 736.