Jista' l-Ministru jgħid jekk il-MEPA ħarġitx permessi ġodda ta' farms fl-inħawi ta' Binġemma, fl-Imġarr, Malta u jekk ħarġu, f'isem min qegħdin dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-perijodu li għalih trid tapplika l-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir parking għall-karozzi tar-residenti ta' Main Street, il-Mosta fil-biċċa li tagħti minn Lord Nelson Bar & Restaurant għall-istatwa ta' San Ġużepp, fuq in-naħa tax-xellug inti u tiela' u mhux fuq in-naħa tal-lemin inti u tiela' lejn in-Naxxar u dan minħabba kif joqgħod l-ilma fit-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mosta ma għamel l-ebda lment jew rikjesta skond kif qed jiġi mitlub f'din il-Mistoqsija Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid kif inħareġ permess mill-MEPA (PA0072/02) u taħt liema kondizzjonijiet ħareġ meta dan il-kiosk qed jiġi operat mingħajr shaft, mingħajr post adekwat fejn jiġu storjati ċ-ċilindri tal-gass mingħajr ma hemm post sanitarju għal min jagħmel użu minnu u dawk li jmorru jużaw is-servizz tiegħu, u wkoll meta ċumnija li qegħda hemm lanqas biss hija mgħollija aktar minn 10 piedi mill-art u li hija mgħottija b'biċċa injama u qegħda wkoll viċin tal-Madonna tal-Kunċizzjoni? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa każ klassiku ta' abbuż fil-ħruġ tal-permess imsemmi? Jaf il-Ministru li dak li llum jinsab qed jopera dan il-kiosk, Rocc Take Away, kien ilu jopera mingħajr il-permess meħtieġ għall-iżjed minn Awissu li għadda? Jaf il-Ministru li r-residenti ta' Triq il-Kunċizzjoni, Ħad Dingli kienu diġa' għamlu l-oġġezzjonijiet kollha tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi investigat.
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti qegħdin isiru għal dawk l-operaturi tad-dgħajjes għall-ġarr ta' turisti bejn Malta u Kemmuna, li minnhom hemm madwar sitt kumpanniji, meta skond kif qed jingħad mhumiex se jitħallew jirmiġġjaw ma' Kemunett?
Jaf il-Ministru li din hija problema li għandha tiġi indirizzata mill-ewwel mingħajr telf ta' ħin fl-interess ta' l-industrija tat-turiżmu u dik ta' l-istess operaturi li magħhom jgħixu ħafna familji?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 33770, fejn il-Minsitru qal li din d-domanda hija ta' natura personali u li għandha tigi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13567 f'seduta 235, jista’ il-Ministru jara li ssir xi ħaga f'dan l-każ peress li l-familja qiegħda tbati immensament u allura din il-materja tigi segwita skond il-proċedura ndikata mill-Ministru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma tipprovdix servizz ta` fiżjoterapija fid-djar.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk armla għandhiex dritt għas-somma tar-raġel li miet jaħdem mal-gvern ftit xhur qabel ma ħareg bil-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-somma mħallsa lill-impjegati tal-Gvern taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid humiex sejrin joħorġu permessi għall-użu ta' boreholes lil dawk il-bdiewa li għandhom raba li fih ħafna siġar inkluzi dawk tad-dwieli, u minħabba nuqqas ta' ilma ikollhom jonfqu ħafna flus biex jixtru l-istess ilma meta għandhom depożitu qawwi ta' ilma taħt l-istess wiċċ tar-raba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħruġ ta' permessi għal spejjer m'hux kompitu tad-Dipartiment ta' l-Agrikultura, iżda hu responsabbilta' ta' l-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi. Dwar provvista ta' ilma għat-tisqija, il-Ministeru diġa' fassal Pjan ta' Żvilupp Rurali li taqsima essenzjali minnu titratta programm ta' bini ta' ġwiebi għall-ġbir u ħażna ta' l-ima magħruf bħala ''run-off water''.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex Triq Raddet ir-Roti fil-Baħrija tiġi asfaltata u ta' l-inqas tingħata wiċċ meta hemm residenti li diġa' ilhom joqogħdu hemm snin twal u ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi f'din l-aħħar sena saru diversi toroq ġodda fil-lokalita' tal-Baħrija fosthom Triq Girna, Triq Patri Tumas Xerri, Triq Ġdida Fi' Triq Patri Tumas Xerri u Triq il-Lewż filwaqt li għaddej xogħol fi Triq il-Qastan u fit-Triq li mir-Rabat twassal sal-Baħrija.
Jiena nfurmat ukoll li d-Direttorat tat-Toroq fil-preżent għamel programm biex ikomplu bl-asfalt ta' Triq ir-Rabat u toroq oħra fil-Baħrija. Ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant għalhekk, isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' asfaltar u ta' l-inqas il-wiċċ tat-triq l-Iskola, l-Baħrija peress li din ukoll ilha snin twal bir-residenti, uhud minnhom ilhom joqogħdu hemm 20 sena ta' l-inqas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 37340.
Jista' l-Ministru jgħid u jara li l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kien suġġett ta' deċiżjoni ta' l-Arbitru Numru 331/02 biex dan jiġi kkonsidrat fuq bażi umanitarja meta din ix-xebba ssofri minn mental subnormality u żgur mhux kapriċċ li taħdem biex b'hekk tgħix ħajja indipendenti? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa każ li jimmerita attenzjoni fiċ-ċirkostanzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li l-persuna ndikata tressqet f'żewġ okkażjonijiet differenti quddiem Bord Mediku maħtur apposta biex jagħti parir lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali fejn ikun hemm talba marbuta mal-kundizzjoni tas-saħħa ta' l-applikant. Informat ukoll li fiż-żewġ okkażjonijiet, għalkemm il-kompożizzjoni tal-Bord kienet differenti, il-Bord ma rrakkomandax li t-talba tiġi aċċettata.
Ta min jgħid li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma jagħtix poter lid-Direttur jew lil xi ħadd ieħor li juża d-diskrezzjonu u jmur kontra l-parir tal-Bord Mediku f'każijiet bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għad ma hemmx servizz ta' telephone boot u wkoll kaxxa ta' l-ittri fl-Imtarfa fl-inħawi tat-triq Philip Pullicino, Mtarfa
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill- Onor. Intepellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-btieħi li hemm wara d-djar li jinsabu fi Triq Philip Pullicino, Mtarfa, li huwa passaġġ pubbliku li jiġi wara d-djar tan-nies, għadu sallum bla dawl għalkemm diġa` tlestew l-installazjonijiet tad-dawl ma l-art stess?
Jarax l-Ministru li dan jimmerita attenzjoni speċjalment meta riċenti l-pulizija kienu qed ifittxu xi żgħażagħ fl-area li kienu qed jużaw il-post għal vizzju tad-droga.
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-dawl li qed issir riferenza għalih ma huwiex fir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Enemalta. Meta l-Korporazzjoni tirċievi l-applikazzjoni relattiva, is-servizz meħtieġ jingħata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli l-gate pubblika li riċentament inġibdet b'xi scammel u sejra taqa' u tikkawża xi inċident aktar gravi, li tinsab bejn Triq Antonio Ellul, u Triq il-Kaptan, Mtarfa, ssir it-tiswijiet fuqha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex bozza fit-triq li qedha titgħattha b'siġra fl-Imtarfa faċċata tan-numru 46, Triq l-Imtarfa, Mtarfa, titneħħa u titpoġġa fejn tista' tagħti d-dawl jew inkella, tiġi miżbura s-siġra li dejjem qed tagħti l-bozza.
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni, jirriżulta li hemm bżonn li jinżabru s-siġar li hemm fil-post. Id-dipartiment ta' l-Agrikoltura ġie nfurmat b'dan.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-konvenju li sar fit-18 ta' Gunju 1990, referenza 262/89 bejn l-Awtorita’ tad-Djar u l-persuni li isimhom qiegħed jintbagħat separatament għadu sal-lum ma ġiex konkluż u pubblikat l-kuntratt skond il-liġi?
Jista’ l-Minsitru jgħid jekk dan hux l-każ u kemm hemm konvenji oħra bħalu li għadhom ma ġewx konklużi.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li l-art li fuqha hemm mibni l-plot għada ma ġietx trasferita lill-Awtorita' tad-Djar.
L-Awtorita' tad-Djar għandha madwar 1408 plot assenjat lill-benefiċċjarji tagħha li għadhom ma ġewx trasferita lilha. Minħabba f'hekk il-kuntratt ta' enfitewsi ma jistax jiġi ffirmat.
Ta' min jgħid li minn żmien għal żmien id-Dipartiment ta' l-Artijiet jgħaddi lill-Awtorita' tad-Djar titolu ta' diversi plots permezz ta' Avviż Legali u l-Kuntratti rispettivi jiġu ffinaliżżati.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu iżomm lill-Kummissarju tal-Puliizija milli joħrog liċenzja tal-kaċċa lill-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament meta dan għandu l-kondotta tiegħu nadifa żgur għal dawn l-aħħar 20 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress li reċentement il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant instabet ħatja ta` ksur tar-regolamenti dwar il-kaċċa, it-talba tiegħu ma tistax tiġi ikkunsidrata.
Jista’ l-Ministru jgħid lil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar meta beħsiebu jagħti wiċċ tarmac lit-Triq Arznell San Pawl l-Baħar minħabba is-sitwazzjoni prekarja tagħha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu bżonn jiddistingwi x'inhu x-xogħol li għandu jagħmel Kunsill Lokali, minn dak li jsir mill-Gvern Ċentrali. Minbarra hekk, konvint li l-Onor. Interpellant jaf x'inhu l-mod li biħ jaħdmu l-Kunsilli Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadha ma saritx Triq it-Tonn, San Pawl il-Baħar? Huwa veru li hu rrapportat li qal man-nies li ma jridx jagħmilha ladarba saret protesta minn nies tat-triq fi programm tas-Super I?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tfassal programm ta' xogħlijiet mal-pajjiż kollu u x-xogħlijiet f'dan il-programm isiru skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw min żmien għal żmien.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda nista' nghid li kull meta jkun hemm xi ħadd li jirreferi għal xi rapport f'ġurnal jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni dwar xi triq partikolari, ir-risposta dejjem tkun li jekk dik it-triq mhiex imfassla li ssir lanqas mhi ser issir għaliex dwarha jkun sar rapport partikolari, inkluż jekk dan ir-rapport ikun sar fuq is-Super One.