Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li applika biex jaħdem xogħol ta' mosaic assembler mad-ditta li qed tiġi ndikata separatament, meta m'hemm l-ebda Malti kwalifikat biex jagħmel dan ix-xogħol, ġie rifjutat working permit mill-ETC? Jista' jara li dan il-każ jiġi rivedut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kaz imsemmi mill-Onor. Membru diġa' ġie kkunsidrat darbtejn mill-ETC. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma ħarġitx il-permess tax-xogħol għaliex il-kumpanija li talbitu ma pprovdietx evidenza;
li hija ppruvat ssib Maltin biex jagħmlu dan ix-xogħol
li l-persuna li għalih intalab il-permess huma formalment kwalifikat biex iwettaq ix-xogħol konċernat; u
dwar il-Maltin li ser jiġu mħarrġa mill-individwu
Barra minn hekk il-Pulizija għadha ma nfurmatx lill-ETC jekk għandhiex xi oġġezzjoni għall-ħruġ ta' dan il-permess.
Jista' l-Ministru jgħid xi protezzjoni qed issir għar-residenti li joqogħdu fi Triq il-Karrijiet, Rabat Malta minħabba trabijiet li qed isofru minn għalqa magħrufa bħala ta' Kola fejn ir-Roman Villa fejn din qed titħalla abbandunata u mingħajr xogħlijiet, liema għalqa qiegħda fil-kontroll assolut tal-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-għalqa magħrufa bħala "Ta' Kola" jew "Il-Wesgħa tal-Mużew" fejn id-Domus Rumana, ir-Rabat, Malta, hija skedata permezz tan-notifika tal-Gvern Numru 766/98 bħala sit ta' importanza arkeoloġika ta' Klassi B skond kif imfisser fil-Pjan ta' Struttura u kif provdut mill-Att dwar l-Iżvilupp. Waqt skavi preliminari bejn l-1983 u l-1984, f'dan is-sit kienu svelati għadd ta' fdalijiet ta' bini u materjal ieħor ta' żmien ir-rumani, jiġifieri ta' madwar elfejn sena ilu.
Il-Kunsill Lokali tar-Rabat kien applika (PA 3707/95) biex jiksi l-wiċċ ta' din il-wesgħa biex tintuża bħala parkeġġ. Wara konsultazzjoni mad-Dirpartiment ta' l-Artijiet u d-Dipartiment tal-Mużewijiet, f'Novembu 1999 inħareġ permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) b'għadd ta' kundizzjonijiet biex ikunu salvagwardati l-fdalijiet arkeoloġiċi.
Madankollu, fi Frar 2000, terzi persuni, fil-kapaċità privata tagħhom, ressqu appell (PAB 044/00) bħala ko-proprjetarji ta' l-art in kwistjoni, liema art kienet għadha ma ġietx esproprjata mid-Dirpartiment ta' l-Artijiet kif titlob il-liġi għalkemm kienu bdew il-proċeduri, kif xehdu ir-rappreżentanti tad-dipartiment waqt l-appell. F'Ottubru 2001, il-Bord ta' l-Appelli dwar Ippjanar irrevoka d-deċiżjoni tal-ħruġ tal-permess tal-parkeġġ minħabba li l-art in kwistjoni kienet għadha privata u l-permess kien inħareġ mingħajr ma ġew avżati u mingħajr il-kunsens tas-sidien proprji.
Bħalma ġara fir-rigward ta' l-applikazzjoni mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) lesta tiddiskuti kull proposta biex l-allegat inkonvenjent jitneħħa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex ma sarx ir-reinstatement ta' ex-pulizija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien applika għar-reinstatement f'Marzu ta' l-1992 meta dan kienu bagħtu għalih mid-Depot fi żmien il-Kummissarju Calleja u li sal-lum għadu mhux membru tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemmx x'wieħed iżid mat-tweġibiet li kienet ingħatat bil-miktub dak iż-żmien il-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk fit-18 ta' Lulju 2007 inżammitx seduta mill-Maġistrat inkwerenti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta u dan rigwardanti għibien ta' tape jew CD li naqas mill-proċess ta' każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jista' jikkonferma wkoll li f'din is-seduta kellu jagħti x-xhieda tiegħu uffiċjal tal-Qorti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Jikkonferma li din is-seduta damet sat-8.00p.m. u jista' jgħid jekk ġewx rintraċċati dawn it-tapes jew tape CD jew CDs hekk importanti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar it-18 ta' Lulju 2007 sar rapport mir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali fl-għassa tal-Belt Valletta dwar l-għejbien ta' kopja ta' Compact Disk mill-atti proċesswali fil-każ "Il-Pulizija versus Mario Camilleri et", f'liema kawża Mario Camilleri, it-tifel tiegħu Pierre Camilleri u Anthony Grech Sant qed jiġu akkużati b'tixħim ta' l-Imħallfin Noel Arrigo u Patrick Vella. In segwitu ta' dan ir-rapport, il-Pulizija nfurmat lill-Maġistrat ta' l-Għassa u saret Inkjesta Maġisterjali.
F'din l-Inkjesta Maġisterjali nstemgħu diversi xhieda, fosthom ir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali msemmi mill-Onor. Interpellant. Din l-inkjesta għadha mhix konkluża.
Madanakollu, ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ħadet il-passi neċessarji biex mill-ewwel esebixxiet kopja awtentika tal-kontenut kollu f'din il-Compact Disk quddiem l-istess Qorti.
Ta' min jgħid li kopji oħra ta' din il-Compact Disk jinsabu f'atti proċesswali oħra u għalhekk l-għejbien ta' din il-Compact Disk, bl-ebda mod ma jippreġudika l-andament tal-proċeduri
Tista' l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija legalment separata u li għandha żewġt itfal, li applikat għall-akkomodazzjoni soċjali skond applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta din effettivament se tingħata l-istess talba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar telefonati anonimi li saru u li għadhom isiru lis-sindku tal-Mosta? Jarax li jekk ġie lokalizzat psot minn fejn saru t-telefonati anonimi xi snin ilu x'inhu jżomm lill-puliżija milli tipproċedi skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għadha mhix konkluża.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-Kontrollur tas-Soċjeta' Malta and Europe Hotels Ltd. (MEH), proprjetarja ta' l-ex Grand Hotel Excelsior fil-Furjana, liema soċjeta':
. ilha f'idejn il-Kontrollur għal dawn l-aħħar 33 sena, minn wara l-għeluq tal-BICAL;
. fl-4 ta' Diċembru 1998 (disa' snin ilu) ħallset lill-BICAL is-somma ta' Lm1,580,000 għas-saldu tad-dejn oriġinali ta' madwar nofs miljun Lira Maltin u għalhekk l-iskop ta' Kontrollur spiċċa dakinhar.
X'kien qed jikkontrolla għal dawn l-aħħar disa' snin il-Kontrollur, u fl-interess u a spejjeż ta' min?
X'inhi r-raġuni li l-istess Soċjeta' MEH għadha ma ġietx likwidata, wara disa' snin mill-ħatra ta' likwidatur, u dan mingħajr ma ntemmet il-ħatra ta' Kontrollur? Jista' l-Prim Ministru jiffissa terminu għal-likwidazzjoni?
Jaf il-Prim Ministru li azzjonista maġġoritarju tas-Soċjeta' MEH, il-familja ta' l-Avukat Taljan Michele Martone li llum għandu 83 sena, kitbet lill-Onor. Franco Frattini, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, fejn talbu jintervjeni biex tinstab soluzzjoni ekwa għal dan il-każ li ilu jkaxkar 33 sena? (Ara s-sit ta' l-internet www.marteitaliano.com.mt)
Jidhirlu l-Prim Ministru li din il-Kamra għandha taħtar kummissjoni parlamentari biex tinvestiga u tipproponi miżuri xierqa u ġusti li jwasslu biex issir ġustizzja ma' l-azzjonisti tas-Soċjeta' MEH, kif ukoll biex nilqgħu għall-ħsara li qed issir fl-Ewropa għall-kredibilita' ta' Malta bħala ċentru serju ta' investiment barrani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet qed isiru jew saru fi Triq Aurora, Mosta, u dan peress li sa riċenti kien hemm drenaġġ li qed ifur fit-triq u wkoll minħabba li meta tinżel kwantita' ta' xita tfur l-istess Triq Aurora?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru xogħol fi Triq il-Ħtajriet li tinsab biswiet Triq Aurora. Bħala parti mix-xogħol qeda tinbena storm water culvert biex il-culvert tax-xita li tinsab fi Triq l-Aurora tkun tista' tiġi imqabbda u b'hekk it-triq imsemmija ma tibqax tfur bix-xita.
Ninsab infurmat ukoll li l-WSC qed jikkunsidraw li jsiru xi xogħliiet fuq '
main
' tad-drenaġġ biex tiġi solvuta il-problema eżistenti.
Jista' l-Ministru jara li ħitan tas-sejjieħ li huma mingħajr ilqugħ fi Triq Carmelo Sciberras, Triq Patri Delia u Triq Mons. Salamone fil-Mosta jiġu mibnijin mill-ġdid qabel ma jibda l-istaġun tax-xita, u dan kemm għal raġunijiet ta' tisqija tar-raba' kif ukoll għall-ilqugħ tal-ħamrija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ħitan tas-sejjieħ fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma tal-privat u b'hekk ix-xogħlijiet meħtieġa għandhom isiru mill-privat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Carmelo Sciberras u Triq Mons. Salamone fil-Mosta, limiti taż-Żokrija, huma l-uniċi toroq li ma ngħatawx it-tarmac? Jista' jara li dawn it-toroq jingħataw it-tarmac mill-aktar fis possibbli kif ingħataw toroq oħra fil-viċinanza?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant kienu ġew asfaltati b'si0stema ta' chip spray' u b'hekk ir-responsabilita' tal-manutenzjoni ta' dawn it-toroq hija tal-Kunsill Lokali.
Peress li Triq l-10 ta' Awissu u Triq l-Inkurunazzjoni fil-Mosta għadhom b'aktar minn nofshom bla tarmac u lanqas asfalt, ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li jsir dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fil-partijiet ta' Triq l-Inkurunazzjoni li ġew żvillupati kien ingħata asfalt b'sistema ta' 'chip and spray' u b'hekk il-manutenzjoni ta' din it-triq taqa' taħt ir-responsabiita' tal-Kunsill Lokali.
Rigward Triq il-15ta' Awissu ninsab infurmat li din it-triq kienet inbniet bit-tarmak. Meta saru l-ispezzjonijiet irriżulta li kien hemm
plot
li nbniet riċenti u s-sidien ta' dan il-plot għandhom l-obligu li jiffurmaw din il-parti tat-triq.
Jarax l-Ministru li z-zebra crossing u lights li tinsab preżentement eżatt mal-kantuniera bejn Valletta Road u Triq Manwella, Mosta li qiegħda f'periklu kemm għall-pedestrians u kif ukoll għas-sewwieqa, li din għandha titla 'l fuq lejn l-ground eżatt mal-kantuniera l-oħra u dan biex jiġi evitat kull periklu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ser tinvestiga l-possibilta’ li tinsab pożizzjoni alternattiva għal din il-pelican crossing fl-isfond ta’ l-arranġamenti tat-traffiku ta’ Valletta Road.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li jinsabu taħt bail jew house arrest u li l-każ tagħhom ilu aktar minn 15-il sena u għadhom sal-lum ma ġew deċiżi l-każi tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-każijiet hawn fuq indikati belt belt u raħal raħal għall-Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat mill-Pulizija illi hawn żewġ persuni (1 minn Ħaż Żabbar u 1 minn Bormla) li ġew mogħtija l-liberta' proviżorja mill-Qorti aktar minn ħmistax il-sena ilu u li l-każ tagħhom għadu mhux deċiż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta llum l-mandati tal-qbid fil-qrati tagħna naqsu bin-nofs (aktar anzi minn 50%) żdiedu 3 marixalli oħra? Fuq liema kriterju żdiedu dawn il-marixalli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-complement ta' Marixxalli Anzjani huwa ta' tmienja u d-doveri relattivi mal-grad huma l-eżekuzzjoni tal-mandati.
It-tliet Marixxalli Anzjani li żdiedu mas-sezzjoni kienu qegħdin biss jissostitwixxu tlieta oħra li kienu rtiraw bl-eta'. Tajjeb li wieħed jirrimarka li fuq kull mandat, normalment, joħorġu żewġ Marixxalli Anzjani u għalhekk effettivament hemm erba' gruppi li qegħdin fuq il-mandati.
Irid jingħad li dawn il-Marixxali ma jesegwux biss il-mandati ta' qbid, iżda wkoll mandati ta' żgumbrament, ta' deskrizzjoni etc. Il-mandati mhux kollha huma l-istess; hemm uħud li jitolbu iktar xogħol minn oħrajn minħabba n-natura ta' l-oġġetti li jkun qed jaqbdu. Il-mandati mis-sena l-oħra għal din is-sena ma naqsux bir-rata ndikata u dan kif jidher mill-istatistika li qed tiġi preżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
F'kull każ aktar veloċita' fl-esekuzzjoni hija dejjem prijorita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jingħata s-servizz ta' l-ilma li hu sospiż lil persuna mir-Rabat, li ismu qed jintbagħat separatament? Jarax li umanament hija inġusta li din il-familja ilha mingħajr dan is-servizz għal ħames snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat lima jirriżultax li kien hemm xi deċiżjoni minn naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma biex ikun sospiż is-servizz ta’ l-ilma fl-indirizz imsemmi. L-anqas m’hemm records li l-ilma ġie sospiż jew records ta’ ilmenti ta’ nuqqas ta’ servizz.
Minn spezzjoni fuq il-post irriżulta li stop cock tas-servizz qabel il-meter kien f’pożizzjoni magħluqa.
Dan issa infetaħ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24913 li tagħha l-Ministru wieġeb hekk: "Ninsab informat li t-tag ta' dan it-taxi driver ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-qorti fejn qed jinstema l-każ abbażi tar-regolament 131 (6) ta' l-MVR Liġi Sussidjarja 65.11. Fir-rigward tad-dewmien sabiex jinstama l-każ, jien informat li dan ma jaqax taħt il-kompetenza ta' l-awtorita' dwar it-trasport", jarax il-Ministru li qegħda tintuża two weights two measures meta f'każ ieħor ferm agħar minn dan it-taxi driver u nalludi għall-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jsuq taxi wkoll li dan għalkemm hemm allegazzjoni ta' każ ta' sokor waqt il-qadi ta' dmirijietu, ħalla n-nies l-art l-Imdina, meta suppost kien tour magħhom ta' sagħtejn u saħansitra ġġieled ma tnejn ta' l-awtorita' u xorta waħda wara ħamest ijiem sospensjoni, ingħata lura t-tag. Għaldaqstant jarax il-Ministru li dan huwa abbuż meta ġie preferut minn persuna li ssemma fil-mistoqsija parlamentari 24913 li dan ċertament għandu każ ferm inqas serju minn din l-istess persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'se tkun issa l-pożizzjoni ta' l-awtorita' dwar it-trasport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-tag tal-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament ser tiġi irtirata u t-tag ser tiġi sospiża sakemm jinqatgħa l-każ pendenti li hemm fil-Qorti kif inhu stipulat fl-Avviż Legali 65.11 regolament 131.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 24167, jista' l-Ministru jgħid: Liema kriterji ntużaw fl-għażla ta' l-espert tal-qorti fir-rigward tad-DNA u drug testing? X'inhuma l-kwalifiki minimi meħtieġa? Huwa minnu li jintgħażlu nies bħala esperti tal-Qorti mingħajr ma dawn lanqas għandhom l-ewwel degree fix-xjenza? Min hu l-espert xjentifiku tal-qorti fuq id-DNA fil-qorti tal-familja u xi kwalifiki għandu? Fuq liema kriterju ssir l-għażla ta' l-esperti tal-qorti fuq id-DNA, dejjem fil-każ tal-qorti tal-familja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-kawżi ta' natura kriminali, l-għażla ta' l-esperti hija mħollija fid-diskrezzjoni tal-ġudikant.
Għar-rigward il-Qorti tal-Familja, l-esperti li normalment jiġu nkarigati fuq materja ta' DNA huma s-Sur Christopher Farrugia u Dr Ronald Blundell. Hawn ukoll il-qorti teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fl-għażla ta' l-esperti għalkemm mhux l-ewwel darba li taċċetta nomina fejn il-partijiet fil-kawża jkunu qablu fuq persuna partikolari.