Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3890 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Immigranti mpjegati mal-kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif qed jiġi aċċettat li numru sostanzjali ta' immigranti qed jieħdu xogħol il-Maltin mal-kuntratturi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultalix li qed jiġi aċċettat li immigranti jieħdu xogħol il-Maltin mal-kuntratturi. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (KXT) QATT ma tippermetti li xi immigrant jitħalla jagħmel xogħol mal-kuntrattur jekk hemm Maltin li lesti jidħlu għal dak ix-xogħol. Il-KXT tieħu interess dirett billi flimkien ma kuntratturi tintervista u tħarreġ Maltin li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol u li jkunu tajbin għal xogħol ta' kostruzzjoni. Hija realta' li minkejja kull sforz għad hemm diffikolta biex tiġi sodisfatta id-domanda kollha ta' l-employers fl-industrija tal-kostruzzjoni. Fil-fatt il-Korporazzjoni flimkien ma' l-FOBC tapplika b'mod rigoruż il-kriterju li biex permess ta' barranin jiġi maħruġ kemm il-darba il-Maltin li hawn imħarrġa jingħataw preferenza u kif ukoll li l-kuntrattur jintrabat li jħarreġ lil xi ħadd Malti ieħor waqt li jkun qed iħaddem barrani. Il-Korporazzjoni dejjem saħqet li l-MALTI għandu jingħata preferenza mhux biss fix-xogħol imma anke fit-taħriġ sabiex b'hekk ikun hawn nies imħarrġa biżżejjed f'dan il-qasam.
Leg 10 PQ #3608 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Impjiegi — Każ dwar shift allowance

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex allegat ħlas żejjed ta' shift allowance fil-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, ġie deċiż mingħajr ma l-persuna milquta ġiet mogħtija d-dritt li tikkontesta dan il-każ u meta fiż-żmien indikat bejn l-1993 u l-2003 hemm perjodu minnu sew li huwa preskritt bil-liġi u oltre dan diġa' qiegħda tinqatagħlha mill-paga fix-xahar somma biex tiġi miġbura s-somma preteża mill-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mhux korret li l-persuna msemmija ma ngħatatx id-dritt li tikkontesta l-każ dwar ħlas żejjed, għax fil-fatt għamel dan permezz t'ittra mibgħuta mill-avukat tiegħu stess, liema ittra ġġib id-data ta' l-20 ta' Novembru, 2003. Barra minn hekk, huwa skorret li jingħad li qed isir xi tnaqqis mill-paga biex jagħmel tajjeb għall-ħlas li sar żejjed. Sa llum ma sar l-ebda tnaqqis mill-paga. Kull ma twaqqaf kien il-ħlas tas-Shift Allowance mhux dovut sabiex ma tkomplix tikber is-somma ta' ħlas żejjed.

Mosta — Ċentru ta' l-anzjani - anzjan residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsab fiċ-ċentru ta' l-anzjani fi Triq id-Dawr, Mosta mhux qed jaqbad bħala ħlas dovut lilu b'mod regolari peress li fil-fatt ġieli jaqbad Lm5, ġieli jaqbad Lm9 u xi kultant ma jaqbad xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Persuna ta' nazzjonalita' barranija — Permess biex taħdem f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jara li l-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex jingħata liċenzja biex jaħdem Malta (ref CEA/EXP 2218/2002, tiġi pproċessata fi żmien qasir ladarba għadda sew żmien mid-data ta' l-imsemmija applikazzjoni, u dan b'detriment għall-istess persuna li qegħda tistenna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-talba li saret għall-ħruġ ta` liċenzja ta` impjieg lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ma tistax tintlaqa`.

Persuna ta' ċittadinanza barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni in konnessjoni mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm oġġezzjoni għat-talba li saret biex tinħareġ liċenzja ta` impjieg lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant u għalhekk din it-talba ma tistax tintlaqa`.
Leg 10 PQ #3094 Sitting 67 2003-12-01 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Promotions

Question

Jista l-Prim Ministru jgħid meta sejrin joħorgu l-promotions fl-Armata bħala per eżemepju minn Lance Bombardier għal Bomabardier?Jarax l-Primi Minsitru li dawn għandhom joħorgu peress li ilhom snin ma joħorgu promozzjonijiet f'dawn ir-rankijiet u dan kif wkol ġie rakkomandat mill-Ombudsman.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li promozzjonijiet fil-Forzi Armati ingħataw inqas minn tlett snin ilu. Il-“Unit Commanding Officers” bdiet il-proċess biex tidentifika l-vakanzi inkluż dawk ta’ Bombardier.

Voice of the Mediterranean — Konferenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sewa l-isponsorship tal-Voice of the Mediterranean bħala radio għal vapur Odyssee u kemm swiet il-konferenza wkoll sponsorjata mill-istess radio taħt it-tmexxija tal-persuna ndikata separatament bejn l-24 u l-25 ta' Ottubru, 2003 dwar il-Multilingualism and International Radio Forum of EDXC?

Response (BORG, JOE)

Il-proġett Odyssey, li fih l-istazzjon Voice of the Mediterranean ħa sehem flimkien ma' sbatax-il pajjiż Mediterranju ieħor, sewa LM10,000. Il-Forum EDXC dwar Multilingualism and International Broadcasting sewa LM3,000.

Voice of the Mediterranean — Bejgħ ta' vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min biegħ l-erbgħa karozzi li kien hemm fir-Radio Voice of the Mediterranean , min awtorizza x-xiri ta' karozzi ġodda u kemm swiet din lir-radio?

Response (BORG, JOE)

Jiena nfurmat li l-Managing Director tal-Voice of the Mediterranean ħa ħsieb il-bdil ta' l-erba' karozzi qodma li kellu l-istazzjon u minnflok xtara tlieta ġodda. Karozza Mazda, li ma kellha ebda valur fis-suq, ġiet skrappjata, filwaqt li Kia Avella nbiegħet għas-somma t' LM800. Karozza oħra Hyundai Lantra ngħatat bħala part exchange għax-xiri ta' Peugeot 406. Il-karozza tad-Deputy Managing Director Libjan, Daewoo Espero, ukoll ngħatat b'part exchange minn dan l-uffiċċjal ma' Volkswagen Passat. Inxtraw b'kollox tlett karozzi ġodda għal figura netta ta' LM31,130 wara li jitnaqqas it-Trade in value tal-karozzi Hyundai Lantra u d-Daewoo Espero u l-ammont tal-bejgħ tal-Kia Avella.

Kuntratt għal xogħol ta' żebgħa fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ingħatax kuntratt fejn hemm imdaħħla kumpannija bl-isem ta' Bosec jew isem viċin, mill-Ingilterra probabbilment minn Cardiff, Wales, fejn se tintuża żebgħa għat-toroq u hemm involut ċertu persuna li isimha qed jiġi ndikat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma ngħata l-ebda kuntratt għax-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Voice of the Mediterranean — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Voice of the Mediterranean u dan kemm dwar is-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll dwar il-ħaddiema li jaħdmu li huma 12 full time u diversi part-time, inkluż kontributuri?

Response (BORG, JOE)

Ir-radju Voice of the Mediterranean twaqqaf b'inizjattiva bejn il-Gvern Malti u dak Libjan fl-1984 u beda jitrażmetti f'Ottubru 1988. Il-Gvern Malti fis-snin li għaddew qies jekk għandux jibqa jipparteċipa f'dan ir-radju u wasal għall-konklużżjoni li r-radju huwa mezz utli għad-djalogu bejn u tixrid tal-kulturi tal-pajjiżi tal-Mediterran. Ir-radju ixandar unikament programmi kulturali bil-Malti, bil-Gharbi, bit-Taljan, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u l-Ġappuniż u dawn il-programmi jitrattaw dwar l-istorja, l-identita, t-tradizzjonijiet u l-folklor tad-diversi pajjiżi tal-Mediterran. Ir-radju ixandar fuq frekwenza shortwave kif ukoll bl-internet u l-website qed ikollna mal-miljun hit fix-xahar. Il-Gvern Libjan, permezz tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Libjan, reċentement informa lill-Gvern Malti li m'għadx jara funzjoni għal dan it-tip ta' stazzjon. u għalhekk mhux ser jibqa jikkontribwixxi għall-ispejjeż tiegħu. Għalhekk dan l-istazzjon ser ikollu jagħlaq fil-31 ta' Diċembru 2003. Bejn is-snin 2001 u 2003, il-Gvern Malti għadda b'kollox is-somma ta' LM530,000 f'kontribuzzjonijiet dovuti lill-istazzjon skond il-ftehim mal-Gvern Libjan għal dan il-perijodu. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Libjan ma ħallasx il-kontribuzzjonijiet tiegħu minn Mejju ta' l-1998 sa' llum. Għalkemm l-istazzjon irċieva xi pagamenti mingħand il-Gvern Libjan wara l-2001, dawn kienu jkopru l-perijodu ta' qabel l-1998. B'hekk, ir-riservi li kellu l-istazzjon kellhom jintużaw matul dawn l-aħħar snin. Illum ir-radju għandu kredituri li b'kollox għandhom jieħdu LM144,403. Madankollu il-Voice of the Mediterranean għandu dovuti lilu s-somma ta LM980,699 bħala arretrati tal-kontribuzzjoni dovuti mill-Gvern Libjan. L-impjegati ta' l-istazzjon se jitħallsu dak kollu li hu dovut lilhom malli jtemmu l-impjieg tagħhom. Il-kontributuri wkoll se jitħallsu tax-xogħol kollu li huma wettqu bi ħlas għall-istazzjon. Inżid illi jekk il-Gvern Libjan jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu, l-istazzjon ikompli jxandar.

Voice of the Mediterranean — Web site

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Voice of the Mediterranean li l-Managing Director tiegħu hija l-persuna 'A' indikata separatament tat b'kuntratt il-web site tal-VOM lil kumpannija li jisimha Cyber Space u li fiha hemm ibnu stess indikat separatament bħala persuna 'B' u dan bi ħlas ta' aktar minn Lm3,000 fix-xahar?

Response (BORG, JOE)

Jien nfurmat illi t-tagħrif fil-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant huwa korrett.

Voice of the Mediterranean — Dejn

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk qabel ma daħlet bħala Managing Director il-persuna 'A' indikata separatament fil-Voice of the Mediterranean, u dan meta qabilha kien hemm il-persuna 'B' indikata separatament, kienx il-każ li l-finanzi tar-radio kienu favur ir-radio fl-ammont ta' aktar minn Lm400,000 u llum wara li ħadet over il-persuna 'A' il-finanzi qegħdin ferm fil-qiegħ? Jistax jagħti il-figura eżatt tad-dejn li għandu r-radio imsemmi?

Response (BORG, JOE)

Jiena nfurmat illi meta kien hemm bidla fil-persuna tal-Managing Director tal-Voice of the Mediterranean, f'Lulju 2000, l-istazzjon kellu LM216,492 f'depożiti fil-Bank, filwaqt li kien hemm somma ta' LM853,699 f'kontribuzzjonijiet pendenti minn naħa Libjana. Illum, iċ-ċifra ta' kontribuzzjonijiet pendenti minn naħa Libjana hija ta' LM980.699 filwaqt li l-ammont dovut lill-kredituri huwa ta' LM144,403.

Voice of the Mediterranean — Allokazzjoni ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati flus min-naħa tal-gvern u min-naħa tal-Libja fil-perjodu meta daħlet il-persuna ndikata separatament sal-lum u dan dejjem fir-Radio Voice of the Mediterranean?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Malti għadda b'kollox is-somma ta' LM620,000 bejn l-1 ta' Lulju 2000 sa' llum lill-Voice of the Mediterranean. Filwaqt li, minn naħa Libjana, baqgħu sa' llum għadhom ma tħallsux il-kontribuzzjonijiet dovuti minn Mejju ta' l-1998 (cioe minn sentejn qabel ma daħlet il-persuna ndikata separatament) sa l-2003, l-istazzjon irċieva s-somma ta' LM493,000 bħala ħlas ta' arretrati dovuti għas-snin ta' qabel Mejju ta' l-1998.

Voice of the Mediterranean — Managing Director

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-salarju tal-Managing Director preċedenti tal-Voice of the Mediterranean u kemm dan sar ftit xhur wara li laħqet f'din il-kariga il-persuna ndikata separatament? Jekk sar dan l-awment, min ta din l-awtorizzazzjoni?

Response (BORG, JOE)

Is-salarju li kien jirċievi l-Managing Director ta' l-istazzjon Voice of the Mediterranean qabel daħlet il-persuna li hemm illum kien ta' LM7,150 fis-sena. Il-Managing Director li hemm illum baqa' jieħu dan l-istess salarju sa l-aħħar tas-sena 2000, liema salarju tela' għal LM9,000 fis-sena skond il-kuntratt iffirmat mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi. Is-salarju l-ġdid kien ukoll konfermat mill-Bord tal-Kunsilliera ta' l-istazzjon.

Voice of the Mediterranean — Għamara ta' l-uffiċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inbiegħet l-għamara, liema għamara nbiegħet xorta għalkemm kienet proprjeta' tal-gvern, li kien hemm fil-Voice of the Mediterranean meta saret Managing Director il-persuna ndikata separatament u li ġiet replaced kollha b'għamara ġdida? Jikkonferma li din inbiegħet bi ftit liri? Jista' jgħid min ordna dan il-bejgħ u wkoll fejn spiċċaw il-flus ta' dan il-bejgħ?

Response (BORG, JOE)

Jien nfurmat illi parti kbira mill-għamara qadima ngħatat b'xejn lir-Richmond Malta Foundation, li hija organiżżazzjoni mhix governattiva tal-karita'. Parti oħra nbiegħet bi prezz żgħir ħafna. Ta' min jgħid li din l-għamara kienet bla valur u kellha fuqha tnax-il sena ta' wear and tear. Il-flus rikavati mill-bejgħ tal-għamara daħlu fil-kotba ta' l-istazzjon, li nfakkar li ġew awditjati minn kumpannija ta' l-awdituri.

Ħal Far — Dawl fit-toroq - Enemalta

Question

Jista l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bozoz ta' l-EneMalta li twaħħlu fejn hemm il-fabbrika tad-Dowty, Hal Far għadom sallum ma jixgħelux?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-bozoz li qiegħda ssir referenza għalihom ma jaqgħux taħt ir-responsabilita' ta' l-Enemalta iżda taħt ir-responsabilita' tal-Malta Development Corporation (Malta Enterprise). Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #2700 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

San Pawl il-Baħar — Tifla li tattendi l-iskola primarja

Question

Peress li l-persuna - li isimha qed jintbagħat separatament - għandha sitt snin u tattendi l-iskola primarja ta' San Pawl, peress li din it-tifla tbati minn autism li jfisser li għandha ntellett ta' sentejn biss; peress li tant huwa każ sever li għadha bin-nappies; u peress li tant tieħu mediċina qawwija li ommha trid toqgħod 24 siegħa magħha għaliex trid titħalla sajma qabel tieħu kull mediċina; jista' il-Ministru jara li jiġi awtorizzat li għalissa t-tifla ma tmurx skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li it-tifla imsemmija ilha ma tattendi skola minn Ottubru. L-assenza tagħha mill-iskola hija ċċertifikata minn tabib mediku, u kull ċertifikat ikopri xahar sħiħ. Skond il-kap ta' l-iskola inħareġ it-tieni ċertifikat li jkopri x-xahar ta' Novembru. L-iskola diġa' kkuntattjat lis-Social Worker li qiegħdha tieħu ħsieb il-każ.

Pulizija — Uffiċjali kadetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali kadetti jsegwu l-kors għal spetturi? Fiex inhuma gradwati? Meta bdew il-kors u meta se jiggradwaw għal spetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm 25 kadetti li qed isegwu l-kors għal Spetturi fil-Korp tal-Pulizija. Il-kors beda fil-11 ta` Frar ta` din is-sena u huwa mistenni li jintemm għal bidu tas-sena d-dieħla. Il-kwalifiki li għandhom dawn il-kadetti jinkludu: B.A. Communications B.A. Legal & Humanistic Studies B.A. Commerce B.A. History of Arts B.A. Arts B. Pharm B.A. Science B.A. Education Dip. Legal Procurator Dip. Notary Public

Naxxar — Triq l-Imdina - Xogħol ta' asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata mill-ġdid Triq l-Imdina, fin-Naxxar u dan wara li saru xogħlijiet fiha, liema triq tieħu sal-barriera taz-Ziza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tad-Drenaġġ għamlu xogħlijiet ta' storm water culverts u titjieb fis-sistema tad-drenaġġ f'din it-triq. Bħalissa waslu biex jitlestew d-diskussjonijiet bejniethom sabiex jaqsmu l-ispejjeż tar-resurfacing ta' din it-triq. Għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Qorti ta' l-UE — Nominazzjoni ta' imħallfin

Question

Jista' il-Ministru jgħid lil min ġie deċiż illi jiġi nominat bħala imħallef prima stanza u dak sekonda stanza fil-qorti ta' l-EU? Jista' jgħid ukoll min ġie nominat bħala AG fl-EU?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Membru li għad ma hemm ebda deċiżjoni fuq dawn in-nomini.